Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Impjieg: Rapport tal-Kummissjoni juri żieda fl-iżvilupp tal-pagi u tranżizzjonijiet eħfef mill-qgħad għax-xogħol

Brussell, it-13ta' ottubru 2017

Illum il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport annwali tagħha dwar l-Iżviluppi fis-Suq tax-Xogħol u fil-Pagi fl-Ewropa.

L-edizzjoni ta' din is-sena tikkonferma x-xejriet pożittivi fis-suq tax-xogħol li rajna fl-UE. Ir-rata ta' impjieg fl-UE qabżet il-livelli ta' qabel il-kriżi, b'iktar minn 235 miljun ruħ qed jaħdmu. Il-qgħad bħalissa huwa ta' 7.6%, u qiegħed joqrob ukoll lejn il-livelli ta' qabel ir-reċessjoni. Barra minn hekk, ir-rapport juri li sar aktar faċli biex il-persuni qiegħda jsibu xogħol. Mill-banda l-oħra, arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli wasslu għal vantaġġi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-individwi, għalkemm f'ċerti każijiet, ħolqu qasma bejn ħaddiema b'tipi differenti ta' kuntratti, b'inqas protezzjoni għall-persuni b'impjieg temporanju jew indipendenti.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, osservat: “Aktar u aktar nies fl-Ewropa qed jirnexxilhom isibu xogħol, u llum qegħdin naraw l-ogħla livell ta' impjieg li qatt ġie rreġistrat. L-Ewropea qiegħda taħsad il-frott ta' riformi mmirati ta' politika. Fl-istess ħin, hemm bżonn li naffrontaw sfidi oħra. Irridu niżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni għall-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom. Abbażi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li varajna fis-26 ta' April, qegħdin naħdmu biex nimmodernizzaw ir-regoli dwar il-kuntratti tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali, sabiex niksbu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u tal-ħajja mal-UE kollha.”

Ir-Rapport dwar l-Iżviluppi fis-Suq tax-Xogħol u fil-Pagi tal-2017 juri wkoll li fl-2016, il-pagi fiż-żona tal-ewro telgħu b'1.2%, u żdiedu fl-Istati Membri kważi kollha. L-Istati Membri b'livelli ta' paga komparattivament baxxi (bħall-pajjiżi Baltiċi, l-Ungerija u r-Rumanija) irreġistraw l-ikbar żidiet. Dan ifisser li l-pagi qegħdin jikkonverġu madwar l-Ewropa. Madankollu, f'bosta pajjiżi, ir-rata ta' żvilupp tal-pagi għadha iktar baxxa milli kienet mistennija fid-dawl tat-tnaqqis riċenti fil-qgħad. Barra minn hekk, fl-Istati Membri kważi kollha, il-pagi tal-ħaddiema temporanji huma aktar baxxi minn dawk tal-ħaddiema permanenti, partikularment f'dawk l-Istati Membri fejn il-perċentwal tal-impjieg temporanju huwa ogħla.

Biex tkompli tibni fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva biex ittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-indokraturi li jaħdmu, u nediet konsultazzjonijiet mas-sħab soċjali biex jiġu modernizzati r-regoli dwar il-kuntratti tax-xogħol u dwar l-aċċess għall-għajnuna soċjali għal kulħadd. Ladarba jiġu adottati, dawn l-inizjattivi jistgħu jwieġbu għall-isfidi ssottolinjati fir-Rapport dwar l-Iżviluppi fis-Suq tax-Xogħol u fil-Pagi fl-Ewropa ta' din is-sena, fosthom is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u n-nuqqas ta' protezzjoni tal-ħaddiema f'forom mhux standard ta' impjieg.

Kuntest

Ir-Rapport dwar l-Iżviluppi fis-Suq tax-Xogħol u fil-Pagi fl-Ewropa janalizza s-suq tax-xogħol minn perspettiva makroekonomika. Jagħti analiżi tal-iżviluppi riċenti fl-impjieg u fil-pagi, b'ħarsa lejn iż-żona tal-ewro u lejn l-UE sħiħa, bi tqabbil mas-sħab kummerċjali globali tal-UE. Kull edizzjoni tinkludi kapitolu tematiku li jinżel aktar fil-fond fl-analiżi makroekonomika ta' kwistjoni rilevanti. L-edizzjonijiet preċedenti tar-rapport jistgħu jinqraw hawn.

Il-proposta għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, adottata mill-Kummissjoni nhar is-26 ta' April 2017, tfassal 20 prinċipju u dritt ewlieni li jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta' għajnuna soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Fid-diskors tiegħu tal-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-President Juncker ikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni biex tibqa' tmexxi 'l quddiem il-Pilastru bħala mezz essenzjali biex jisseddqu l-valuri Ewropej u tinħoloq UE aktar profonda u aktar ġusta: "Jekk irridu nevitaw il-frammentazzjoni soċjali u d-dumping soċjali fl-Ewropa, l-Istati Membri għandhom jaqblu fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kemm jista' jkun malajr, u żgur mhux iktar tard mis-summit ta' Gothenburg f'Novembru.” Is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir se jsir f'Gothenburg, l-Iżvezja, nhar is-17 ta' Novembru 2017. Aktar informazzjoni dwar is-Summit tinsab hawnhekk.

Għal aktar tagħrif

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Twitter u Facebook

IP/17/3867

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar