Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Ġejjieni tal-Ewropa: Il-Kummissjoni tlaqqa' flimkien mexxejja reliġjużi sabiex jiddiskutu Unjoni effettiva u bbażata fuq il-valuri

Brussell, is-7ta' novembru 2017

L-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, fil-preżenza tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuinness, illum ospita laqgħa ta' livell għoli ma' mexxejja reliġjużi minn madwar l-Ewropa.

Din it-13-il laqgħa annwali ta' livell għoli seħħet fil-kuntest tad-dibattitu li għaddej bħalissa dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, varat mill-President Juncker bil-White Paper tal-Kummissjoni fl-1 ta' Marzu.

L-Ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “Il-ġejjieni tal-Ewropa jinsab f'idejn iċ-ċittadini tagħha. Għandna responsabbiltà kollettiva li nsawru dan il-ġejjieni, filwaqt li niġu ggwidati mill-valuri kondiviżi tagħna. Id-djalogu regolari ma' organizzazzjonijiet konfessjonali, bħal dak mal-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali, jippermettilna nindirizzaw il-kwistjoni tal-ġejjieni komuni tagħna minn perspettivi differenti. Huwa permezz tad-djalogu inklużiv li nistgħu nippjanaw l-aħjar triq għall-ġejjieni komuni tagħna.”

Il-laqgħa ta' livell għoli tal-lum, parti mid-djalogu mal-knejjes, il-komunitajiet reliġjużi, l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali previst mill-Artikolu 17 tat-Trattat ta' Lisbona, ipprovdiet okkażjoni għal diskussjonijiet profondi dwar mistoqsijiet li jindirizzaw kwistjonijiet ta' valuri u ta' governanza. Id-diskussjoni attwali dwar il-ġejjieni tal-Ewropa hija dwar li nagħmlu l-Ewropa iktar magħquda, b'saħħitha u demokratika. Il-parteċipanti taw ħarsa wkoll lejn id-dimensjoni umana tal-Ewropa, b'mod partikolari d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tagħha u kif l-Ewropa tista' tinbena fuq prinċipji ta' solidarjetà, ġustizzja soċjali u sostenibbiltà. Il-mexxejja preżenti ġew mistiedna jaħdmu mal-Kummissjoni matul il-proċess ta' riflessjoni dwar il-futur tal-Ewropa. Intlaħaq qbil li d-djalogu dwar il-kwistjonijiet diskussi llum jenħtieġ li jkompli.

Kuntest

Isiru laqgħat ta' livell għoli u diskussjonijiet regolarment bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-knejjes u l-assoċjazzjonijiet u l-komunitajiet reliġjużi kif ukoll l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali.

Il-laqgħa ta' livell għoli tal-lum ma' mexxejja reliġjużi hija t-13-il laqgħa annwali ta' livell għoli organizzata mill-Kummissjoni. Mill-2009, id-djalogu mal-knejjes, mal-komunitajiet reliġjużi u mal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali huwa minqux fit-Trattat ta' Lisbona (Art 17 TFUE). Id-djalogu huwa r-responsabbiltà tal-Ewwel Viċi President Timmermans. Il-Kummissjoni organizzat il-laqgħa annwali tagħha mal-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali fid-19 ta' Ġunju 2017 fuq l-istess suġġett tal-Ġejjieni tal-Ewropa (ara l-istqarrija għall-istampa).

F'Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat il-White Paper li bdiet proċess ta' riflessjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Il-Kummissjoni dak iż-żmien impenjat ruħha li twettaq djalogi madwar l-ibliet u r-reġjuni Ewropej ma' gruppi differenti biex tinkoraġġixxi d-dibattitu fuq il-perspettiva għall-Ewropa fl-2025. Fid-diskors tiegħu tal-2017 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker ta iktar dettall dwar il-viżjoni tiegħu għall-ġejjieni tal-Ewropa, waqt li enfasizza li l-Ewropa hija l-ewwel u qabel kollox Unjoni ta' valuri. Il-President Juncker stabbilixxa wkoll pjan direzzjonali għal Unjoni iktar magħquda, b'saħħitha u demokratika.

Għal Aktar Informazzjoni

L-Istat tal-Unjoni 2017

White paper dar il-Ġejjieni tal-Ewropa u t-triq ‘il quddiem

Id-djalogu tal-Kummissjoni Ewropea mal-knejjes, mal-komunitajiet reliġjużi u mal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali

Lista ta' Partecipanti

  • L-Imam Seyran ATEŞ, Fundatur tal-moskea Ibn Rushd-Goethe f'Berlin
  • Il-Metropolita CLEOPAS tal-Iżvezja u l-Iskandinavja kollha, Patrijarkat Ekumeniku ta' Kostantinopli
  • L-Elder Massimo DE FEO, Presidenza taż-żona Ewropea tal-Knisja ta' Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem
  • Is-Sur Ron EICHHORN, President tal-Unjoni Buddista Ewropea
  • Il-Metropolita EMMANUEL ta' Franza, Viċi President tal-Konferenza tal-Knejjes Ewropej, Patrijarkat Ekumeniku ta' Kostantinopli
  • Ir-Rabbi Albert GUIGUI, Kap Rabbi ta' Brussell
  • L-Isqof Jean-Claude HOLLERICH, Arċisqof tal-Lussemburgu
  • L-Imam Tareq OUBROU, l-Imam il-Kbir ta' Bordeaux
  • Is-Sinjura Irmgard SCHWAETZER, President tas-Sinodu tal-Knisja Evanġelika tal-Ġermanja (EKD)
  • L-Isqof Noel TREANOR, Isqof ta' Down u Connor
  • L-Arċisqof Urmas VIILMA, Knisja Luterana Evanġelika tal-Estonja

*Aġġornata fid-09/11/2017

IP/17/4342

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar