Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tippreżenta White Paper dwar il-futur tal-Ewropa: Possibilitajiet għall-unità tal-UE ta' 27

Brussell, I-1ta' marzu 2017

Kif imħabbar fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker tal-2016, il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat White Paper dwar il-Futur tal-Ewropa, li tifforma l-kontribut tal-Kummissjoni għas-Summit ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017.

Hekk kif qegħdin inħejju biex infakkru s-Sittin Anniversarju tal-UE, inħarsu lura lejn perjodu ta' paċi li ilu għaddej seba' deċennji u lejn Unjoni mkabbra ta' 500 miljun ċittadin li jgħixu fil-libertà f'waħda mill-ekonomiji l-aktar għanja tad-dinja. Fl-istess ħin, l-UE ikollha tħares 'il quddiem lejn kif hija sejra tnaqqax viżjoni għall-futur tagħha b'27 Stat Membru. Il-White Paper tippreżenta l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin għall-Ewropa fid-deċennju li ġej. Hija tippreżenta ħames xenarji għal kif l-Ewropa taf tevolvi sal-2025, skont kif hija tagħżel li tirreaġixxi.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal: “Sittin sena ilu, il-fundaturi tal-Ewropa għażlu li jgħaqqdu l-kontinent bil-forza tal-liġi aktar milli bil-forzi armati. Nistgħu nkunu kburin b'dak li ksibna minn dak iż-żmien lil hawn. L-aktar ġurnata kerha fl-2017 xorta se tkun ferm isbaħ minn kwalunkwe ġurnata li għaddew missirijietna fuq il-kamp tal-battalja. Hekk kif infakkru s-sittin anniversarju tat-Trattati ta' Ruma, wasal iż-żmien li Ewropa magħquda ta' 27 issawwar viżjoni għall-futur. Wasal iż-żmien għal sens ta' tmexxija, ta' għaqda u ta' rieda soda komuni. Il-White Paper tal-Kummissjoni tippreżenta serje ta' mogħdijiet differenti li din l-UE magħquda ta' 27 tista' tagħżel li ssegwi. Hija l-bidu ta' proċess, mhux tmiemu, u jiena nittama li issa jsir dibattitu onest u wiesa'. Il-forma mbagħad issegwi l-funzjoni. F'idejna għanda l-futur tal-Ewropa.”

Il-White Paper tagħti ħarsa lejn kif l-Ewropa se tinbidel fid-deċennju li ġej, mill-impatt ta' teknoloġiji ġodda fuq is-soċjetà u fuq l-impjiegi, għal dubji dwar il-globalizzazzjoni, it-tħassib dwar is-sigurtà u l-firxa tal-populiżmu. Hija tippreżenta l-għażla li għandha quddiemna: Li ninġarru minn dawn ix-xejriet, jew inħaddnuhom u naħtfu l-opportunitajiet ġodda li jġibu magħhom. Il-popolazzjoni u s-saħħa ekonomika tal-Ewropa qegħdin jiċkienu hekk kif dawk ta' partijiet oħra tad-dinja qegħdin jikbru. Sal-2060 l-ebda wieħed mill-Istati Membri tagħna ma hu se jkollu mqar 1% tal-popolazzjoni tad-dinja - raġuni importanti li għandha żżomna flimkien sabiex niksbu aktar. Bħala forza dinjija pożittiva, il-prosperità tal-Ewropa se tkompli tiddependi fuq l-aċċessibilità tagħha u r-rabtiet qawwija li għandha ma' sħabha.

Il-White Paper tippreżenta ħames xenarji, kull wieħed minnhom jagħti ħarsa lejn l-istat potenzjali tal-Unjoni b'27 sal-2025, skont l-għażliet li l-Ewropa tagħmel (ara l-Anness). Ix-xenarji jkopru firxa ta' possibbiltajiet u min-natura tagħhom iservu ta' illustrazzjoni. Huma la jeskludu wieħed lill-ieħor u lanqas ma huma eżawrjenti.

  • Xenarju 1: Inkomplu kif aħna - L-UE27 tiffoka fuq il-kisba tal-aġenda ta' riforma pożittiva tagħha fl-ispirtu tal-Bidu Ġdid għall-Ewropa tal-Kummissjoni mill-2014 u tad-Dikjarazzjoni ta' Bratislava li dwarha kien intlaħaq qbil bejn is-27 Stat Membru kollha fl-2016. Sal-2025 dan jista' jkun ifisser:
    • L-Ewropej ikunu jistgħu jsuqu karozzi awtomatizzati u konnessi iżda jista' jkollhom problemi meta jaqsmu l-fruntieri peress li jibqa' jkun hemm xi ostakli legali u tekniċi.
    • L-Ewropej ikunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri mingħajr normalment ma jkollhom għalfejn jieqfu għall-kontrolli. Il-kontrolli ta' sigurtà msaħħa jkunu jfissru li wieħed ikollu jasal fl-ajruporti u l-istazzjonijiet tal-ferrovija ħafna qabel il-ħin tat-tluq.
  • Xenarju 2: Xejn ħlief is-Suq Uniku - l-UE27 ftit ftit terġa' tiffoka fuq is-suq uniku hekk kif is-27 Stat Membru ma jkunux jistgħu jsibu qbil komuni dwar għadd dejjem jiżdied ta' oqsma ta' politika. Sal-2025 dan jista' jkun ifisser:
    • Li taqsam il-fruntieri għan-negozju jew it-turiżmu jsir diffiċli minħabba kontrolli regolari. Li wieħed isib impjieg barra minn pajjiżu, u t-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni lejn pajjiż ieħor ma jkunx garantit. Dawk li jimirdu barra ‘l pajjiż tagħhom ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' kontijiet mediċi għolja.
    • L-Ewropej ma jkollhomx entużjażmu biex jużaw karozzi konnessi minħabba n-nuqqas ta' regoli u ta' standards tekniċi li jgħoddu madwar l-UE kollha
  • Xenarju 3: Dawk li jridu aktar, jagħmlu aktar - Il-UE27 tkompli bħal ma hi llum iżda tippermetti lil dawk l-Istati Membri li jkunu jridu hekk li jagħmlu aktar f'ċerti oqsma speċifiċi bħal ma huma d-difiża, is-sigurtà interna jew il-kwistjonijiet soċjali. B'hekk, titfaċċa xi “koalizzjoni ħerqana”, jew aktar minnhom. Sal-2025 dan jista' jkun ifisser:
    • Ħmistax-il Stat Membru jistabbilixxu korp tal-pulizija u tal-maġistrati biex jikkonfronta l-attivitajiet kriminali transfruntiera. L-informazzjoni ta' sigurtà tiġi skambjata immedjatament hekk kif il-bażijiet ta' data jiġu interkonnessi għal kollox.
    • Il-karozzi konnessi jintużaw b'mod mifrux fi 12-il Stat Membri li jkunu qablu li jarmonizzaw ir-regoli ta' responsabbilta u l-istandards tekniċi tagħhom.
  • Xenarju 4: Isir anqas b'aktar effiċjenza - L-UE27 tiffoka fuq il-kisba tar-riżultati aħjar u aktar rapida f'ċerti oqsma ta' politika partikolari, filwaqt li tagħmel anqas meta jkun jidher li ma jkunx hemm valur miżjud. L-attenzjoni u r-riżorsi limitati jkunu ffukati fuq ċerti oqsma ta' politika magħżula. Sal-2025 dan jista' jkun ifisser:
    • Ikun hemm Awtorità Ewropea tat-Telekomunikazzjoni li jkollha s-setgħa li tillibera l-frekwenzi għal servizzi ta' komunikazzjoni transfruntiera, bħal ma huma dawk użati mill-karozzi konnessi. Hija tipproteġi wkoll id-drittijiet tal-utenti tat-telefonija ċellulari u tal-Internet kull fejn ikunu fl-UE.
    • Ikun hemm Aġenzija Ewropea ġdid ta' kontra t-Terroriżmu li tgħin biex ittellef u tipprevjeni attakki serji permezz ta' rintraċċar u indikazzjoni ta' persuni suspetti.
  • Xenarju 5: Flimkien isir ferm aktar - L-Istati Membri jiddeċiedu li jaqsmu bejniethom aktar setgħat, riżorsi u teħid ta' deċiżjonijiet fil-firxa kollha ta' ħidmiethom. Il-qbil dwar id-deċiżjonijiet isir b'mod aktar malajr fil-livell Ewropew u jiġu infurzati bil-ħeffa. Sal-2025 dan jista' jkun ifisser:
    • L-Ewropej li jkunu jridu jilmentaw dwar xi proġett ta' enerġija mir-riħ li jkun iffinanzjat mill-UE fil-post fejn joqogħdu ma jkunux jistgħu jilħqu lill-awtorità responsabbli peress li jgħidulhom biex jikkuntattjaw lill-awtoritajiet Ewropej kompetenti.
    • Il-karozzi konnessi jkunu jistgħu jinstaqu bla xkiel madwar l-Ewropa peress li jkun hemm regoli ta' responsabbiltà ċari madwar l-UE kollha. Is-sewwieq jkunu jistgħu jserrħu rashom li jkun hemm aġenzija tal-UE li tinforza r-regoli.

 

Il-passi li jmiss

Il-White Paper hija l-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għas-Summit ta' Ruma, il-mument meta l-UE se tiddiskuti l-kisbiet tagħha ta' dawn l-aħħar 60 sena, iżda wkoll il-futur tagħha b'27 Stat Membru. Il-White Paper timmarka l-bidu ta' proċess għall-UE27 biex tiddeċiedi dwar il-futur tal-Unjoni. Sabiex jiġi xprunat dan id-dibattitu, il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u Stati Membri interessati se jlaqqgħu serje ta' “Dibattiti dwar il-Futur tal-Ewropa” madwar l-ibliet u r-reġjuni tal-Ewropa.

Il-Kummissjoni Ewropea se tikkontribwixxi fid-dibattitu fix-xhur li ġejjin b'serje ta' dokumenti ta' riflessjoni dwar:

  • l-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa;
  • l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja abbażi tar-Rapport tal-Ħames Presidenti ta' Ġunju 2015;
  • l-isfruttar tal-globalizzazzjoni;
  • il-futur tad-difiża tal-Ewropa;
  • il-futur tal-finanzi tal-UE.

Bħal fil-każ tal-White Paper, id-dokumenti ta' riflessjoni se joffru ideat, proposti, alternattivi jew xenarji differenti għall-Ewropa fl-2025 mingħajr ma jiġu ppreżentati deċiżjonijiet definittivi f'dan l-istadju.

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker f'Settembru 2017 se jmexxi dawn l-ideat 'il quddiem qabel ma jinġibdu l-ewwel konklużjonijiet fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2017. Dan ikun ta' għajnuna biex tittieħed deċiżjoni dwar kors ta' azzjoni li għandu jiġi ppreżentat qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2019.

L-Isfond

Sittin sena ilu, ispirati mill-ħolma ta' futur fil-paċi u komuni, l-Istati fundaturi tal-UE salpaw fuq vjaġġ ambizzjuż ta' integrazzjoni Ewropea, bl-iffirmar tat-Trattati ta' Ruma. Huma qablu li jsolvu l-kunflitti tagħhom madwar mejda aktar milli fil-kampijiet tal-battalja. Bħala riżultat, l-esperjenza kerha tal-passat imqalleb tal-Ewropa twarrbet biex issa għandna perjodu ta' paċi li ilu għaddej seba' deċennji u Unjoni ta' 500 miljun ċittadin li jgħixu fil-libertà u l-opportunità f'waħda mill-aktar ekonomiji għanja tad-dinja.

Is-sittin anniversarju tat-Trattati ta' Ruma fil-25 ta' Marzu 2017 se jkun okkażjoni importanti għall-mexxejja tal-UE27 biex jirriflettu dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-proġett Ewropew tagħna, biex iqisu l-kisbiet tiegħu u l-punti ta' saħħa tiegħu, kif ukoll l-oqsma fejn għandu jsir titjib, u biex juru rieda soda komuni li jsawru futur aktar qawwi flimkien b'27 Stat Membru.

Kif tħabbar mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-14 ta' Settembru 2016, liema diskors kien intlaqa' mill-mexxejja tal-UE27 waqt is-Summit ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni llum ippreżentat White Paper dwar il-futur tal-Ewropa sabiex tniedi dibattitu qabel ma jsir is-Summit ta' Ruma.

Il-White Paper se sservi biex tingħata direzzjoni lid-dibattitu fost is-27 Kap ta' Stat jew ta' Gvern u tgħin fl-istrutturar tad-diskusjsoni fis-Summit ta' Ruma u ferm lil hinn. Hija se tintuża wkoll mill-Kummissjoni bħala l-punt tat-tluq għal dibattitu pubbliku usa' dwar il-futur tal-kontinent tagħna.

Għal aktar tagħrif

Il-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea il-ġejjieni tal-Ewropa

Sit Web: L-UE għalqet 60 sena

L-Istorja Ewropea: 60 sena ta' progress flimkien

Id-diskors tal-2016 tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni: Lejn Ewropa aħjar – Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi

1

IP/17/385

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Documents


ANNESS-MT.pdf