Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni: Nikkonsolidaw il-progress li sar

Brussell, il-15ta' novembru 2017

Bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew f'Diċembru, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli llum qed jistabbilixxu l-ħidma li għad hemm bżonn sabiex jiġu kkonsolidati r-riżultati pożittivi miksuba tul dawn l-aħħar snin.

Bl-għadd totali ta' qsim irregolari tul ir-rotot migratorji prinċipali li naqas b'63 % fl-2017, l-isforzi kollettivi sabiex jiġu protetti l-fruntieri esterni tal-UE, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi sħab sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari, it-titjib tal-protezzjoni għall-migranti u r-rebħa tal-ġlieda kontra t-traffikanti qed jagħtu riżultati konkreti. B'ħarsithom lejn il-futur u filwaqt li jinnutaw li l-impenji esterni u interni fir-rigward tal-migrazzjoni huma marbutin mill-qrib ma' xulxin, il-Kummissjoni u Rappreżentant Għoli qed isejħu għal aktar azzjoni kkoordinata mill-UE, mill-Istati Membri u mill-pajjiżi sħab, sabiex javvanzaw b'mod parallel u sabiex iżommu l-intensità tal-isforzi tal-UE fl-oqsma kollha, biex b'hekk jiġġestixxu aħjar il-migrazzjoni flimkien.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Sa mill-2015 aħna għamilna progress reali permezz tal-ħidma konġunta tagħna sabiex niġġestixxu l-migrazzjoni aħjar b'mod komprensiv . Madankollu għad fadlilna x'nagħmlu, u din il-kwistjoni se tibqa' magħna għal xi żmien. Għalhekk irridu nkomplu bl-isforzi komprensivi u konġunti tagħna b'aktar enerġija u determinazzjoni, sabiex nikkonsolidaw il-kisbiet tagħna u nwettqu l-Aġenda Ewropea kollha dwar il-Migrazzjoni. Il-migrazzjoni tibqa' t-tħassib primarju għaċ-ċittadini tagħna, u għandha tibqa' wkoll il-prijorità ewlenija tagħna.”

Ir-Rappreżentant Għoli / il-Viċi President Federica Mogherini qalet: “F'dawn l-aħħar sentejn, l-enerġija tagħna kienet ddedikata biex nittrattataw b'mod uman u b'mod effikaċi wieħed mill-aktar fenomini ta' sfida ta' żminijietna. Konna qed nappoġġaw lill-IOM u lill-UNHCR sabiex jgħinu lil persuni f'diffikultà u sabiex jassistu fir-ritorn volontarju. Daħħalna fis-seħħ il-Pjan ta' Investiment Estern li se jimmobilizza EUR 40 biljun f'investimenti privati. Aħna konna qed naħdmu mal-ħbieb Afrikani biex nindirizzaw il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni. L-approċċ tagħna dejjem kienu l-kooperazzjoni u s-sħubija, u se jibqgħu.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Gradwalment ħerġin mill-istat ta' kriżi u issa qed niġġestixxu l-migrazzjoni fi spirtu ta' sħubija u ta' responsabbiltà kondiviża, fl-Ewropa u barra minnha. B'aktar minn 34 400 wegħda ġdida ta' risistemazzjoni li daħlu sa issa, jien nilqa' l-impenn qawwi muri mill-Istati Membri biex innaqqsu r-rotot irregolari u perikolużi u nsaħħu r-rotot sikuri u legali, filwaqt li nuru solidarjetà mal-pajjiżi ospitanti barra l-UE.”

Nindirizzaw il-kawżi prinċipali u nsalvaw il-ħajjiet

Sa minn Settembru, l-UE kompliet iżżid l-appoġġ tagħha sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni:

  • Fit-Turkija, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tikkonkludi kuntratti li jamontaw għal EUR 3 biljun fl-ambitu tal-Faċilità tar-Refuġjati sal-aħħar tal-2017. Sa minn Ottubru, miljun refuġjat Sirjan mill-aktar vulnerabbli bħalissa jirċievu trasferimenti elettroniċi ta' flus ta' kull xahar.
  • Sentejn wara t-tnedija tiegħu, il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika qed iżid l-istabbiltà u r-reżiljenza billi jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u l-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-pajjiżi li qed iħabbtu wiċċhom ma' kriżijiet ta' natura differenti u ma' sitwazzjonijiet ta' emerġenza, bi programmi li ġew approvati u li jiswew kważi EUR 2 biljun sa issa.
  • Qed issir aktar enfasi fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet, ħafna drabi tal-biża', li l-migranti jħabbtu wiċċhom magħhom fil-Libja, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNHCR, UNICEF u mal-IOM. Kważi 4 000 migrant u aktar minn 2 000 familja Libjana spustata rċevew assistenza medika u appoġġ bażiku, filwaqt li qed tingħata għajnuna u assistenza medika lil migranti inkluż f'ċentri ta' detenzjoni.

Sabiex jiġi indirizzat wkoll it-traffikar tal-bnedmin u sabiex jiġu salvati l-ħajjiet fid-deżert u fuq il-baħar:

  • Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika jappoġġja l-ħidma tal-OIM u tal-awtoritajiet tan-Niġer biex iwettqu missjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fid-deżert b'aktar minn 1 100 migrant li ġew salvati wara li ġew abbandunati mit-traffikanti fl-2017.
  • Aktar minn 15 000 migrant, inkluż aktar minn 10 000 ruħ mil-Libja, diġà bbenefikaw mir-ritorn volontarju assistit, u qed jitħejjew proġetti sabiex tissaħħaħ il-ħidma mal-ġirien tal-Libja sabiex aktar migranti jiġu megħjuna jirritornaw mil-Libja lejn djarhom.
  • Bi 13-il mezz mobilizzat, l-operazzjonijiet tal-UE Triton u Sophia komplew jappoġġaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri fuq il-baħar sabiex jiġu salvati l-ħajjiet u biex jinqabdu l-persuni ssuspettati li huma huma traffikanti u kuntrabandisti. Fin-Niġer, l-appoġ tal-UE lill-awtoritajiet tan-Niġer wassal sabiex jiġu arrestati 100 persuna ssuspettati li huma traffikanti u kuntrabandisti.*

Is-solidarjetà u l-appoġġ tal-UE mar-refuġjati u mal-pajjiżi ospitanti

L-iskema ta' risistemazzjoni tal-UE adottata f'Lulju 2015 waslet biex tintemm b'suċċess u r-risistemazzjonijiet skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija qed ikomplu b'pass tajjeb - b'kollox, aktar minn 25 700 persuna ġew risistemati sa mit-tnedija tal-iskemi. F'Settembru l-Kummissjoni nediet skema ġdida sabiex jiġu risistemati mill-inqas 50 000 refuġjat li huma l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari tul ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, sa Ottubru 2019. Sa issa, aktar minn 34 400 impenn waslu mingħand 16-il Stat Membru.

Sentejn ilu, u b'madwar 750 persuna biss fil-Greċja u 3 100 persuna fl-Italja li fadal jirrilokaw, l-iskema ta' rilokazzjoni tal-UE waslet b'suċċess fi tmiemha. Aktar minn 31 000 persuna ġew rilokati sa issa. Filwaqt li kważi l-Istati Membri kollha rrispettaw l-obbligi legali tagħhom, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja sa issa, minn Lulju, ma ħadu l-ebda miżura biex jiġi indirizzat in-nuqqas inkluż fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni – għalhekk il-proċeduri ta' ksur għadhom għaddejjin.

Avvanzi f'dak li għandu x'jaqsam mar-ritorn u r-riammissjoni

Bil-konklużjoni ta' ftehim f'Settembru mal-Bangladesh, dwar Proċeduri Operattivi Standard dwar ir-ritorn, sar progress fuq element ewlieni tal-approċċ tal-UE sabiex il-migrazzjoni tiġi ġestita aħjar. L-UE se tkompli twettaq kooperazzjoni prattika strutturata ma' pajjiżi ewlenin oħra skont dan l-approċċ il-ġdid. L-Involviment mal-Côte d'Ivoire, mas-Senegal u mal-Mali se jiġi intensifikat, u n-negozjati li jinsabu għaddejjin dwar ir-riammissjoni man-Niġerja u mat-Tuneżija għandhom jiġu ffinalizzati mill-aktar fis possibbli.

Sa Novembru, passi operattivi ġodda sabiex jiġu appoġġati l-Istati Membri dwar l-operazzjonijiet ta' ritorn se jitressqu mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, li se sservi bħala punt ċentrali marbut mar-ritorn fil-livell tal-UE.

Il-passi li jmiss lejn politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil iktar b'saħħitha, iktar effettiva, u iktar ġusta.

Sabiex il-Fond Fiduċjarju tal-Afrika jkun jista' jkompli jappoġġa l-programmi, b'mod partikolari fil-Libja u fl-Afrika ta' Fuq, l-Istati Membri jenħtieġ li jżidu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom.

Fir-rigward tar-risistemazzjoni, l-Istati Membri għandhom ikomplu jwiegħdu postijiet sabiex tintlaħaq il-mira ta' mill-inqas 50 000 post sabiex jibda l-ippjanar konkret tal-proċess ta' risistemazzjoni, inkluż l-appoġġ għall-mekkaniżmu ta' evakwazzjoni mil-Libja f'kooperazzjoni mal-UNHCR, u għandhom japprovaw il-Proċeduri Operattivi Standard għall-Iskema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja, li ġiet finalizzata mill-Kummissjoni u mit-Turkija.

B'rati ta' ritorn fil-livell tal-UE li għadhom mhux sodisfaċenti, dan huwa qasam li jeħtieġ l-impenn ta' kulħadd biex jiġi żgurat li jkun hemm progress konkret. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna jiġbru u jipprovdu dejta aħjar dwar ir-ritorni sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni aħjar ta' kemm huma effettivi r-ritorni u fejn l-għajnuna tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tista' tikkontribwixxi b'mod utli. L-UE għandha tkompli b'mod kollettiv tesplora l-mobilizzazzjoni tal-inċentivi u tal-mezzi ta' pressjoni kollha sabiex iseħħ progress rigward ir-ritorn, kif approvat mill-Kunsill Ewropew.

Skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, l-awtoritajiet Griegi għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom u jipprovdu riżorsi adegwati biex jiżguraw li ritorni lejn it-Turkija jkunu effettivi u biex iwettqu dan l-element ewlieni tad-Dikjarazzjoni. Minn Marzu 2016 sa issa twettqu biss 1 969 ritorn.

Kuntest

Malli ħa l-kariga, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ta lil Kummissarju inkarigat bir-responsabbiltà speċjali għall-Migrazzjoni, lil Dimitris Avramopoulos, il-missjoni li jaħdem flimkien mal-Kummissarji l-oħrajn, taħt il-koordinazzjoni tal-ewwel Viċi President Frans Timmermans, fuq politika ġdida dwar il-migrazzjoni bħala waħda mill-10 prijoritajiet tal-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni Juncker.

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet strateġija estensiva, permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, biex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati tal-kriżi li għaddejja, kif ukoll biex l-UE tiġi mgħammra bl-għodda biex tiġġestixxi aħjar il-migrazzjoni f'perjodu medju u fit-tul fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni legali.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tippreżenta l-iżviluppi sa minn kmieni f'Settembru u tidentifika l-kwistjonijiet attwali ewlenin li jeħtieġu attenzjoni partikolari. Din tiġbor flimkien għall-ewwel darba l-flussi ta' ħidma differenti tar-rapporti ta' progress dwar id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi f'rapport wieħed, li jirrifletti n-natura komprensiva tal-ħidma sabiex titwettaq l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

Għal Iktar Informazzjoni

Ir-Rapport ta' progress dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Anness 1: Il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika

Anness 2: Il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE - Turkija

Anness 3: Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

Anness 4: Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

Anness 5: Ir-Ritorni

Anness 6: Ir-Rilokazzjoni

Anness 7: Ir-Risistemazzjoni  

Id-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill - Rapport ta' progress dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Skeda informattiva: Ir-Risistemazzjoni – L-iżgurar ta' aċċess sikur u legali għall-protezzjoni tar-refuġjati

Skeda informattiva: Ir-Rilokazzjoni – Solidarjetà tal-UE bejn l-Istati Membri

Skeda informattiva: Ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali

Skeda informattiva: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta

Skeda informattiva: Lejn politika ta' ritorn tal-UE aktar effiċjenti u kredibbli

Skeda informattiva: L-appoġġ finanzjarju lill-Greċja

Skeda informattiva: L-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Italja

Skeda informattiva: Il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika

Skeda informattiva: Il-Faċilità tal-UE għar-Refuġjati fit-Turkija

#MigrationEU 

 

* Din l-informazzjoni ġiet aġġornata fil-15 ta' Novembru.

IP/17/4484

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar