Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-tlestija tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar

Strasburgu, I-24ta' ottubru 2017

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi l-mod kif nistgħu nlestu l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tagħna.

Ir-rieżami tal-lum janalizza r-riformi fis-seħħ biex jiżgura li t-tfassil tal-liġijiet jingħata prijorità, u jkun ibbażat fuq elementi konkreti, trasparenti u effikaċi u jagħti d-dettalji dwar il-passi li jmiss. Din ir-Regolamentazzjoni Aħjar hija l-bażi tal-ħidma tal-Kummissjoni biex jitwettqu l-għaxar prijoritajiet politiċi tal-President Juncker, bil-għan li jiġi żgurat li l-Kummissjoni taġixxi biss meta l-UE ġġib valur miżjud u tagħmel dan bl-anqas piżijiet possibbli.

L-ewwel Viċi President, Frans Timmermans, stqarr: “Id-dinja tal-lum hija mimlija bi sfidi ta' politika kumplessi. Aktar minn qatt qabel, irridu niżguraw li l-politiki tagħna jkunu msejsa fuq il-fatti u l-evidenza, li jiżviluppaw fi trasparenza massima u jiġu deċiżi b'sens ta' responsabbiltà sħiħa. L-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea sservi biex nagħtu lilna nfusna u lill-partijiet ikkonċernati l-għodod biex nagħmlu dan.

Ir-rieżami tal-Kummisssjoni tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tagħha tqis li l-għodod il-ġodda fis-seħħ jipprovdu bażi solida għal deċiżjonijiet ta' politika f'waqthom u xierqa. Involviment aktar estensiv mal-pubbliku, evalwazzjoni sistematika, valutazzjonijiet tal-impatt ta' kwalità għolja, u approċċ “REFIT” imsaħħaħ, ippermettew evalwazzjoni mtejba tal-proposti l-ġodda u l-leġiżlazzjoni eżistenti. Dan l-approċċ il-ġdid iwassal biex dawk responsabbli mill-politika, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati jiddiskutu abbażi tal-elementi konkreti u l-impatt mistenni. Dan jiġi kkumplimentat b'approċċ ġdid ta' infurzar biex tiġi żgurata konformità rapida u effettiva mal-liġijiet adottati.

  • Fl-2017, il-Kummissjoni lestiet aġġornament sinifikanti tal-linji gwida u l-għodod għal regolamentazzjoni aħjar. Dawn l-għodod il-ġodda, fis-seħħ minn Lulju 2017, jiggwidaw lill-persunal tal-Kummissjoni matul iċ-ċiklu kollu tal-politika.
  • Il-Kummissjoni qed tinvesti b'mod sinifikanti firxa ta' għodod ġodda biex tinvolvi ruħha aħjar maċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati u tgħarrafhom dwar il-ħidma tagħha li għaddejja. Sa tmiem din is-sena, is-sit web bit-titlu "Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet" se jkun kompletament operazzjonali, u se jippermetti li l-partijiet ikkonċernati jipparteċipaw f'kull stadju tal-ħidma tal-Kummissjoni u jagħtu spinta lit-trasparenza. Sa mit-tnedija parzjali tas-sit web f'Lulju 2016, ittellgħu total ta' 643 inizjattiva għall-konsultazzjoni, fi stadji differenti tal-proċess ta' tfassil ta' politika. L-użu tas-sit web diġà laħaq kważi 50,000 utent kull xahar.
  • Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju issa qed jopera b'kapaċità sħiħa, bi tliet membri minn barra l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Bord huwa korp indipendenti tal-Kummissjoni li jeżamina u joħroġ opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozzi tal-valutazzjonijiet tal-impatt kollha tal-Kummisssjoni u l-evalwazzjonijiet sinifikanti u l-verifiki tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti.
  • Qabel ir-reviżjoni jew l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha mal-prinċipju ta' “l-ewwel evalwa”. Fl-2016, twettqu evalwazzjonijiet għal kemxejn anqas minn 50% tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u fl-2017 dan in-numru żdied bi kważi 70%.
  • Permezz tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni għandha l-għan li żżomm il-liġi tal-UE sempliċi, tneħħi l-piżijiet bla bżonn u tadatta l-leġiżlazzjoni eżistenti mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi tal-politika. Il-Pjattaforma REFIT ta' esperti u rappreżentanti sa issa ħarġet 58 opinjoni dwar eżerċizzji possibbli ta' simplifikazzjoni, li l-Kummissjoni ssegwi fil-Programmi ta' Ħidma annwali tagħha. Il-Kummissjoni qed twettaq ukoll programm ta' idoneità regolatorja estensiva u mill-2015 'l hawn nediet 137 inizjattiva ta' simplifikazzjoni.

Tnaqqis ta' spejjeż mhux meħtieġa mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi

Filwaqt li biex jintlaħaq kwalunkwe objettiv ta' politika, jinvolvi spejjeż, dawn jenħtieġ li jinżammu l-anqas possibbli. Il-Kummissjoni qed tipproponi kontinwament l-eliminazzjoni ta' spejjeż regolatorji mhux meħtieġa abbażi ta' evalwazzjonijiet każ b'każ fil-konsultazzjoni ma' dawk li jġorru l-piż u li jibbenefikaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

F'konformità mal-impenn tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, il-Kummissjoni vvalutat approċċi alternattivi biex jitnaqqsu l-piżijiet, inkluż l-iffissar ta' objettivi għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi speċifiċi. Abbażi tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni se tippreżenta informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' simplifikazzjoni b'mod aktar konsistenti fl-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha, iżżid l-isforzi tagħha biex tikkwantifika dawn l-effetti u tippreżenta objettiv ta' tnaqqis ta' piżijiet għal kull proposta biex fejn ikun possibbli tirrevedi l-leġiżlazzjoni.

Integrazzjoni tar-Regolamentazzjoni Aħjar fid-DNA tal-Kummissjoni

L-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar adottata fl-2015 kienet sett komprensiv ta' riformi li jkopru l-perjodu sħiħ taċ-ċiklu ta' politika maħsuba biex tagħti spinta għall-ftuħ u t-trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, ittejjeb il-kwalità ta' liġijiet ġodda permezz ta' evalwazzjonijiet tal-impatt aħjar tal-abbozzi leġiżlattivi u l-emendi, u tippromwovi reviżjoni kostanti u konsistenti ta' liġijiet eżistenti tal-UE, b'tali mod li l-politiki tal-UE jilħqu l-objettivi tagħhom bl-iktar mod effettiv u effikaċi.

Inkiseb ħafna u l-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-politika ta' regolamentazzjoni aħjar tagħha u tintegraha fid-DNA tal-Kummissjoni. Din se tinkludi valutazzjoni ġenerali dwar kif ġiet implimentata l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar qabel it-tmiem ta' dan il-mandat tal-Kummissjoni.

Kuntest

Il-linji gwida politiċi tal-President Juncker, li l-Parlament approva din il-Kummissjoni fuq il-bażi tagħhom, fihom impenn ċar għal regolamentazzjoni aħjar. Barra mir-riformi interni, il-Kummissjoni ppreżentat u nnegozjat b'suċċess Ftehim Interistituzzjonali ġdid mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex taġġorna u ssaħħaħ il-fehim komuni f'dak li għandu x'jaqsam ma' regolamentazzjoni aħjar.

Għal aktar tagħrif

It-tkomplija tal-Aġenda ta' Regolamentazzjoni Aħjar: Soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar l-Isforzi tal-Unjoni biex jiġi Ssimplifikat u Jitnaqqas il-Piż Regolatorju

It-Tabella ta' Valutazzjoni REFIT u Ġabra fil-Qosor tat-Tabella ta' Valutazzjoni REFIT

L-Ewrobarometru Flash dwar il-perċezzjonijiet tal-leġiżlazzjoni min-naħa tan-negozji u Stħarriġ Immirat tal-Membri tal-Pjattaforma REFIT 

Skeda Informattiva dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar (13 ta' Settembru 2017)

Il-Programm REFIT

Il-Pjattaforma REFIT

Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet

Is-sit web “Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet”

Il-Portal Ħaffef il-Piż

Stqarrija għall-istampa dwar l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar

Memorandum dwar l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar

IP/17/4004

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar