Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni tippreżenta miżuri ġodda biex tipproteġi aħjar liċ-ċittadini tal-UE

Brussell, it-18ta' ottubru 2017

.

Kif imħabbar mill-President Juncker fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017, illum il-Kummissjoni qed tippreżenta flimkien mal-Ħdax-il Rapport dwar is-Sigurtà tal-Unjoni sett ta' miżuri operazzjonali u prattiċi biex tiddefendi aħjar iċ-ċittadini tal-UE kontra theddid terroristiku u twassal Ewropa li tipproteġi. Il-miżuri għandhom l-għan li jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet esposti minn attakki reċenti u se tappoġġa lill-Istati Membri fil-protezzjoni ta' spazji pubbliċi u tgħin sabiex iċċaħħad lit-terroristi l-mezzi biex jaġixxu. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tkompli ssaħħaħ l-azzjoni esterna tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu — inkluż permezz tal-Europol — u qed tirrakkomanda li l-UE tiftaħ negozjati dwar reviżjoni tal-ftehim dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mal-Kanada.

Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, qal: "L-Ewropa qatt ma se ċċedi għat-terroristi li jattakkaw is-sigurtà tagħna u l-libertajiet tagħna. L-Ewropej qed jitolbu li l-gvernijiet nazzjonali u l-UE jindirizzaw dawn ir-riskji b'determinazzjoni. L-azzjonijiet ġodda mħabbra llum se jgħinu lill-Istati Membri biex iċaħħdu lit-terroristi l-mezzi sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-atti vili tagħhom u se jipproteġu b'mod aħjar tal-ispazji pubbliċi tagħna, u b'hekk l-istil ta' ħajja tagħna.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: "It-terroriżmu m'għandux fruntieri. Inkunu nistgħu niġġielduh b'mod effettiv biss jekk nagħmlu dan b'mod konġunt — kemm fi ħdan l-UE kif ukoll ma' sħabna fuq skala globali. L-iskambju effettiv ta' informazzjoni bħar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri huwa importanti ħafna għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, li hija r-raġuni għalfejn illum aħna nipproponu liill-Kunsill li jawtorizza n-negozjati għal ftehim rivedut mal-Kanada, u r-raġuni għalfejn se nipproponu li jkollna ftehimiet internazzjonali bejn il-Europol u pajjiżi ewlenin. Se nkomplu wkoll naħdmu mal-Istati Membri tagħna lejn il-ħolqien ta' Unità ta' Intelliġenza Ewropea.”

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King qal: “Sfortunatament qatt ma jista' jkun hemm riskju żero ta' terroriżmu, iżda aħna qed inkomplu nnaqqsu l-ispazju li għandhom it-terroristi biex iħejju u jwettqu r-reati tagħhom. Kif jinbidlu t-tattiċi terroristiċi, aħna qed inżidu l-appoġġ lill-Istati Membri biex ilaħħqu ma' dawn it-theddidiet: ngħinu fil-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi fejn jinġabru n-nies, filwaqt li naqtgħu l-aċċess tat-terroristi għal materjal għall-fabbrikazzjoni ta' bombi perikolużi, kif ukoll sorsi ta' finanzjament.”

Il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi

Hekk kif terroristi qed jimmiraw fuq spazji pubbliċi u żoni mimlijin nies, kif juru l-attakki reċenti f'Barċellona, Londra, Manchester u Stokkolma, illum il-Kummissjoni qed tippreżenta Pjan ta' Azzjoni biex iżżid l-appoġġ lill-isforzi tal-Istati Membri biex jipproteġu u jnaqqsu l-vulnerabbiltà ta' spazji pubbliċi. Il-miżuri jinkludu:

  • Żieda fl-appoġġ finanzjarju: Illum il-Kummissjoni qed tipprovdi EUR 18.5 miljun mill-Fond għas-Sigurtà Interna biex tappoġġa proġetti transnazzjonali li jtejbu l-protezzjoni ta' spażji pubbliċi. Fl-2018, EUR 100 miljun addizzjonali mill-Azzjonijiet Urbani Innovattivi se jappoġġaw l-ibliet li jinvestu f'soluzzjonijiet ta' sigurtà.
  • Materjal ta' Gwida: Tul is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se toħroġ materjal ġdid ta' gwida biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni ta' spazji pubbliċi u li titqajjem is-sensibilizzazzjoni pubblika. Il-gwida se tinkludi soluzzjonijiet tekniċi ta' “sigurtà sa mill-ippjanar” biex trendi l-ispazji pubbliċi iktar sikuri filwaqt li tiġi ppreservata n-natura miftuħa u pubblika tagħhom.
  • Skambju tal-aħjar prattiki: Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Forum tal-Prattikanti u twaqqaf Netwerk ta' Sigurtà ta' Riskju Għoli f'Novembru biex jipprovdi pjattaforma għal taħriġ komuni u eżerċizzji konġunti biex titjieb it-tħejjija kontra attakki.
  • Titjib tal-kooperazzjoni bejn l-atturi lokali u s-settur privat: Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Forum ta' Operaturi biex iħeġġu lis-sħubiji pubbliko-privati u jaħdmu flimkien ma' operaturi privati bħal ċentri kummerċjali, organizzaturi tal-kunċerti, areni tal-isports u kumpaniji tal-kiri tal-karozzi. L-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali se jkunu rinforzati b'laqgħa ta' livell għoli dwar l-aħjar prattika għall-protezzjoni ta' spazji pubbliċi.

Filwaqt li l-probabbiltà ta' attakki bħal dawn hija baxxa, il-Kummissjoni llum qed tipproponi wkoll Pjan ta' Azzjoni biex iżżid it-tħejjija, ir-reżiljenza u l-koordinazzjoni kontra attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN). Il-miżuri proposti llum jinkludu l-ħolqien ta' netwerk ta' sigurtà EU CBRN u nukleu ta' għarfien CBRN li għandu jitwaqqaf fiċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) fil-Europol.

It-tiċħid lit-terroristi tal-mezzi li jaġixxu

It-tiċħid lit-terroristi tal-mezzi li jwettqu atti terroristiċi huwa kruċjali biex jiġu prevenuti iktar attakki. Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta aktar miżuri addizzjonali ta' terminu qasir.

  • Restrizzjoni ta' aċċess għal sustanzi użati għall-manifattura ta' splussivi magħmulin id-dar: Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi passi immedjati biex tipprevjeni l-użu ħażin ta' sustanzi bħal dawn minn terroristi. Il-Kummissjoni qed iżżid ukoll ir-reviżjoni tagħha dwar prekursuri tal-isplussivi b'evalwazzjoni li tkun segwit minn valutazzjoni tal-impatt matul l-ewwel nofs tal-2018.
  • Appoġġ għall-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji meta jiltaqgħu ma' enkripzjoni fl-investigazzjonijiet kriminali, mingħajr ma tiddgħajjef l-enkripzjoni f'livell iktar ġenerali jew mingħajr ma jiġu affettwati numru indiskriminat ta' persuni: Illum il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri ta' appoġġ tekniku, għodda ġdida ta' tekniki u taħriġ u tipproponi li jiġi stabbilit netwerk ta' punti ta' għarfien.
  • L-indirizzar tal-finanzjament tat-terroriżmu: Il-Kummissjoni se tħares lejn ostakoli għall-aċċess ta' data transazzjoni finanzjarja fi Stati Membri oħra, u miżuri possibbli tal-UE biex tiffaċilita u tħaffef tali aċċess.

It-tisħiħ mill-ġdid tal-azzjoni esterna tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll illum tipproponi biex issaħħaħ l-azzjoni esterna tal-UE u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati billi:

  • Tirrakkomanda lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim rivedut dwar ir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri mal-Kanada, f'konformità mar-rekwiżiti kollha stipulati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-opinjoni tagħha tas-26 ta' Lulju.
  • It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-Europol ma' pajjiżi terzi billi tiġi preżentata, sa tmiem is-sena, rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehimiet bejn l-UE u l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar it-trasferiment ta' data personali bejn il-Europol u dawn il-pajjiżi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati serji.

Il-ħdax-il Rapport dwar is-Sigurtà tal-Unjoni qed iħares lejn il-passi li jmiss dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni onlajn u offlajn. Lil hinn minn dawn il-miżuri prattiċi għat-terminu qasir, biex jitwettqu tul is-sittax-il xahar li jmiss, il-Kummissjoni qed taħdem lejn Unità Ewropea ta' Intelligence futura, kif imħabbar mill-President Juncker bħala parti mill-viżjoni tiegħu għall-Unjoni Ewropea sal-2025.

Sfond

Is-sigurtà kienet prijorità politika sa mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker – mil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014, sal-aħħar Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fit-13 ta' Settembru 2017.

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tiggwida x-xogħol li tagħmel il-Kummissjoni f'dan il-qasam, billi tistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin biex ikun żgurat rispons effettiv tal-UE għat-theddidiet mit-terroriżmu u għas-sigurtà, fosthom il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà, it-twaqqif tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll it-titjib fl-iskambju tal-informazzjoni. Sa mill-adozzjoni tal-Aġenda, sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha li jwitti t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina. Dan il-progress huwa rifless fir-rapporti tal-Kummissjoni, ippubblikati fuq bażi regolari.

Għal aktar tagħrif

Q&A

Skeda informattiva: Il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi

Skeda informattiva: Unjoni ta' Sigurtà — Ewropa li tipproteġi

Skeda informattiva: Sigurtà tal-Unjoni - Qagħda Attwali ta' Ottubru 2017

Il-ħdax-il rapport ta' progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina

Pjan ta' Azzjoni biex titjieb il-protezzjoni ta' spazji pubbliċi

Pjan ta' Azzjoni biex tissaħħaħ it-tħejjija għal riskji ta' sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari.

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar prekursuri ta' splussivi

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-UE, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu

 Anness

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-UE, tal-protokoll Addizzjonali li jissupplimenta l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu

 Anness

IP/17/3947

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar