Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa: l-inugwaljanza għadha sfida

Brussell, id-9ta' novembru 2017

L-edizzjoni tal-2017 tal-Kummissjoni tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, li ġiet ippubblikata llum, turi li s-sistemi edukattivi nazzjonali qegħdin isiru iktar inklużivi u effettivi. Minkejja dan, tikkonferma wkoll li l-livell edukattiv milħuq mill-istudenti jiddependi ferm fuq l-isfondi soċjoekonomiċi tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-sistemi edukattivi tagħhom iwasslu għal riżultati tajbin – id-dejta miġbura fil-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ li jiġi ppubblikat kull sena hija parti importanti minn dan ix-xogħol. L-iktar edizzjoni reċenti turi li filwaqt li l-Istati Membri qed jagħmlu progress biex jilħqu l-biċċa l-kbira tal-miri ewlenin tal-UE fir-riforma u fl-immodernizzar tal-edukazzjoni, huma meħtieġa iżjed sforzi biex tinkiseb l-ekwità fl-edukazzjoni.

Tibor Navracsics, il-Kummissarju tal-UE għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, stqarr: “L-inugwaljanza għadha ċċaħħad lil wisq Ewropej mill-opportunità li jilħqu l-milja ta' ħajjithom. Din hija ta' theddida wkoll għall-koeżjoni soċjali, għat-tkabbir ekonomiku fit-tul u għall-prosperità. Barra minn hekk, ħafna drabi s-sistemi edukattivi tagħna jipperpetwaw l-inugwaljanza – meta dawn ma jipprovdux għall-ħtiġijiet ta' persuni minn sfondi iżjed foqra; meta l-istatus soċjali tal-ġenituri jiddetermina l-livell edukattiv milħuq u jwassal biex il-faqar u t-tnaqqis ta' opportunitajiet fis-suq tax-xogħol jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Għandna nagħmlu iktar biex jingħelbu dawn l-inugwaljanzi. Is-sistemi edukattivi għandhom rwol speċjali x'jaqdu biex tinbena soċjetà iktar ġusta billi kulħadd ikollu opportunitajiet indaqs”.

Il-livell edukattiv milħuq huwa importanti biex jiġu ddeterminati l-eżiti soċjali. Il-persuni b'edukazzjoni bażika biss huma kważi tliet darbiet iktar suxxettibbli li jgħixu fil-faqar jew fl-esklużjoni soċjali minn dawk b'edukazzjoni terzjarja. L-iżjed dejta reċenti tal-Monitoraġġ turi wkoll li fl-2016, ġew impjegati 44 % biss taż-żgħażagħ bejn it-18-il sena u l-24 sena li temmew l-iskola sekondarja. Fil-popolazzjoni ġenerali ta' bejn il-15-il sena u l-64 sena, ir-rata tal-qgħad hija wkoll ħafna ogħla għal persuni b'edukazzjoni bażika biss milli għal dawk b'edukazzjoni terzjarja (16.6 % vs. 5.1 %). Fl-istess waqt, l-istatus soċjoekonomiku jiddetermina l-livell milħuq mill-istudenti: saħansitra 33.8 % tal-istudenti mill-iżjed sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġati jilħqu livell edukattiv baxx, meta mqabbla ma' 7.6 % biss fost l-istudenti tamparhom li jkunu l-iktar privileġġati.

Waħda mill-miri tal-UE għall-2020 hija li il-persentaġġ ta' studenti ta' 15-il sena li ma jilħqux livell edukattiv aċċettabbli fil-qari bażiku, fil-matematika u fix-xjenza, jitnaqqas għal 15 %. Madankollu, b'mod ġenerali, l-UE fil-fatt qed titbiegħed minn dan l-objettiv, b'mod partikolari fix-xjenza, fejn il-persentaġġ ta' studenti li jilħqu livell edukattiv baxx żdied minn 16 % fl-2012 għal 20.6 % fl-2015.

Il-persuni li jitwieldu f'pajjiżi li mhumiex parti mill-UE huma partikolarment vulnerabbli. Ta' sikwit, dawn il-persuni jkunu esposti għal diversi riskji u żvantaġġi, fosthom li jkollhom ġenituri bi ftit ħiliet jew b'ħiliet ta' livell baxx, li d-dar ma jitkellmux il-lingwa lokali, li jkollhom aċċess għal inqas riżorsi kulturali u li jbatu minn iżolament u minn nuqqas ta' netwerks soċjali fil-pajjiż tal-immigrazzjoni. Iż-żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni jinsabu f'riskju ikbar li ma jmorrux tajjeb fl-iskola u li jirtiraw mill-iskola qabel iż-żmien. Fl-2016, sa 33.9 % tal-persuni bl-età ta' bejn it-30 u l-34 sena li jgħixu fl-UE iżda li twieldu f'pajjiż li mhux parti mill-UE kellhom livell baxx ta' ħiliet (kellhom livell ta' edukazzjoni tal-iskola sekondarja jew inqas), meta mqabbla ma' 14.8 % biss ta' persuni tamparhom li twieldu fl-UE.

Fl-UE kollha, l-investiment fl-edukazzjoni rkupra mill-kriżi finanzjarja u żdied daqsxejn (b'1 % sena wara sena f'termini reali). Madwar żewġ terzi tal-Istati Membri rreġistraw żieda. Erba' pajjiżi żiedu l-investiment b'iżjed minn 5 %.

Fis-17 ta' Novembru, f'Gothenburg, il-Mexxejja tal-UE se jiddiskutu dwar l-Edukazzjoni u l-Kultura bħala parti minn ħidmiethom biex “Nibnu l-ġejjieni tagħna flimkien”. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta d-dejta ta' din is-sena fir-rigward tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Id-diskussjoni f'Gothenburg se tagħti viżibbiltà lir-riforma tal-edukazzjoni u se tenfasizza is-sinifikat politiku tagħha.

Fil-25 ta' Jannar 2018, il-Kummissarju Navracsics se jospita l-ewwel Summit dwar l-Edukazzjoni li qatt sar fl-UE, u fih se jiġu mistiedna rappreżentanti ta' livell għoli mill-Istati Membri kollha sabiex jiddiskutu kif is-sistemi edukattivi nazzjonali jistgħu jkunu iktar inklużivi u effettivi.

Sfond

Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-Kummissjoni tal-2017 huwa s-sitt edizzjoni ta' dan ir-rapport annwali li juri kif qed jevolvu s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tal-UE billi jiġbor flimkien firxa wiesgħa ta' evidenza. Dan ikejjel il-progress tal-UE fir-rigward tas-sitt miri tal-Edukazzjoni u tat-Taħriġ għall-2020: (1) Il-persentaġġ ta' dawk li jirtiraw kmieni mill-iskola (bl-età ta' bejn 18-il sena u 24 sena) għandu jkun inqas minn 10 %, (2) il-persentaġġ ta' dawk bl-età ta' bejn it-30 u l-34 sena li jilħqu livell edukattiv terzjarju għandu jkun minn tal-inqas 40 %, (3) minn tal-inqas 95 % tat-tfal bl-età ta' bejn erba' snin u l-età tal-bidu tal-edukazzjoni primarja għandhom jipparteċipaw fl-edukazzjoni, (4) il-persentaġġ ta' persuni bl-età ta' 15-il sena li ma jilħqux livell edukattiv aċċettabbli fil-qari, fil-matematika u fix-xjenza għandu jkun inqas minn 15 %, (5) 82 % tal-gradwati reċenti mill-edukazzjoni postsekondarja sal-edukazzjoni terzjarja (bl-età ta' bejn l-20 u l-34 sena) li m'għadhomx jirċievu edukazzjoni jew taħriġ għandhom ikollhom impjieg, (6) minn tal-inqas 15 % tal-adulti (bl-età ta' bejn 25 u 64 sena) għandhom jipparteċipaw f'tagħlim formali jew mhux formali.

Il-Monitoraġġ janalizza l-isfidi prinċipali li qed jiffaċċaw is-sistemi edukattivi Ewropej u jippreżenta politiki li bis-saħħa tagħhom dawn jistgħu jagħtu rispons aħjar għall-ħtiġijiet tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol. Ir-rapport fih paragun bejn il-pajjiżi, 28 rapport dettaljat tal-pajjiżi u paġna web apposta b'dejta u b'informazzjoni addizzjonali. Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, il-programm Erasmus+, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà kif ukoll Orizzont 2020 u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jgħinu biex jiġi xprunat l-investiment u biex jiġu appoġġati l-prijoritajiet ta' politika fl-edukazzjoni.

Għal Iktar Informazzjoni

Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-2017

Is-sit web tal-Monitoraġġ

IP/17/4261

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar