Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tinvesti EUR 30 biljun f'soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi tas-soċjetà u għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja

Brussell, is-27ta' ottubru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret kif se tonfoq EUR 30 biljun tal-programm Orizzont 2020 tal-UE għall-iffinanzjar tar-riċerka u l-innovazzjoni matul il-perjodu 2018-2020, inklużi EUR 2.7 biljun sabiex jingħata bidu għal Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.

Orizzont 2020, il-programm tal-UE għall-iffinanzjar tar-riċerka u l-innovazzjoni ta' EUR 77 biljun, jappoġġa l-eċċellenza xjentifika fl-Ewropa u kkontribwixxa għal skoperti xjentifiċi rivoluzzjonarji ta' profil għoli bħall-iskoperta tal-esopjaneti u l-mewġ gravitazzjonali. Matul it-3 snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tfittex l-impatt imsaħħaħ tal-iffinanzjar tagħha tar-riċerka billi tiffoka fuq inqas suġġetti, iżda suġġetti li huma kritiċi bħall-migrazzjoni, is-sigurtà, il-klima, l-enerġija nadifa u l-ekonomija diġitali. L-Orizzont 2020 se jkun ukoll aktar immirat lejn l-ixprunar ta' innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq is-swieq.

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, qal: “L-Intelliġenza Artifiċjali, il-ġenetika, it-teknoloġija bi blokok f'katina: ix-xjenza tinsab fil-qalba tal-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji l-aktar promettenti tal-lum. L-Ewropa hija mexxejja dinjija fix-xjenza u t-teknoloġija u se jkollha rwol kbir fl-ixprunar tal-innovazzjoni. Il-Kummissjoni qed tagħmel sforz unit - inkluż mal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni li se jagħmel l-ewwel passi tiegħu llum - sabiex ħafna innovaturi tal-Ewropa jingħataw l-opportunità jsiru kumpaniji mexxejja fil-livell dinji.”

L-appoġġ għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq is-swieq

Mill-bidu tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni Juncker ħadmet qatigħ sabiex tagħti lill-ħafna intraprendituri innovattivi tal-Ewropa kull opportunità biex jirnexxu. Issa, il-Kummissjoni qed tniedi l-ewwel fażi tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Bejn l-2018 u l-2020, il-Kummissjoni se timmobilizza EUR 2.7 biljun mill-Orizzont 2020 biex tappoġġa l-innovazzjoni b'riskju għoli u bi gwadann għoli biex jinħolqu s-swieq tal-ġejjieni. Barra minn hekk, l-Orizzont 2020 se jagħmel użu aħjar tal-premji “tirbaħ l-isfida” biex iwassal soluzzjonijiet teknoloġiċi rivoluzzjonarji għall-problemi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tagħna.

L-iffukar fuq prijoritajiet politiċi

Il-Programm ta' Ħidma 2018-2020 se jiffoka l-isforzi fuq inqas suġġetti b'baġits akbar, u dan jappoġġa b'mod dirett il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni:

  • Ġejjieni b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, reżiljenti għall-klima: EUR 3.3 biljun
  • Ekonomija Ċirkolari: EUR 1 biljun
  • Diġitalizzazzjoni u trasformazzjoni tal-industrija Ewropea u tas-servizzi: EUR 1.7 biljun
  • Unjoni tas-Sigurtà: EUR 1 biljun
  • Migrazzjoni: EUR 200 miljun

EUR 2.2 biljun se jiġu allokati għal proġetti ta' enerġija nadifa f'erba' oqsma interrelatati: l-enerġija rinnovabbli, il-bini effiċjenti fl-enerġija, il-mobilità elettrika u s-soluzzjonijiet ta' ħażna, inkluż EUR 200 miljun b'appoġġ għall-iżvilupp u l-produzzjoni fl-Ewropa tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' batteriji elettriċi.

L-ixprunar tar-riċerka “blue sky”

Fl-istess ħin, l-Orizzont 2020 se jkompli jiffinanzja x-“xjenza mmexxija mill-kurjożità” (ħafna drabi msejħa “blue sky science” jew “riċerka fil-fruntieri tat-tagħrif”). Il-Programm ta' Ħidma annwali tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka għall-2018, adottat f'Awwissu, se jiffaċilita l-appoġġ għal riċerkaturi eċċellenti bi kważi EUR 1.86 biljun. L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, li jiffinanzjaw fellowships għal riċerkaturi f'kull stadju tal-karriera tagħhom, jirċievu spinta b'total ta' EUR 2.9 biljun fuq tliet snin.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali

Il-Programm ta' Ħidma l-ġdid isaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan se jinvesti aktar minn EUR 1 biljun fi 30 inizjattiva ewlenija f'oqsma ta' benefiċċju reċiproku. Eżempji jinkludu ħidma mal-Kanada dwar il-mediċina personalizzata, mal-Istati Uniti, mal-Ġappun, mal-Korea t'Isfel, ma' Singapor u mal-Awstralja fuq l-awtomatizzazzjoni tat-trasport bit-triq, mal-Indja fuq sfidi relatati mal-ilma u ma' pajjiżi Afrikani fuq is-sigurtà tal-ikel u l-enerġiji rinnovabbli.

It-tixrid tal-eċċellenza

Bejn l-2018 u l-2020, se jiġu allokati EUR 460 miljun fil-qafas tal-Orizzont 2020 speċifikament b'appoġġ lill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati li għadhom mhux qed jipparteċipaw fil-programm bil-potenzjal sħiħ tagħhom. L-għan hu li jiġu aċċessati n-niċeċ ta' eċċellenza mhux sfruttati fl-Ewropa u lil hinn minnha. Barra minn hekk, il-programm qed ikompli wkoll jippromwovi sinerġiji aktar mill-qrib mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

Is-simplifikar imsaħħaħ tar-regoli ta' parteċipazzjoni

Novità oħra hija l-introduzzjoni tal-proġett pilota ta' ffinanzjar f'somom f'daqqa, approċċ ġdid aktar sempliċi biex jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti. Dan se jittrasferixxi l-konċentrazzjoni tal-kontrolli ex ante mill-kontrolli finanzjarji għall-kontenut xjentifiku-tekniku tal-proġetti.

Ix-Xjenza Miftuħa

Il-programm jimmarka bidla importanti fil-promozzjoni ta' Xjenza Miftuħa billi jittrasferixxi l-konċentrazzjoni mill-pubblikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi lejn il-kondiviżjoni tal-għarfien aktar kmieni fil-proċess tar-riċerka. Se jingħataw EUR 2 biljun b'appoġġ għax-Xjenza Miftuħa, u EUR 600 miljun se jiġu ddedikati għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u għall-Infrastruttura tad-Dejta Ewropea u l-Informatika ta' Prestazzjoni Għolja.

 

Il-kuntest

L-Orizzont 2020 huwa l-akbar programm qafas ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE li qatt kien hemm b'baġit ta' EUR 77 biljun fuq seba' snin (2014-2020). Għalkemm bosta attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni għadhom għaddejjin jew għad iridu jibdew, il-programm qed jagħti riżultati.

Ir-riċerkaturi tal-Orizzont 2020 ikkontribwew fl-iskoperti kbar bħall-esopjaneti, l-iskoperta tal-boson ta' Higgs, u l-mewġ gravitazzjonali, u mill-inqas 19-il rebbieħ tal-Premju Nobel kienu rċevew finanzjament tar-riċerka tal-UE qabel jew wara l-għoti tal-premju.

Minn Ottubru 2017, l-Orizzont 2020 b'kollox iffinanzja aktar minn 15 000 għotja li jammontaw għal EUR 26.65 biljun, li minnhom kważi EUR 3.79 marru għall-SMEs. Il-programm ipprovda wkoll aċċess lill-kumpaniji, b'mod partikolari lill-SMEs, għall-finanzjament ta' riskju li jiswa 'l fuq minn EUR 17-il miljun fil-qafas tal-iskema “InnovFin - finanzjament tal-UE għall-innovaturi”. Barra minnhekk, 3 143 Investigatur Prinċipali tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka f'organizzazzjonijiet ospitanti u 10,176 “fellows” fil-qafas tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie rċevew kważi EUR 4.87 biljun u EUR 2.89 biljun rispettivament.

B'mod simultanju mal-adozzjoni tal-Programm ta' Ħidma tal-Orizzont għall-2018-2020, ġie adottat il-Programm ta' Hidma tal-Euratom għall-2018, b'hekk ġew investiti EUR 32 miljun fir-riċerka għall-ġestjoni u r-rimi tal-iskart radjuattiv. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll pjan ta' riċerka dwar id-dekummissjonar sikur tal-impjanti tal-enerġija nukleari sabiex jitnaqqsu l-impatt ambjentali u l-ispejjeż.

 

Għal aktar tagħrif

Ara l-MEMO: il-programm ta' ħidma Orizzont 2020 għall-2018-2020

Skeda informattiva: il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni

Skeda informattiva: ir-riċerka marbuta mal-migrazzjoni

Skeda informattiva: il-proġett pilota ta' ffinanzjar f'somom f'daqqa

Skedi informattivi tal-pajjiżi

Sit web tal-Orizzont 2020 u tas-sejħiet

Portal tal-parteċipanti

 

IP/17/4122

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar