Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tal-Enerġija: Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex issaħħaħ ir-rwol mexxej globali tal-UE fil-qasam tal-vetturi li ma jniġġsux

Brussell, it-8ta' novembru 2017

Il-Kummissjoni tipproponi miri ġodda għall-emissjonijiet medji ta' CO 2 tal-flotta tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vannijiet ġodda fl-UE sabiex tgħin biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet u b'żero emissjonijiet.

Illum il-Kummissjoni għamlet pass deċiżiv 'il quddiem fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi għal tnaqqis domestiku vinkolanti ta' CO2 ta' mill-inqas 40 % sal-2030. Fl-istess waqt li qed isseħħ il-konferenza internazzjonali dwar il-klima f'Bonn, il-Kummissjoni qed turi li l-UE qed taqdi r-rwol mexxej tagħha billi tkun ta' eżempju. Il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fid-diskors ta' Settembru dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea stqarr: “Irrid li l-Ewropa jkollha f'idejha t-tmun tat-taqtigħa kontra t-tibdil fil-klima. Is-sena li għaddiet, konna aħna li stabbilejna r-regoli tal-logħba permezz tal-Ftehim ta' Pariġi, irratifikat hawnhekk, proprju f'din il-Kamra. B'determinazzjoni kontra n-nuqqas, f'daqqa waħda, ta' ambizzjoni fl-Istati Uniti, l-Ewropa trid tiżgura li lill-pjaneta tagħna nroddulha lura l-kobor tagħha. Hija wirt kondiviż tal-umanità kollha.”

Bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Pariġi, il-komunità internazzjonali ħadet l-impenn li timxi lejn ekonomija moderna b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li l-industrija tal-karozzi għaddejja minn trasformazzjoni profonda. L-UE trid taħtaf din l-opportunità u tassumi rwol mexxej globali, filwaqt li pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina qed jimxu 'l quddiem malajr ħafna. Bħala eżempju: Illum il-ġurnata l-bejgħ ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri fl-UE mqabbel mal-bejgħ globali naqas minn 34 % qabel il-kriżi finanzjarja (2008/2009) għal 20 %. Sabiex inżommu l-ishma mis-suq u sabiex inħaffu t-tranżizzjoni lejn vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet u b'żero emissjonijiet, il-Kummissjoni llum ipproponiet miri ġodda għall-emissjonijiet medji ta' CO2 tal-flotta tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vannijiet ġodda fl-UE li se japplikaw mill-2025 u mill-2030, rispettivament.

Il-proposti tal-lum jistabbilixxu regoli ambizzjużi, realistiċi u li jistgħu jiġu infurzati sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn l-atturi operattivi fl-industrija tal-Ewropa. Il-pakkett se jservi wkoll ta' boxxla fit-triq lejn il-ksib tal-impenji li l-UE qablet li tieħu skont il-Ftehim ta' Pariġi u se jixpruna l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u fil-mudelli kummerċjali l-ġodda, kif ukoll użu iżjed effiċjenti tal-modalitajiet kollha għat-trasport tal-oġġetti. Dawn il-proposti se jingħataw spinta permezz ta' strumenti finanzjarji mmirati biex jiġi żgurat li jintużaw malajr.

Il-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 li l-Kummissjoni qed tipproponi llum huma bbażati fuq analiżi soda u fuq involviment wiesa' tal-partijiet ikkonċernati, mill-NGOs sal-industrija. Kemm għall-karozzi ġodda kif ukoll għall-vannijiet ġodda, l-emissjonijiet medji ta' CO2 se jkollhom ikunu 30 % inqas fl-2030 meta mqabbla mal-2021.

Il-Viċi President responsabbli għall-Unjoni tal-Enerġija, Maroš Sefčovič stqarr: “Dħalna f'era ta' trasformazzjoni ekonomika li ma tagħmilx ħsara lill-klima. Is-sett ta' proposti tal-lum qed jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-manifatturi Ewropej biex ikollhom rwol mexxej fit-tranżizzjoni globali tal-enerġija iktar milli jsegwu lill-oħrajn. Se jħeġġiġhom biex jimmanifatturaw karozzi li jkunu l-aqwa, l-inqas li jniġġsu u l-iżjed kompetittivi, u b'hekk jerġgħu jiksbu l-fiduċja tal-konsumaturi. Din hija qabża kbira fid-direzzjoni t-tajba: ekonomija Ewropea moderna u sostenibbli b'arja iktar nadifa fil-bliet tagħna u b'integrazzjoni aħjar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-sistemi tal-enerġija preżenti u tal-ġejjieni.”

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete sostna: “It-taqtigħa globali biex jiġu żviluppati karozzi li ma jniġġsux għaddejja bħalissa. Hija xejra irriversibbli. Iżda l-Ewropa trid issib tarf il-problemi tagħha f'dan il-qasam biex tieħu t-tmun f'idejha u tmexxi din il-bidla globali. Jeħtieġ li jkollna l-miri u l-inċentivi x-xierqa. Dawn se niksbuhom permezz ta' dawn il-miżuri fir-rigward tal-emissjonijiet ta' CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet. Il-miri tagħna huma ambizzjużi, kosteffettivi u inforzabbli. Bis-saħħa tal-miri intermedjarji għall-2025, minn issa stess se nixprunaw l-investimenti. Bil-miri għall-2030, qed nagħtu stabbiltà u direzzjoni biex dawn l-investimenti jinżammu. Illum qed ninvestu fl-Ewropa u qed niġġieldu t-tniġġis sabiex inżommu mal-wegħda tagħna fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi li naqtgħu l-emissjonijiet tagħna b'minn tal-inqas 40 % sal-2030.”

Il-Kummissarju għat-Trasport, Violeta Bulc stqarret: “Il-Kummissjoni qed tieħu azzjoni bla preċedent bħala rispons għal sfida li kulma tmur qiegħda tikber: ir-rikonċiljazzjoni tal-ħtiġijiet ta' mobbiltà tal-Ewropej mal-protezzjoni ta' saħħithom u tal-pjaneta tagħna. Id-dimensjonijiet kollha tal-isfida qegħdin jiġu indirizzati. Aħna qegħdin nippromwovu vetturi li jniġġsu inqas, naraw li l-enerġija alternattiva tkun iktar aċċessibbli u ntejbu l-organizzazzjoni tas-sistema tat-trasport tagħna. B'hekk l-Ewropa u l-Ewropej ikunu attivi b'mod li jniġġes inqas.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs, Elżbieta Bieńkowska qalet: “L-industrija tal-karozzi tagħna qiegħda f'mument deċiżiv. Sabiex iżżomm ir-rwol mexxej globali tagħha, u għall-ġid tal-ambjent u tas-saħħa pubblika tagħna, jeħtieġ li l-industrija tal-karozzi tinvesti f'teknoloġiji ġodda u nodfa. Se nħeġġu d-dħul fis-suq ta' karozzi b'żero emissjonijiet b'infrastruttura ta' ċċarġjar mingħajr intoppi u ta' batteriji ta' kwalità għolja prodotti fl-Ewropa.”

 

Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Nadifa jinkludi d-dokumenti li ġejjin:

- Standards ġodda fir-rigward tas-CO2 biex jgħinu lill-manifatturi jħaddnu l-innovazzjoni u jipprovdu lis-suq b'vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet. Il-proposta tinkludi wkoll miri kemm għall-2025 u kemm għall-2030. Il-mira intermedjarja għall-2025 tiżgura li minn issa stess jiġu xprunati l-investimenti. Il-mira għall-2030 tagħti stabbiltà u direzzjoni fit-tul biex dawn l-investimenti jinżammu. Dawn il-miri jgħinu biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni minn vetturi b'magni konvenzjonali li jaħdmu bil-kombustjoni għal vetturi li ma jniġġsux.

- Id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa biex jiġu promossi soluzzjonijiet ta' mobbiltà nadifa fis-sejħiet għal offerti tal-akkwist pubbliku u b'hekk id-domanda u l-iżvilupp ulterjuri ta' soluzzjonijiet ta' mobbiltà nadifa jingħataw spinta konkreta.

- Pjan ta' azzjoni u soluzzjonijiet ta' investiment għall-iżvilupp trans-Ewropew ta' infrastruttura għall-fjuwils alternattivi. L-għan huwa li jiżdied il-livell ta' ambizzjoni tal-pjanijiet nazzjonali, li jiżdied l-investiment, u li titjieb l-aċċettazzjoni mill-konsumaturi.

- Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat, li tippromwovi l-użu kkombinat ta' modalitajiet differenti għat-trasport tal-merkanzija (eż. trakkijiet u ferroviji) se tagħmilha iktar faċli għall-kumpaniji li jagħmlu użu mill-inċentivi u għaldaqstant se tixpruna l-użu kkombinat tat-trakkijiet u tal-ferroviji, tal-braken jew tal-vapuri għat-trasport tal-oġġetti.

- Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Kowċis tal-Passiġġieri se tagħti kontribut biex ikomplu jonqsu l-emissjonijiet tat-trasport u l-konġestjoni fit-toroq, biex jiġi xprunat l-iżvilupp ta' konnessjonijiet tal-karozzi tal-linja fuq distanzi twal fl-Ewropa kollha u biex jiġu offruti għażliet alternattivi għall-użu tal-karozzi privati. B'hekk se jiġu offruti għażliet addizzjonali ta' kwalità aħjar u li huma iktar għall-but ta' kulħadd, b'mod partikolari għall-persuni bi dħul baxx.

- L-inizjattiva tal-batteriji għandha importanza strateġika għall-politika industrijali integrata tal-UE biex il-vetturi u soluzzjonijiet oħra ta' mobbiltà fil-ġejjieni kif ukoll il-komponenti tagħhom jiġu vvintati u prodotti fl-UE.


Il-passi li jmiss:

Issa l-proposti dwar il-Mobbiltà Nadifa se jintbagħtu lill-koleġiżlaturi u l-Kummissjoni tappella biex il-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu mill-qrib ma' xulxin biex jiġi żgurat li dawn il-proposti u l-miżuri differenti jiġu adottati u implimentati malajr, biex b'hekk il-benefiċċji għall-industrija, għan-negozji, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiġu mmassimizzati u ġġenerati mill-iktar fis possibbli.

 

Sfond:

Il-pakkett tal-lum huwa parti minn kuntest politiku usa' biex l-industrija Ewropea ssir waħda aktar qawwija u aktar kompetittiva. Kif imħabbar fl-Istrateġija Mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE li ġiet ippreżentata f'Settembru 2017, l-ambizzjoni tal-Kummissjoni hi li tgħin lill-industriji tagħna biex jibqa' jkollhom rwol mexxej dinji jew jibda jkollhom dan ir-rwol fl-innovazzjoni, fid-diġitalizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni.

Il-pakkett tal-lum huwa t-tieni pakkett dwar il-mobbiltà li l-Kummissjoni ppreżentat din is-sena. Il-pakkett “L-Ewropa Attiva” ġie ppreżentat f'Mejju 2017. Kien jinkludi sett wiesa' ta' inizjattivi li kellhom l-għan li jżidu s-sikurezza fit-traffiku; iħeġġu l-adozzjoni ta' sistemi intelliġenti ta' tariffi għall-użu tat-triq; inaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni; inaqqsu l-burokrazija għan-negozji; jgħinu fil-ġlieda kontra l-impjieg illeċitu u jiżguraw kundizzjonijiet u ħinijiet ta' mistrieħ xierqa għall-ħaddiema.

Wara l-Ftehim ta' Pariġi d-dinja ħadet l-impenn li timxi lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Issa bosta pajjiżi qegħdin jimplimentaw politiki biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomiji aktar nodfa. Il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi f'Marzu 2016, segwita minn Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi f'Ġunju 2016.

L-istrateġija għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi ddeskriviet azzjonijiet konkreti li hemm bżonn li jittieħdu biex l-Ewropa tibqa' kompetittiva u tkun kapaċi twieġeb għall-ħtiġijiet ta' mobbiltà tal-persuni u tal-oġġetti li kulma jmur qegħdin jiżdiedu. L-istrateġija għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi, filwaqt li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, tistabbilixxi prinċipji ċari u ġusti ta' gwida biex l-Istati Membri jħejju għall-ġejjieni. Il-proposti tal-lum huma l-iżjed passi reċenti biex dawn il-prinċipji jissarrfu f'azzjoni konkreta.

 

Għal iktar informazzjoni:

MEMO: L-ixprunar ta' Mobbiltà Nadifa: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-inizjattivi li jipproteġu lid-dinja, jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u jiddefendu lill-industrija u lill-ħaddiema

Id-DĠ Mobbiltà u Trasport: Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Nadifa, inklużi dokumenti adottati mill-Kummissjoni

Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea: L-Unjoni tal-Enerġija u l-Klima

Id-DĠ Azzjoni Klimatika: Proposta għal miri fir-rigward tas-CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet għal wara l-2020

Id-DĠ Suq Intern, Industrija, Imprenditorija u SMEs: Il-Politika Industrijali

Skeda informattiva: L-ixprunar ta' Mobbiltà Nadifa: Il-protezzjoni tal-Pjaneta

Skeda informattiva: L-ixprunar ta' Mobbiltà Nadifa: Ewropa li tiddefendi lill-industrija u lill-ħaddiema tagħha

Skeda informattiva: L-ixprunar ta' Mobbiltà Nadifa: Għaċ-Ċittadini tagħna, għall-Pjaneta u għall-Industrija Ewropea

Skeda informattiva: L-ixprunar ta' Mobbiltà Nadifa: Ewropa li tagħti s-setgħa liċ-Ċittadini tagħha

IP/17/4242

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar