Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

It-Tarka tal-Privatezza UE-US: L-ewwel rieżami juri li taħdem iżda l-implimentazzjoni tista' titjieb

Brussell, it-18ta' ottubru 2017

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tippubblika l-ewwel rapport annwali tagħha dwar il-funzjonament tat-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti, li l-għan tagħha huwa li tipproteġi d- data personali ta' kulħadd fl-UE li tiġi trasferita lil kumpaniji fl-Istati Uniti għal skopijiet kummerċjali.

Andrus Ansip, il-Viċi President tal-Kummissjoni għas-Suq Uniku Diġitali, qal: “Il-Kummissjoni tappoġġa bi sħiħ il-ftehim tat-Tarka tal-Privatezza mal-Istati Uniti. Li t-trasferimenti internazzjonali tad-data jsiru reżiljenti, siguri u skuri jibbenefika kumpaniji ċertifikati u konsumaturi u negozji Ewropej, inkluż SMEs fl-UE. L-ewwel rieżami tagħna juri l-impenn tagħna biex noħolqu skema ta' ċertifikazzjoni b'saħħitha b'ħidma ta' sorveljanza dinamika.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi qalet: “It-trasferimenti transatlantiċi tad-data huma essenzjali għall-ekonomija, iżda d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data għandu jiġi żgurat anke meta d-data personali toħroġ mill-UE. L-ewwel rieżami tagħna juri li t-Tarka tal-Privatezza taħdem tajjeb, iżda għad hemm lok għal titjib fl-implimentazzjoni tagħha. It-Tarka tal-Privatezza mhijiex dokument mitluq f'kexxun. Hija ftehim ħaj li għandu jkun sorveljat kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Uniti biex jiġi żgurat li nipproteġu l-istandards għoljin ta' protezzjoni tad-data tagħna."

Meta nediet it-Tarka tal-Privatezza f'Awwissu 2016, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tirrieżamina t-Tarka tal-Privatezza ta' kull sena , biex tevalwa jekk din tkomplix tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali. Ir-rapport tal-lum huwa bbażat fuq laqgħat mal-partijiet relevanti kollha tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li seħħew f'Washington f'nofs Settembru 2017, kif ukoll kontribuzzjonijiet minn firxa wiesgħa ta' partijiet interessati (inklużi rapporti minn kumpaniji u organizzazzjonijiet mhux governattivi). Awtoritajiet indipendenti għall-protezzjoni tad-data minn Stati Membri tal-UE wkoll ipparteċipaw fir-rieżami.

B'mod ġenerali r-rapport juri li t-Tarka tal-Privatezza tkompli tiżgura livell adegwat ta' protezzjoni għad-data personali trasferita mill-UE lejn kumpaniji parteċipanti fl-Istati Uniti. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti qiegħdu fis-seħħ l-istrutturi meħtieġa u l-proċeduri biex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tat-Tarka tal-Privatezza, bħal possibbiltajiet ta' rimedju għal individwi mill-UE. Twaqqfu proċeduri biex jiġu indirizzati l-ilmenti u għall-infurzar, u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ewropej tal-Protezzjoni tad-Data ġiet intensifikata. Il-proċess ta' ċertifikazzjoni qed jaħdem sew – iktar minn 2,400 kumpanija issa ġew iċċertifikati mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti. Fir-rigward ta' aċċess għad-data personali minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għal skopijiet ta' sigurtà nazzjonali, għad hemm fis-seħħ salvagwardji rilevanti min-naħa tal-Istati Uniti. 

Rakkomandazzjonijiet għal titjib ulterjuri tal-funzjonament tat-Tarka tal-Privatezza

Ir-rapport jissuġġerixxi għadd ta' rakkomandazzjonijiet biex jiżguraw li t-Tarka tal-Privatezza tkompli taħdem b'suċċess. Dawn jinkludu:

  • Monitoraġġ iktar proattiv u regolari tal-konformità ta' kumpaniji mal-obbligazzjonijiet tagħhom tat-Tarka tal-Privatezza mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti. Id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti għandu jwettaq ukoll tiftix regolari għal kumpaniji li jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-Ħarsien tal-Privatezza.
  • Għandha tiżdied is-sensibilizzazzjoni għal individwi tal-UE dwar kif jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont it-Tarka tal-Privatezza, b'mod partikulari dwar kif jippreżentaw ilmenti.
  • Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn dawk li jinfurzaw il-privatezza, jiġifieri d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ, l-Awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Data (DPAs), b'mod partikolari biex jiżviluppaw gwida għall-kumpaniji u għall-infurzaturi.
  • Tiġi stabbilita l-protezzjoni għal ċittadini mhux Amerikani offruta mid-Direttiva ta' Politika Presidenzjali 28 (PPD-28), bħala parti mid-dibattitu li għaddej fl-Istati Uniti dwar l-awtorizzazzjoni mill-ġdid u r-riforma tat-Taqsima 702 tal-Att ta' Sorveljanza dwar l-Intelligence Esterna (FISA).
  • Jinħatar malajr kemm jista' jkun Ombudsperson permanenti għat-Tarka tal-Privatezza, kif ukoll jiġi żgurat li jimtlew il-karigi vojta fuq il-Bord tas-Sorveljanza dwar il-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili (PCLOB).

Il-Passi li Jmiss

Ir-rapport se jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 tal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti. Il-Kummissjoni se taħdem mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet fix-xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib it-tħaddim tal-qafas tat-Tarka tal-Privatezza, inkluża l-konformità tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti mal-impenji tagħhom.

Sfond

Id-deċiżjoni dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US ġiet adottata fit-12 ta' Lulju 2016 u l-qafas tat-Tarka tal-Privatezza sar operazzjonali fl-1 ta' Awwissu 2016. Dan il-qafas jipproteġi d-drittijiet fundamentali ta' kullħadd fl-UE li d-data personali tiegħu tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti għal skopijiet kummerċjali kif ukoll iġġib iktar ċarezza legali għal negozji li jiddependu fuq it-trasferimenti transatlantiċi tad-data.

Pereżempju meta jixtru onlajn jew jużaw il-midja soċjali fl-UE, data personali tista' tiġi miġbura fl-UE permezz ta' fergħa jew sieħeb fin-negozju ta' kumpanija Amerikana parteċipanti, li mbagħad jittrasferiha lill-Istati Uniti. Pereżempju aġent tal-ivvjaġġar fl-UE jista' jibgħat ismijiet, dettalji ta' kuntatt u numri tal-karti ta' kreditu lil lukanda fl-Istati Uniti li tkun irreġistrat mat-Tarka tal-Privatezza.

Aktar informazzjoni

Rapport u Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar ir-rieżami annwali tal-funzjonament tat-Tarka tal-Privatezza UE-US.

Q&A

Stqarrija Konġunta mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Kummerċ Ross u l-Kummissjarju Jourová dwar ir-rieżami tat-Tarka tal-Privatezza UE-US.

Stqarrija għall-Istampa: Il-Kummissjoni Ewropea tniedi l-Ħarsien tal-Privatezza UE-Istati Uniti (Lulju 2016)

Tarka tal-Privatezza UE-US: Mistoqsijiet Frekwenti

Fatti dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US

Gwida dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US

IP/17/3966

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar