Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ġejjieni tal-Ewropa: Lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025

Strasburgu, I-14ta' novembru 2017

Bid-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa fl-aqwa tiegħu, illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tistabbilixxi l-viżjoni tagħha dwar kif nistgħu noħolqu Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025.

L-ideat ifformulati huma intiżi bħala kontribut għal-laqgħa tal-Mexxejja tal-UE f'Gothenburg li se sseħħ fis-17 ta' Novembru 2017, fejn dawn se jiddiskutu l-ġejjieni tal-edukazzjoni u tal-kultura. Il-Kummissjoni temmen li huwa fl-interess komuni tal-Istati Membri kollha li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u tal-kultura bħala xpruni għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-tkabbir ekonomiku u għall-ġustizzja soċjali kif ukoll bħala mezz li bih tiġi esperjenzata l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha.

Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen stqarr: “Bis-saħħa ta' sforz kollettiv, l-Ewropa kollha tkun tista' ssawwar il-ġejjieni tagħha, taffronta aħjar l-isfidi li qed tiffaċċja u ssir iżjed reżiljenti. Waħda mill-ikbar kisbiet tal-Ewropa kienet li jinbnew pontijiet fil-kontinent kollu tagħna bil-ħolqien ta' żona ta' moviment liberu għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini. Iżda għad hemm xi ostakli għall-mobbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni. Sal-2025 għandna ngħixu f'Ewropa li fiha t-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jiġux imxekkla mill-fruntieri, iżda li fiha n-normalità tkun li wieħed iqatta' ż-żmien fi Stat Membru ieħor biex jistudja, biex jitgħallem jew biex jaħdem.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, Tibor Navracsics, sostna: “Meta nħarsu lejn il-ġejjieni tal-Ewropa, neħtieġu nkunu mgħammra b'aġenda ambizzjuża u kondiviża dwar kif nistgħu nużaw il-kultura u t-tagħlim bħala xpruni għall-għaqda. L-edukazzjoni hija kruċjali, għaliex biha aħna nkunu mgħammra bil-ħiliet li neħtieġu biex insiru membri attivi tas-soċjetajiet tagħna li kulma jmur qed isiru iktar kumplessi. L-edukazzjoni tgħinna nadattaw għad-dinja li qed tinbidel malajr, biex niżviluppaw identità Ewropea, biex nifhmu kulturi oħra u biex niksbu l-ħiliet ġodda meħtieġa f'soċjetà mobbli, multikulturali u li kulma jmur qed issir iktar diġitali.”

F'laqgħa li seħħet f'Ruma f'Marzu 2017, il-mexxejja tal-Ewropa ħadu l-impenn li joħolqu “Unjoni li fiha ż-żgħażagħ jirċievu l-aqwa edukazzjoni u taħriġ u jistgħu jistudjaw u jsibu impjieg fil-kontinent kollu.” Il-Kummissjoni temmen li l-edukazzjoni u l-kultura jistgħu jkunu parti importanti mis-soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ, id-diġitalizzazzjoni kontinwa, il-ħtiġijiet għall-ħiliet fil-ġejjieni, il-ħtieġa li jiġu promossi l-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku f'era li fiha l-“fatti alternattivi” u d-diżinformazzjoni jistgħu jitkattru onlajn kif ukoll il-ħtieġa li jitrawwem sens ikbar ta' appartenenza fid-dawl tal-populiżmu u tal-ksenofobija.

Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandha tinkludi:

  • Mobbiltà li ssir realtà għal kulħadd: abbażi tal-esperjenzi pożittivi tal-programm Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, bl-espansjoni tal-parteċipazzjoni fihom, kif ukoll bil-ħolqien ta' Karta tal-Istudent tal-UE biex jiġi offrut mod ġdid favur l-utent biex tinħażen l-informazzjoni dwar ir-rekords akkademiċi tal-persuni;
  • Ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi: billi jitnieda “proċess ta' Sorbonne” ġdid, abbażi tal-“proċess ta' Bolonja”, biex titħejja t-triq għar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja;
  • Iżjed kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kurrikuli: billi jsiru rakkomandazzjonijiet biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-edukazzjoni jipprovdu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi kollha li huma meqjusa essenzjali fid-dinja tal-lum;
  • It-titjib tat-tagħlim tal-lingwi: billi jiġi stabbilit parametru referenzjarju ġdid għaż-żgħażagħ Ewropej li jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja għolja kollha, biex ikollhom għarfien tajjeb ta' żewġ lingwi oħra minbarra l-lingwa/i nattiva/i tagħhom sal-2025;
  • Il-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja: billi titfittex il-konverġenza u billi jiżdied il-persentaġġ ta' persuni li jkunu involvuti fit-tagħlim tul ħajjithom, bl-għan li jintlaħaq il-25 % sal-2025;
  • L-integrazzjoni tal-innovazzjoni u tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni: billi jiġi promoss taħriġ innovattiv u diġitali u billi jitħejja Pjan ta' Azzjoni ġdid għall-Edukazzjoni Diġitali;
  • L-appoġġ lill-għalliema: billi jiġi mmultiplikat l-għadd ta' għalliema li jieħdu sehem fil-programm Erasmus+ u fin-netwerk tal-ġemellaġġ elettroniku u billi tiġi offruta gwida ta' politika dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u tal-mexxejja tal-iskejjel;
  • Il-ħolqien ta' netwerk ta' universitajiet Ewropej sabiex universitajiet Ewropej ta' livell dinji jkunu jistgħu jaħdmu flimkien mingħajr intoppi minn fruntiera għall-oħra, kif ukoll l-appoġġ għat-twaqqif ta' Skola ta' Governanza Ewropea u Transnazzjonali;
  • L-investiment fl-edukazzjoni: billi jintuża s-Semestru Ewropew biex jiġu appoġġati r-riformi strutturali sabiex tittejjeb il-politika tal-edukazzjoni, billi jintużaw il-finanzjament mill-UE u l-istrumenti ta' investiment tal-UE biex jiffinanzjaw l-edukazzjoni, u billi jiġi stabbilit parametru referenzjarju għall-Istati Membri biex jinvestu 5 % tal-PDG fl-edukazzjoni.
  • Il-konservazzjoni tal-wirt kulturali u t-trawwim ta' sens ta' identità u ta' kultura Ewropea: billi permezz tal-impetu tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, tiġi żviluppata Aġenda Ewropea għall-Kultura u titħejja Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni tat-tagħlim.
  • It-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea ta' Euronews, li nħoloq fl-1993 minn għadd ta' xandara pubbliċi Ewropej, bl-ambizzjoni li jkun hemm stazzjon Ewropew li jagħti aċċess għal informazzjoni indipendenti u ta' kwalità għolja b'perspettiva pan-Ewropea.

Sfond

Ir-responsabbiltà primarja għall-politiki tal-edukazzjoni u tal-kultura hija tal-Istati Membri, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Madankollu, matul is-snin, l-Unjoni Ewropea qdiet rwol komplementari importanti. Dan huwa minnu b'mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet transfruntiera. Pereżempju, matul dawn l-aħħar 30 sena, bis-saħħa tal-programm Erasmus (Erasmus+ mill-2014 'il hawn), 9 miljun persuna setgħu jistudjaw, jitħarrġu, jitgħallmu jew jagħmlu volontarjat f'pajjiż ieħor.

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-Unjoni Ewropea żviluppat ukoll sensiela ta' għodod ta' politika mhux vinkolanti biex jgħinu lill-Istati Membri fit-tfassil ta' politiki nazzjonali tal-edukazzjoni. Mis-sena 2000 'il hawn, l-Istati Membri kkooperaw fil-“Qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ” li stabbilixxa objettivi u parametri referenzjarji komuni.

Fl-2010, l-UE stabbiliet żewġ miri għaliha fil-qasam tal-edukazzjoni fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 fejn diġà nkiseb progress reali. It-tluq bikri mill-iskola tnaqqas minn 13.9 % fl-2010 għal 10.7 % fl-2016, u huwa mistenni li l-mira tilħaq l-10 % sal-2020. Il-livell edukattiv terzjarju milħuq żdied sa 39.1 % fl-2016 minn 34 % fl-2010, u huwa mistenni li l-mira tilħaq l-40 % sal-2020.

Il-Kummissjoni temmen li issa wasal iż-żmien li nibnu fuq dawn il-pedamenti u nżidu l-ambizzjoni tagħna bil-kbir.

Sabiex din ir-riforma tiġi ggwidata u sabiex titqanqal diskussjoni hekk kif l-Ewropa qed tħares lejn il-ġejjieni tagħha, il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta' Settembru 2017 ippropona Pjan Direzzjonali għal Unjoni aktar Magħquda, aktar Qawwija u aktar Demokratika. Il-laqgħa f'Gothenburg li se sseħħ fis-17 ta' Novembru 2017 se tkun opportunità biex il-mexxejja jiddiskutu it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u tal-kultura.

Għal Iktar Informazzjoni

Il-Komunikazzjoni: Lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025: it-trawwim ta' Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u tal-Kultura

Sensiela ta' Skedi Informattivi dwar it-tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u tal-Kultura

Nota strateġika miċ-Ċentru Ewropew ta' Strateġija Politika (EPSC) dwar l-10 xejriet li qed jittrasformaw l-edukazzjoni kif nafuha

Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ tal-2017 tal-Kummissjoni: iċ-ċifri ewlenin dwar il-qagħda tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-UE

#FutureOfEurope #EURoad2Sibiu

IP/17/4521

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar