Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2017: aktar tkabbir f'kuntest ta' politika li qed jinbidel

Brussell, id-9ta' novembru 2017

Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2017: aktar tkabbir f'kuntest ta' politika li qed jinbidel

L-ekonomija taż-żona tal-ewro tinsab fit-triq it-tajba biex din is-sena tikber bl-aktar pass mgħaġġel tagħha f'dawn l-aħħar għaxar snin, bit-tbassir tat-tkabbir reali tal-PDG ikun ta' 2.2 %. Dan huwa sostanzjalment ogħla milli kien mistenni fir-Rebbiegħa (1.7 %). L-ekonomija tal-UE kollha kemm hi hija prevista ukoll li taqbeż l-aspettattivi bi tkabbir qawwi ta' 2.3 % din is-sena (li huwa aktar mill-1.9 % tar-Rebbiegħa).

Skont it-Tbassir tal-Ħarifa li ħareġ illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tistenna li t-tkabbir ikompli kemm fiż-żona tal-ewro kif ukoll fl-UE b'2.1 % fl-2018 u 1.9 % fl-2019 (fit-Tbassir tar-Rebbiegħa: 2018: 1.8 % fiż-żona tal-ewro, 1.9 % fl-UE­).

Il-Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali, Valdis Dombrovskis, responsabbli wkoll mill-Istabbiltà Finanzjarja, mis-Servizzi Finanzjarji u mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “Kumplessivament l-ekonomija tal-UE qed taħdem tajjeb. It-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi huma robusti, l-investiment qed jerġa' jqum fuq saqajh u d-defiċit u d-dejn tal-gvern qed jonqsu gradwalment. Hemm ukoll sinjali li l-proċess ta' konverġenza fid-dħul reali qed jirpillja. Madankollu, hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, fejn is-suq tax-xogħol ta' xi wħud minnhom għadu mhux sod biżżejjed. Jeħtieġ li l-politiki tagħna jibqgħu ffukati b'mod sod fuq li t-tkabbir ekonomiku jkun sostenibbli u inklużiv. Dan ifisser politiki makroekonomiċi orjentati lejn l-istabbiltà kif ukoll riformi biex tiżdied il-produttività, l-adattabilità għall-bidla u biex jiġi żgurat li l-benefiċċji tat-tkabbir ikunu mifruxin b'mod wiesa' fis-soċjetajiet tagħna.”

Il-Kummissarju għalld-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, Pierre Moscovici, qal: “Wara ħames snin ta' rkupru moderat, it-tkabbir Ewropew issa aċċellerat. Qed ikollna aħbarijiet tajbin minn diversi bnadi, b'aktar ħolqien ta' xogħol, aktar investiment u finanzi pubbliċi li qed jissaħħu. Madankollu fadal sfidi li ġejjin minn livelli għoljin ta' dejn u żiedet fil-pagi kajmani. Hemm bżonn ta' sforz determinat mill-Istati Membri biex jiġi żgurat li din l-espansjoni tkompli u li r-riżultati tagħha jinqasmu bejn kulħadd. Barra minn dan, huma meħtieġa konverġenza strutturali u tisħiħ taż-żona tal-ewro biex jagħmluha aktar reżiljanti għall-iskozzi tal-futur u biex jittrasformawha f'mutur ta' prosperità kondiviża. Il-ġimgħat li ġejjin se jkunu deċiżivi fuq dan il-front.”

It-tkabbir qabeż l-aspettattivi, iżda huwa mistenni li jonqos xi ftit

L-ekonomija Ewropea, li din is-sena kellha prestazzjoni ferm aħjar milli kien mistenni, kienet xprunata minn konsum privat reżiljenti, tkabbir aktar b'saħħtu madwar id-dinja u rata ta' qgħad li naqqset. L-investiment qed jirpilja wkoll fil-kuntest ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli u sentiment ekonomiku konsiderevolment aktar ottimist hekk kif l-inċertezza naqqset. L-ekonomiji tal-Istati Membri kollha qed jespandu u s-swieq tax-xogħol tagħhom jitjiebu, iżda l-pagi qed jiżdiedu bil-mod wisq.

Kuntest ta' politika li qed jinbidel

Għalkemm l-irkupru ċikliku issa ilu għaddej mingħajr interruzzjoni għal 18-il trimestru, għadu ma lestiex, u pereżempju għad hemm debbolezzi sinifikanti fis-suq tax-xogħol u żieda baxxa u mhux normali fil-pagi. It-tkabbir tal-PDG u l-inflazzjoni għadhom għalhekk dipendenti fuq is-sostenn politiku. Il-Bank Ċentrali Ewropew żamm politika monetarja akkomodanti ħafna minkejja li xi banek ċentrali oħra madwar id-dinja bdew jgħollu r-rati tal-imgħax. Għadd ta' Stati Membri taż-żona tal-ewro huma mistennija jadottaw politiki fiskali espansjonarji fl-2018 iżda l-pożizzjoni fiskali ġenerali taż-żona tal-ewro hija mistennija li tibqa' pjuttost newtrali.

Il-qgħad kompla jonqos iżda s-suq tax-xogħol għadu mhux sod biżżejjed

Il-ħolqien tal-impjiegi kien sostenut u l-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol huma mistennija li jibbenefikaw mill-espansjoni xprunata mid-domanda domestika, minn żieda moderata fis-salarji u minn riformi strutturali implimentati f'xi Stati Membri. Il-qgħad fiż-żona tal-ewro huwa mistenni li jilħaq medja ta' 9.1 % din is-sena, l-aktar livell baxx mill-2009, peress li l-għadd totali ta' nies impjegati se jitla' għal livell rekord. Matul is-sentejn li ġejjin, il-qgħad mistenni jonqos aktar għal 8.5 % fl-2018 u 7.9 % fl-2019. Fl-UE, ir-rata tal-qgħad hija projjettata għal 7.8 % din is-sena, 7.3 % fl-2018 u 7.0 % fl-2019. Il-ħolqien tax-xogħol huwa mistenni li jkun moderat, hekk kif f'xi pajjiżi l-inċentivi fiskali temporanji jgħibu u jfeġġu nuqqasijiet ta' ħiliet f'xi pajjiżi oħrajn.

Il-prospetti tal-inflazzjoni huma baxxi fi sfond ta' żieda fil-pagi dgħajfa

Ir-rata nominali tal-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur varjat matul l-ewwel disa' xhur tas-sena taħt l-influwenza tal-effetti bażi tal-enerġija. L-inflazzjoni prinċipali, li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel mhux ipproċessat, b'kuntrast, kienet qed tiżdied iżda għadha baxxa u dan jirrifletti l-impatt ta' perjodu mtawwal ta' inflazzjoni baxxa, tkabbir dgħajjef tal-pagi kif ukoll li fadal problemi fis-suq tax-xogħol. Kollox ma' kollox, l-inflazzjoni mistennija tilħaq medja ta' 1.5 % fiż-żona tal-ewro din is-sena u mistennija tinżel għal 1.4 % fl-2018 qabel ma titla' għal 1.6 % fl-2019.

Il-finanzi pubbliċi jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ċikliċi aħjar

Il-finanzi pubbliċi fiż-żona tal-ewro huma previsti li jittejbu aktar milli kien mistenni fir-Rebbiegħa, l-aktar minħabba li t-tkabbir reġa' qabad ir-ritmu. Il-bilanċ nominali tal-gvern mistenni jitjieb fi kważi l-Istati Membri kollha. Jekk wieħed jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika, il-proporzjon id-defiċit mal-PDG tal-amministrazzjoni pubblika mistenni jinżel għal 0.8 % fl-2019 (1.1 % fl-2017 u 0.9 % fl-2018), filwaqt li l-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa previst li jinżel għal 85.2 % (89.3 % fl-2017 u 87.2 % fl-2018).

Ir-riskji huma ftit jew wisq bilanċjati

Ir-riskji li l-iżviluppi ekonomiċi jistgħu jkunu aħjar jew agħar minn dawk imbassra huma pjuttost bilanċjati. Ir-riskji prinċipali huma esterni u huma marbuta mat-tensjonijiet ġeopolitiċi elevati (pereż. fil-peniżola Koreana), possibbilment kundizzjonijiet finanzjarji globali aktar stretti (pereż. minħabba żieda fl-averżjoni mir-riskji), l-aġġustament ekonomiku fiċ-Ċina jew l-estensjoni ta' politiki protezzjonisti. Fl-Unjoni Ewropea r-riskji negattivi huma marbuta mal-eżitu tan-negozjati tal-Brexit, apprezzament aktar b'saħħitu tal-ewro, u rati ogħla tal-imgħax fuq perjodu twil. Min-naħa l-oħra, tnaqqas fl-inċertezza u sentiment li qed jitjieb fl-Ewropa jistgħu jwasslu għal tkabbir aktar b'saħħtu milli mbassar u l-istess jistgħu jagħmlu fil-bqija tad-dinja.

Għar-Renju Unit, suppożizzjoni purament teknika għall-2019

Minħabba n-negozjati li għaddejjin dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-UE, il-projjettazzjonijiet tagħna għall-2019 huma bbażati fuq suppożizzjoni purament teknika li t-termini tar-relazzjonijiet kummerċjali mar-Renju Unit jibqgħu l-istess. Dan huwa għal raġunijiet ta' tbassir biss u ma għandu l-ebda influwenza fuq it-taħtidiet li għaddejjin fil-kuntest tal-proċess tal-Artikolu 50.

Kuntest

Dan it-tbassir huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw ir-rati tal-kambju, ir-rati tal-imgħax u l-prezzijiet tal-komoditajiet b'data limitu tat-23 ta' Ottubru 2017. Rigward id-dejta kollha l-oħra li dieħla, inklużi s-suppożizzjonijiet dwar il-politiki tal-gvern, dan it-tbassir iqis l-informazzjoni sa, u li tinkludi, it-23 ta' Ottubru 2017. Sakemm ma jiġux imħabbra politiki b'mod kredibbli u speċifikati fid-dettall, it-tbassir jassumi li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika.

Mill-2018, il-Kummissjoni Ewropea se terġa' tibda tippubblika żewġ previżjonijiet komprensivi (fir-Rebbiegħa u fil-Ħarifa) u żewġ previżjonijiet interim (fix-Xitwa u fis-Sajf) kull sena, minflok it-tliet previżjonijiet komprensivi fix-Xitwa, fir-Rebbiegħa u fil-Ħarifa li kienet qed toħroġ kull sena sa mill-2012. Il-previżjonijiet interim se jkopru l-PDG annwali u ta' kull tliet xhur u l-inflazzjoni għas-sena attwali u s-snin ta' wara għal kull Stat Membru u għaż-żona tal-ewro, kif ukoll l-aggregati tal-UE. Ir-ritorn lejn il-mudell ta' tbassir preċedenti jġib lura l-iskeda tal-previżjonijiet tal-Kummissjoni f'konformità ma' dawk ta' istituzzjonijiet oħrajn (pereż. il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp).

Għal aktar tagħrif

Id-dokument sħiħ: Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2017:

Segwi lill-Viċi President Dombrovskis fuq Twitter: @VDombrovskis

Segwi lill-Kummissarju Moscovici fuq Twitter: @pierremoscovici

Segwi DĠ ECFIN fuq Twitter: @ecfin

Stqarrija għall-istampa: Tbassir Ekonomiku għar-Rebbiegħa 2017: imbassar tkabbir stabbli

Id-dokument sħiħ: It-Tbassir Ekonomiku għar-Rebbiegħa 2017

IP/17/4362

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Documents


AF17 Tables_EN.pdf