Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-passi li jmiss kontra l-aħbarijiet foloz: Il-Kummissjoni twaqqaf Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli u tvara konsultazzjoni pubblika

Brussell, it-13ta' novembru 2017

Illum, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni pubblika dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni fuq l-internet u waqqfet Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli li jirrappreżenta l-akkademiċi, il-pjattaformi online, il-midja tal-aħbarijiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Ħidmet il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli kif ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika se jikkontribwixxu għat-tiswir ta' strateġija fil-livell tal-UE dwar kif jiġi indirizzat it-tixrid tal-aħbarijiet foloz. Din se tiġi pprezentata fir-rebbiegħa tal-2018.

Fi kliem Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni: “Il-libertà li wieħed jirċievi u jaqsam ma' ħaddieħor l-informazzjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Aħna ngħixu f'era meta l-fluss tal-informazzjoni u d-diżinformazzjoni sar kważi joħnoqna. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nagħtu liċ-ċittadini tagħna l-għodod biex jidentifikaw l-aħbarijiet foloz, itejbu l-fiduċja online, u jimmaniġġjaw l-informazzjoni li jirċievu.” 

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali żied: “Jeħtiġilna nsibu metodoloġija bilanċjata bejn il-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu fil-midja u d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għal informazzjoni varjata u affidabbli. L-atturi kollha reievanti bħall-pjattaformi online jew il-midja tal-aħbarijiet għandhom jagħtu sehemhom biex tinstab soluzzjoni.”

Mariya Gabriel, il-Kummissarju responsabbli mill-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, stqarret: “Fil-qofol tal-azzjoni tiegħi hemm id-difiża tad-dritt taċ-ċittadini għal informazzjoni ta' kwalità tajba li hija l-ġebla tax-xewka tad-demokraziji tagħna. Irrid li jkollna diskussjoni miftuħa u estensiva dwar l-aħbarijiet foloz ħalli nindirizzaw dan il-fenomenu kumpless sabiex ngħelbu l-isfidi li għandna quddiemna.”

Il-kontribut pubbliku huwa mistenni sa Frar

Iċ-ċittadini, il-pjattaformi tal-midja soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet (ix-xandara, il-mezzi stampati, l-aġenziji tal-aħbarijiet, il-mezzi online u l-kontrollaturi tal-fatti), ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet pubbliċi lkoll huma mistiedna jaqsmu fehmthom fil-konsultazzjoni pubblika sa nofs Frar. Din il-konsultazzjoni se tiġbor l-opinjonijiet dwar x'azzjonijiet jistgħu jittieħdu fil-livell tal-UE biex iċ-ċittadini jingħataw l-għodod ħalli jidentifikaw l-informazzjoni affidabbli u verifikata u jadattaw għall-isfidi tal-era diġitali.

Mistennija kontribuzzjonijiet fi tliet oqsma ewlenin:

  1. L-ambitu tal-problema, jiġifieri kif iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati jipperċepixxu l-aħbarijiet foloz, b'liema mod huma konxji tad-diżinformazzjoni fuq l-internet, u kif jafdaw midja differenti.

  2. Evalwazzjoni tal-miżuri li diġà ttieħdu mill-pjattaformi, il-kumpaniji tal-midja tal-aħbarijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jikkombattu t-tixrid tal-aħbarijiet foloz fuq l-internet, kif ukoll il-pożizzjonijiet dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

  3. Azzjonijiet futuri possibbli biex jissaħħaħ l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni affidabbli u verifikata u jiġi prevenut it-tixrid tad-diżinformazzjoni fuq l-internet.

Din il-konsultazzjoni tittratta biss l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni fuq l-intenet meta l-kontenut ma jkunx minnu nnifsu illegali u allura mhux kopert minn azzjonijiet leġiżlattivi u awtoregolatorji eżistenti nazzjonali jew tal-UE.

Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli miftuħ għall-applikazzjonijiet

l-Kummissjoni qed tistieden esperti biex japplikaw għall-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-aħbarijiet foloz li se jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-ambitu tal-fenomenu, id-definizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-fehim tad-dimensjoni internazzjonali, l-analiżi tal-pożizzjonijiet inkwistjoni, u t-tfassil ta' rakkomandazzjonijiet. Kemm jista' jkun, il-Grupp għandu jinkludi għadd ta' rappreżentanti ta' kull qasam ta' għarfien espert, sew l-akkademja jew delegat tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha fil-mira tagħha għażla bilanċjata ta' esperti.

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet hija miftuħa sa nofs Diċembru. Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli mistenni li jibda f'Jannar 2018 u se jaħdem għal diversi xhur.

Kuntest

Il-pjattaformi online u servizzi oħra fuq l-internet ipprovdew modi ġodda kif in-nies jikkuntattjaw lill-xulxin, jiddibattu u jiġbru l-informazzjoni. Madankollu, it-tixrid apposta tal-aħbarijiet qarrieqa fost il-qarrejja sar problema li kull ma jmur qed tikber għall-funzjonament tad-demokraziji tagħna, u qed taffettwa x'inhu li dak li jkun iqis bħala realtà.

Fis-17 u t-18 ta' Novembru 2016, il-Kummissjoni ospitat it-tieni Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali tagħha, bis-suġġett ikun “Il-Pluralità fil-Midja u d-Demokrazija”. Stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat fis-17 ta' Novembru 2016 wera li ċ-ċittadini Ewropej huma mħassba dwar l-indipendenza tal-midja, u li l-livelli ta' fiduċja fil-midja huma baxxi.

Fl-ittra ta' missjoni tiegħu, il-President Jean-Claude Juncker inkariga lill-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Mariya Gabriel biex tindaga dwar l-isfidi li l-pjattaformi online joħolqu għad-demokraziji tagħna fir-rigward tat-tixrid tal-informazzjoni falza u tniedi riflessjoni dwar x'ikun meħtieġ fil-livell tal-UE biex nipproteġu ċ-ċittadini tagħna.

F'Ġunju 2017, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni li tappella lill-Kummissjoni tanalizza fil-fond il-qagħda attwali u l-qafas legali fir-rigward tal-aħbarijiet foloz u tivverifika l-possibiltà ta' intervent leġiżlattiv biex trażżan id-disseminazzjoni u t-tixrid ta' kontenut falz. Il-Kummissjoni kkonfermat li din hija prijorità u inkludiet l-inizjattiva kontra l-aħbarijiet foloz online fil-Programm ta' Ħidma għall-2018 tagħha.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-Konsultazzjoni pubblika

Sejħa għall-applikazzjonijiet: Il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli

Streaming fuq l-internet tal-Konferenza ta' Diversi Partijiet Ikkonċernati: It-13 ta' Novembru u l-14 ta' Novembru

Id-diskors tal-Kummissarju Gabriel fil-Konferenza ta' Diversi Partijiet Ikkonċernati

Id-diskors tal-Viċi President Andrus Ansip fil-Parlament Ewropew, il-5 ta' April 2017

 

 

 

ANNESS

It-tiswir ta' strateġija tal-UE li tindirizza t-tixrid tal-aħbarijiet foloz fuq l-internet

L-inizjattivi u l-avvenimenti ewlenin tal-Kummissjoni:

  • Marzu 2015: taħt il-mandat tal-Kunsill Ewropew, ġiet varata t-Task Force dwar il-Komunikazzjoni Strateġika tal-Lvant EEAS biex tidentifika, tanalizza u tqajjem kuxjenza dwar il-kampanji kontinwi ta' diżinformazzjoni ta' kuljum mir-Russja.

  • Mejju 2016: Ġiet ippreżentata il-Komunikazzjoni dwar il-Pjattaformi Online, li tħeġġeġ lill-industrija biex iżżid l-isforzi volontarji biex tindirizza prattiki bħall-analiżijiet foloz jew qarrieqa fuq l-internet.

  • It-13 ta' Novembru 2017: Ġiet varata il-Konsultazzjoni Pubblika u l-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-aħbarijiet foloz, avveniment għal Diversi Partijiet Ikkonċernati fi Brussell flimkien ma' djalogu kontinwu mal-Istati Membri

  • Jannar 2018: L-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-aħbarijiet foloz

  • Marzu 2018: Ir-riżultati tal-Konsultazzjoni Pubblika u Stħarriġ tal-Ewrobarometru

  • April 2018: Rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli

  • Rebbiegħa 2018: Komunikazzjoni dwar l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni fuq l-internet

 

Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri tal-UE u d-delegazzjonijiet esterni f'pajjiżi terzi se jipparteċipaw fid-dibattitu u jiġbru informazzjoni dwar ir-regoli nazzjonali u l-inizjattivi li jindirizzaw it-tixrid tal-aħbarijiet foloz f'pajjiżhom.

 

 

IP/17/4481

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar