Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2018: Aġenda għal Ewropa iktar magħquda, b'saħħitha u demokratika

Strasburgu, I-24ta' ottubru 2017

.

Wara t-tħabbir li sar fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni 2017 tal-President Juncker, il-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta l-pjanijiet tagħha biex tlesti x-xogħol fuq l-għaxar prijoritajiet politiċi tal-President Juncker qabel ma jispiċċa l-mandat tiegħu, kif ukoll serje ta' inizjattivi li jħarsu 'l quddiem għall-futur tal-Ewropa.

Il-President Jean-Claude Juncker qal: “L-Ewropa qed terġa' ssib is-saħħa tagħha, u rridu nieħdu vantaġġ minn dan il-momentum ġdid. Diġà ppreżentajna 80% tal-proposti li wegħedna meta din il-Kummissjoni bdiet il-kariga attwali tagħha. Issa għandna nagħtu prijorità biex inbiddlu dawn il-proposti f'liġi, u l-liġi fil-prattika. Iktar kemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ilestu xogħolhom malajr, iktar se naraw il-benefiċċji tal-isforzi konġunti tagħna malajr.

Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, stqarr: “Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni adottat illum se jiżgura li l-enfasi tal-Kummissjoni tibqa' b'mod sod fuq affarijiet fejn l-azzjoni Ewropea għandha l-iktar valur miżjud. L-Unjoni Ewropea mhux se tiġi ġġudikata fuq l-għadd ta' direttivi u regolamenti li nadottaw, iżda fuq ir-riżultati tanġibbli li l-politiki tagħna jwasslu liċ-ċittadini u n-negozji tagħna.

L-enfasi tas-26 inizjattiva ġdida fil-Programm ta' Ħidma ta' din is-sena hija doppja. L-ewwel, hemm azzjonijiet leġiżlattivi mmirati biex jitlesta x-xogħol fl-oqsma ta' prijorità tagħna, li se jiġu kollha mressqa sa Mejju 2018 biex jippermettu lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill ilestu x-xogħol amministrattiv qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' Ġunju 2019. It-tieni, il-Programm ta' Ħidma jippreżenta azzjonijiet u inizjattivi ambizzjużi li għandhom perspettiva li tħares 'il quddiem iktar, hekk kif l-Unjoni l-ġdida ta' 27 tippjana l-futur tagħha għall-2025 u lil hinn minnu. Dawn il-proposti jirriflettu d-dibattitu mibdi mill-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u d-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 tal-President Juncker.

Sabiex tiġi żgurata enfasi fuq ir-riżultati, il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni jidentifika 66 proposta ta' prijorità pendenti li ppreżentajna fl-aħħar sentejn fejn hija meħtieġa adozzjoni rapida mill-Parlament u l-Kunsill; Il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li jiġu rtirati 15-il proposta pendenti fejn ma hemm l-ebda ftehim prevedibbli jew ma għadhomx iservu l-għan tagħhom jew li huma teknikament skaduti. Il-Programm ta' Ħidma jipproponi 15-il proposta li jsegwu minn rieżaminazzjonijiet tal-idoneità regolatorja u tal-prestazzjoni (REFIT) ta' liġijiet attwali, filwaqt li jqis l-opinjonijiet tal-Pjattaforma REFIT. L-applikazzjoni u l-infurzar effettivi tal-liġi tal-UE mill-Istati Membri wkoll se jkunu prijorità, sabiex niżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jesperjenzaw il-benefiċċji intiżi. Il-Kummissjoni se tħassar tliet biċċiet ta' leġiżlazzjoni obsoleti.

It-tlestija tal-ħidma fuq l-10 Prijoritajiet tal-Kummissjoni ta' Juncker

Mill-bidu tal-mandat tagħha, din il-Kummissjoni iffukat fuq l-affarijiet il-kbar, fejn azzjoni Ewropea effettiva tista' tagħmel differenza konkreta. Matul l-aħħar sena, bil-kondiviżjoni ta' dawn il-prijoritajiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, sar progress tajjeb fl-oqsma prinċipali u nkisbu riżultati fost l-10 prijoritajiet. Dan il-Programm ta' Ħidma issa jistabbilixxi proposti konkreti għas-sena li ġejja biex inlestu xogħolna.

Biex jissaħħu l-imġjiegi, it-tkabbir u l-investiment, il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tagħti riżultati fuq il-Pjan ta' Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari, u biex tlesti s-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Unjoni Bankarja. Inizjattiva fuq it-Tassazzjoni ġusta fl-ekonomija diġitali, Pakkett ta' ġustizzja soċjali, u proposta biex tittejjeb il-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE kollha se jikkontribwixxu għal suq intern iktar profond u ġust b'bażi industrijali msaħħa. Se nippreżentaw ukoll miżuri ġodda biex inlestu l-Unjoni tas-Sigurtà u nagħtu riżultati fuq l-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Istrateġija Globali, u se nsaħħu l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Il-Kummissjoni se tkompli l-politika kummerċjali bbilanċjata u progressiva tagħha biex trażżan il-globalizzazzjoni billi tlesti ftehimiet mal-Ġappun, Singapore u l-Vjetnam u se tkompli n-negozjati mal-Messiku u l-Mercosur.

Riżultati lill hinn mill-2025

Filwaqt li tlesti l-aġenda tal-lum, din il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tipprepara l-Unjoni tal-ġejjieni. Il-Programm ta' Ħidma 2018 jinkludi għadd ta' inizjattivi li jħarsu iktar 'il quddiem, lejn l-2025 u lil hinn minnu. Mit-30 ta' Marzu 2019, l-Unjoni Ewropea se tkun Unjoni ta' 27 Stat Membru, u issa huwa ż-żmien li nifformaw din l-Unjoni iktar Magħquda, b'Saħħitha u Demokratika.

Unjoni iktar Magħquda se teħtieġ perspettiva ta' tkabbir kredibbli għal kandidati minn ta' quddiem fil-Balkani tal-Punent. Biex tinbena Unjoni iktar b'Saħħitha, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għall-Qafas Finanzjajru Pluriennali tal-futur u se tipproponi wkoll tfassil tal-liġijiet tas-Suq Uniku iktar effiċjenti u iktar effiċjenza u konsistenza fl-implimentazzjoni tal-Politika Barranija Komuni. Se nadottaw Karta ta' Riflessjoni dwar futur Ewropew sostenibbli u Komunikazzjoni dwar il-futur tal-politika tal-UE tal-enerġija u l-klima, u nipproponu estensjoni tad-dmijiriet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jittratta wkoll it-terroriżmu. Għal Unjoni iktar Demokratika, se nagħmlu proposti għall-ħolqien ta' Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi permanenti u responsabbli, inizjattiva dwar it-tisħiħ ulterjuri tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-effiċjenza fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Se nipproponu wkoll inizjattiva dwar l-infurzar tal-istat tad-dritt.

Sfond

Kull sena, il-Kummissjoni tadotta Programm ta' Ħidma li jistabbilixxi l-lista ta' azzjonijiet li tkun se tagħmel fis-sena li tkun ġejja. Il-Programm ta' Ħidma jinforma lill-pubbliku u lill-koleġiżlaturi bl-impenji politiċi tagħna biex nippreżentaw inizjattivi ġodda, inneħħu proposti pendenti u nirrieżaminaw leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti.

It-tħejjija tal-Kummissjoni tal-Programm ta' Ħidma 2018 kienet imsaħħa b'konsultazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-kuntest tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet u l-Ftehim Qafas dwar relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u bbażata fuq l-Ittra ta' Intenzjoni mibgħuta mill-President Juncker u l-Ewwel Viċi President Timmermans fit-13 ta' Settembru, wara d-diskors tal-Istat tal-Unjoni Ewropea tal-President.

Għal iktar tagħrif

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2018 - Dokumenti Prinċipali

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2018

Skeda informattiva: Inizjattivi ġodda biex jitlesta x-xogħol fuq l-10 Prijoritajiet u Inizjattivi tal-President Juncker imnedija b'perspettiva għall-2025

Skeda informattiva: Proposti pendenti ta' prijorità li jeħtieġu adozzjoni rapida mill-Parlament u l-Kunsill

IP/17/4002

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar