Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Rapport: Ftehimiet kummerċjali tal-UE fis-seħħ qed jagħtu benefiċċji tanġibbli

Brussell, id-9ta' novembru 2017

Rapport ġdid tal-Kummissjoni jenfasizza r-riżultati pożittivi tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti tal-UE u jidentifika oqsma għal titjib.

L-UE llum ippubblikat rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti tagħha. Dan ir-rapport orizzontali huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu u jitfa' dawl fuq x'jiġri wara li jiġu nnegozjati ftehimiet ta' kummerċ u jkunu daħlu fis-seħħ.

Il-pubblikazzjoni hija pass ieħor lejn politika kummerċjali trasparenti u inklużiva b'mod sħiħ, skont l-impenji meħuda mill-Kummissjoni stabbiliti fl-istrateġija tal-UE tal-2015 “Kummerċ għal Kulħadd”.

F'kummenti dwar ir-rapport, il-Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE Cecilia Malmström qalet: “Is-suċċess ta' politika kummerċjali tal-UE jitkejjel mhux biss permezz ta' ftehimiet kummerċjali ġodda, iżda wkoll billi jiġi żgurat li l-ftehimiet eżistenti tagħna jagħtu riżultati. Ir-rapport li ġie ppubblikat illum jikkonferma li l-ftehimiet kummerċjali tagħna jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea: dawn fissru żidiet sinifikanti fl-esportazzjonijiet, li minnhom ibbenefikaw il-kumpaniji tal-UE u l-impjegati tagħhom. Ninsabu wkoll fit-triq it-tajba f'dak li għandu x'jaqsam mal-impenn konkret mas-sħab tagħna fejn jidħlu l-istandards tax-xogħol u tal-ambjent. Barra minn hekk, dan ir-rapport għandu lezzjonijiet siewja dwar x'nistgħu nagħmlu aħjar meta nistabbilixxu ftehimiet ġodda.”

B'mod ġenerali, il-ftehimiet tal-UE jidhru li jwasslu għal aktar esportazzjonijiet mill-UE u tkabbir, b'żidiet ewlenin fl-esportazzjoni lejnl, pereżempju:

  • il-Messiku (+ 416 % mill-2000),
  • iċ-Ċilì (+ 170 % mill-2003),
  • il-Korea t'Isfel (+ 59 % mill-2011),
  • is-Serbja (+ 62 % mill-2013).

Ir-rapport juri li ħafna drabi huma s-setturi agrikoli u tal-vetturi bil-mutur tal-UE li jibbenefikaw l-aktar. Pereżempju, l-esportazzjonijiet tal-karozzi lejn il-Korea t'Isfel żdiedu b'244 % mill-2011 'l hawn, u fil-każ tal-ftehim mal-Kolombja u l-Perù kien hemm żieda ta' 92 % u 73 %, rispettivament, fl-esportazzjonijiet ta' prodotti agrikoli mill-UE.

Ir-rapport jinvestiga wkoll l-impatt tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-kapitoli “Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli”, li jkopru l-protezzjoni tal-ambjent u d-drittijiet tax-xogħol, preżenti fil-ftehimiet iktar ġodda. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex wieħed jiġbed konklużjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli inklużi fil-ftehmiet kummerċjali tal-UE, minħabba li din hija prattika relattivament riċenti, diġà hemm għadd kbir ta' eżempji ta' kollaborazzjoni pożittiva dwar kwistjonijiet li jmorru lil hinn mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ li saru possibbli grazzi għal dawn il-ftehimiet. L-UE tista' pereżempju tinvolvi ruħha fi kwistjonijiet bħal-libertà ta' assoċjazzjoni, il-vjolenza kontra membri ta' trade unions, it-tħaddim tat-tfal, l-ispezzjonijiet tax-xogħol, in-negozjar kollettiv, il-konsultazzjoni tripartitika, u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

L-ewwel lezzjonijiet enfasizzati fir-rapport fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kapitoli relatati mal-iżvilupp sostenibbli se jidħlu fid-dibattitu usa' tal-Kummissjoni dwar kif tista' tittejjeb l-effikaċja tar-regoli tal-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali tagħna, ġew imnedija b'dokument ta' diskussjoni f'Lulju ta' din is-sena.

Ir-rapport jidentifika wkoll oqsma għat-titjib sabiex jiżdiedu l-benefiċċji tal-ftehimiet eżistenti. Minkejja l-impatt pożittiv ġenerali tal-ftehimiet kummerċjali għall-esportazzjonijiet tal-UE, il-kumpaniji tal-UE ma jiħdux vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti. Pereżempju, il-punt sa fejn in-negozji tal-UE qed jużaw tnaqqis tariffarju huwa aktar baxx fuq in-naħa tal-UE minn dik tas-sħab tagħna. Għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi fejn hemm fis-seħħ ftehimiet kummerċjali ġodda, il-kumpaniji tal-UE jagħmlu użu minn tnaqqis tad-dazju disponibbli għal madwar 70 % tal-esportazzjonijiet eleġibbli tagħhom, filwaqt li s-sħab tagħna jużaw dak it-tnaqqis tad-dazju f'madwar 90 % tal-każijiet.

Barra minn hekk, għal xi prodotti sensittivi, minflok il-liberalizzazzjoni sħiħa, l-UE u s-sħab tagħha jaqblu dwar ftuħ limitat tas-suq permezz ta' kwoti mingħajr tariffi, magħrufa bħala Kwoti Tariffarji (Tariff Rate Quotas, TRQs). Ir-rapport juri li dawn il-possibilitajiet ta' spiss ma jintużawx biżżejjed mill-esportaturi tal-UE: għall-ġobon, intużaw biss 4.3 % mill-kwota totali għall-esportazzjonijiet lejn il-Perù, 7.9 % għall-Kolombja u 44 % għall-Amerika Ċentrali. L-istess jgħodd għall-użu ta' xi TRQs konċessi mill-UE fuq xi prodotti sensittivi, minkejja li dawn il-kwistjonijiet huma fost l-aktar kontroversjali matul in-negozjati.

Ir-rapport jenfasizza aktar il-bżonn ta' sensibilizzazzjoni fost il-kumpaniji tal-UE — b'mod partikolari dawk żgħar u ta' daqs medju — dwar l-opportunitajiet li dawn il-ftehimiet joffru, biex jespandu l-esportazzjonijiet tagħhom u jkabbru n-negozji tagħhom.

Ir-rapport issa se jkun soġġett għal diskussjoni mal-Membri tal-Parlament Ewropew u mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill. Il-Kummissarju Malmström se tippreżenta r-rapport lill-Ministri tal-Istati Membri fil-laqgħa tal-Kunsill nhar il-Ġimgħa, 10 ta' Novembru. Dan se jkun ukoll il-bażi għal diskussjoni mas-soċjetà ċivili, bl-okkażjoni li jmiss se tkun Jum il-Politika Kummerċjali tal-UE fil-5 ta' Diċembru fi Brussell.

Aktar informazzjoni

Ir-rapport sħiħ

Skeda informattiva

Blog tal-Kummissarju Malmström: Rieżami tal-ftehimiet kummerċjali tagħna

Ftehimiet kummerċjali tal-UE

Trasparenza tal-politika kummerċjali fil-prattika

Jum il-Politika Kummerċjali tal-UE

IP/17/4486

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar