Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Lussemburgu kkonċeda benefiċċji fiskali illegali lil Amazon li jiswew madwar EUR 250 miljun

Brussell, I-4ta' ottubru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li l-Lussemburgu kkonċeda benefiċċji fiskali mhux dovuti lil Amazon li jammontaw għal madwar EUR 250 miljun. Dan huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, għaliex ippermetta li Amazon tħallas ammont sostanzjalment anqas ta' taxxa minn ditti oħra. Il-Lussemburgu issa jrid jirkupra l-għajnuna illegali.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet "Il-Lussemburgu ta benefiċċji fiskali illegali lil Amazon. B'riżultat ta' dan, kważi tliet kwarti tal-profitti ta' Amazon ma ġewx intaxxati. Fi kliem ieħor, Amazon tħalliet tħallas erba' darbiet anqas taxxa minn kumpaniji lokali oħra li huma soġġetti għall-istess regoli fiskali nazzjonali. Dan huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-Istati Membri ma jistgħux jagħtu benefiċċji fiskali selettivi li mhumiex disponibbli għal ħaddieħor, lil gruppi multinazzjonali."

Wara investigazzjoni fil-fond li bdiet f'Ottubru 2014, il-Kummissjoni kkonkludiet li deċiżjoni fiskali li l-Lussemburgu ħareġ fl-2003 u pprolonga fl-2011, naqqset it-taxxa mħallsa minn Amazon fil-Lussemburgu mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida.

Permezz tad-deċiżjoni fiskali, Amazon setgħet tgħaddi l-maġġoranza l-kbira tal-profitti tagħha minn kumpanija tal-grupp Amazon li hija soġġetta għat-taxxa fil-Lussemburgu (Amazon EU)għal waħda li mhix soġġetta għat-taxxa (Amazon Europe Holding Technologies). B'mod partikolari, id-deċiżjoni fiskali approvat il-pagament ta' royalty minn Amazon EU lil Amazon Europe Holding Technologies, li naqqas b'mod sinifikanti l-profitti taxxabbli ta' Amazon EU.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li l-livell tal-pagamenti ta' royalties, approvat mid-deċiżjoni fiskali, kien minfuħ u ma kienx jirrifletti r-realtà ekonomika. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjoni fiskali kkonċediet vantaġġ ekonomiku selettiv lil Amazon billi ppermettiet li l-grupp iħallas inqas taxxa minn kumpaniji oħra soġġetti għall-istess regoli fiskali nazzjonali. Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni, Amazon setgħet tevita t-taxxa fuq tliet kwarti mill-profitti li għamlet mill-bejgħ kollu ta' Amazon fl-UE.

 

L-istruttura ta' Amazon fl-Ewropa

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna t-trattament fiskali tal-Lussemburgu fir-rigward ta' żewġ kumpaniji fil-grupp Amazon – Amazon EU u Amazon Europe Holding Technologies. Iż-żewġ kumpaniji huma inkorporati fil-Lussemburgu bi sjieda unika tal-grupp Amazon u huma finalment ikkontrollati mill-kumpanija omm fl-Istati Uniti, Amazon.com, Inc.

  • Amazon EU (il-"kumpanija operattiva") tħaddem in-negozju tal-bejgħ bl-imnut ta' Amazon madwar l-Ewropa kollha. Fl-2014 kellha madwar 500 impjegat, li xogħolhom kien li jagħżlu l-oġġetti għall-bejgħ fuq is-siti web ta' Amazon fl-Ewropa, jixtruhom mingħand il-manifatturi, u jimmaniġġjaw il-bejgħ onlajn u t-twassil tal-prodotti lill-konsumaturi. Amazon organizzat l-operazzjonijiet tal-bejgħ tagħha fl-Ewropa b'tali mod li l-konsumaturi li kienu qed jixtru prodotti minn kull sit web ta' Amazon fl-Ewropa kienu kuntrattwalment qed jixtru prodotti mingħand il-kumpanija operattiva fil-Lussemburgu. B'dan il-mod, Amazon irreġistrat il-bejgħ Ewropew kollu, u l-qligħ minn dan il-bejgħ, fil-Lussemburgu.
  • Amazon Europe Holding Technologies (il-"kumpanija azzjonarja") hija soċjetà limitata mingħajr ħaddiema, mingħajr uffiċċji u mingħajr attivitajiet kummerċjali. Il-kumpanija azzjonarja taġixxi bħala intermedjarju bejn il-kumpanija operattiva u Amazon fl-Istati Uniti. Hija tippossjedi ċerti drittijiet ta' proprjetà intellettwali għall-Ewropa taħt l-hekk imsejjaħ “ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-ispejjeż” ma' Amazon fl-Istati Uniti. Il-kumpanija azzjonarja nnifisha ma tagħmel ebda użu attiv minn din il-proprjetà intellettwali. Kull ma tagħmel hu li tagħti liċenzja esklużiva għal din il-proprjetà intellettwali lill-kumpanija operattiva, li tużaha biex tmexxi l-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut ta' Amazon fl-Ewropa.

Skont il-ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-ispejjeż, il-kumpanija azzjonarja tagħmel pagamenti annwali lil Amazon fl-Istati Uniti sabiex tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-iżvilupp tal-proprjetà intellettwali. Dan l-aħħar, tribunal fiskali fl-Istati Uniti ddeċieda dwar x'għandu jkun il-livell ta' dawn il-pagamenti.

Skont il-liġijiet fiskali ġenerali tal-Lussemburgu, il-kumpanija operattiva hija soġġetta għal taxxa korporattiva fil-Lussemburgu, filwaqt li l-kumpanija azzjonarja mhix, minħabba l-forma ġuridika tagħha, li hija dik ta' soċjetà limitata. Il-profitti li tirreġistra s-soċjetà limitata huma ntaxxati biss fil-livell tas-sħab u mhux fil-livell tas-soċjetà limitata nnifisha. Is-sħab tal-kumpanija limitata kienu lokalizzati fl-Istati Uniti u sa issa ddifferew l-obbligazzjonijiet ta' taxxa tagħhom.

Amazon implimentat din l-istruttura, approvata permezz tad-deċiżjoni fiskali li qed tiġi investigata, bejn Mejju 2006 u Ġunju 2014. F'Ġunju 2014, Amazon biddlet il-mod kif topera fl-Ewropa. Din l-istruttura l-ġdida hija barra mill-ambitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

 

L-ambitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni

Ir-rwol tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat fl-UE huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jagħtux lil xi kumpaniji magħżula trattament fiskali aħjar minn oħrajn permezz ta' deċiżjonijiet tat-taxxa jew b'xi mod ieħor. B'mod aktar speċifiku, it-tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji fi grupp korporattiv irid jingħatalhom prezz b'tali mod li jirrifletti r-realtà ekonomika. Dan ifisser li l-pagamenti bejn żewġ kumpaniji fl-istess grupp għandhom ikunu konformi mal-arranġamenti li jsiru taħt kundizzjonijiet kummerċjali bejn kumpaniji indipendenti (l-hekk imsejjaħ prinċipju "ta' distakkament").

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tirrigwarda deċiżjoni fiskali li l-Lussemburgu ħareġ lil Amazon fl-2003 u pprologa fl-2011. Din id-deċiżjoni approvat il-metodu ta' kif tiġi kkalkolata l-bażi taxxabbli tal-kumpanija operattiva. Indirettament, kienet qed tapprova wkoll il-metodu ta' kif jiġu kkalkolati l-pagamenti annwali mill-kumpanija operattiva lill-kumpanija azzjonarja għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' Amazon, li ġew użati mill-kumpanija operattiva biss.

Dawn il-pagamenti kienu jaqbżu, bħala medja, 90 % tal-profitti operattivi tal-kumpanija operattiva. Kienu ħafna ogħla (madwar darba u nofs) minn dak li l-kumpanija azzjonarja kellha tħallas lil Amazon fl-Istati Uniti skont il-ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-ispejjeż.

Biex inkunu ċari, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma ddubitatx li l-kumpanija azzjonarja kellha s-sjieda tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li lliċenzjat lill-kumpanija operattiva, lanqas ma ddubitat il-pagamenti regolari li għamlet il-kumpanija azzjonarja lil Amazon fl-Istati Uniti biex tiżviluppa din il-proprjetà intellettwali. Lanqas ma xeħtet dubju fuq is-sistema fiskali tal-Lussemburgu bħala tali.

 

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ikkonkludiet li d-deċiżjoni fiskali tal-Lussemburgu approvat metodu mhux ġustifikat biex jiġu kkalkulati l-profitti taxxabbli ta' Amazon fil-Lussemburgu. B'mod partikolari, il-livell tal-pagamenti għar-royalties mill-kumpanija operattiva kien minfuħ u ma kienx jirrifletti r-realtà ekonomika.

  • Il-kumpanija operattiva kienet l-unika entità li kienet qed tieħu deċiżjonijiet u twettaq l-attivitajiet relatati mal-kummerċ tal-bejgħ bl-imnut ta' Amazon fl-Ewropa. Kif issemma, il-persunal tagħha kien jagħżel l-oġġetti għall-bejgħ, jixtrihom mingħand il-manifatturi, u jimmaniġġja l-bejgħ onlajn u t-twassil tal-prodotti lill-konsumaturi. Il-kumpanija operattiva adattat ukoll it-teknoloġija u s-softwer li jirfed il-pjattaforma tal-kummerċ elettroniku ta' Amazon fl-Ewropa, u investiet fil-kummerċjalizzazzjoni u l-ġbir tad-dejta. Dan ifisser li mmaniġġjat id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali lliċenzjati lilha u awmentat il-valur tagħhom.
  • Il-kumpanija azzjonarja kienet kumpanija tal-isem li sempliċement għaddiet id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali lill-kumpanija operattiva għall-użu esklużiv tagħha. Il-kumpanija azzjonarja nnifisha ma kienet b'ebda mod involuta attivament fil-ġestjoni, l-iżvilupp jew l-użu ta' din il-proprjetà intellettwali. La wettqet u lanqas setgħet twettaq, xi attivitajiet, biex tiġġustifika l-livell ta' royalties li rċeviet.

Skont il-metodu approvat mid-deċiżjoni fiskali, il-profitti taxxabbli tal-kumpanija operattiva tnaqqsu għal kwart ta' dak li kienu fir-realtà. Kważi tliet kwarti tal-profitti ta' Amazon kienu indebitament attribwiti lill-kumpanija azzjonarja, fejn baqgħu mhux intaxxati. Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni, Amazon setgħet tevita t-taxxa fuq tliet kwarti mill-profitti li għamlet mill-bejgħ kollu ta' Amazon fl-UE.

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-deċiżjoni fiskali maħruġa mil-Lussemburgu approvat pagamenti bejn żewġ kumpaniji fl-istess grupp, li mhumiex konformi mar-realtà ekonomika. B'riżultat ta' dan, id-deċiżjoni fiskali ppermettiet li Amazon tħallas ammont sostanzjalment anqas ta' taxxa minn kumpaniji oħra. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li t-trattament fiskali tal-Lussemburgu ta' Amazon skont id-deċiżjoni fiskali huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

image EN

L-infografika tinsab fil-format ta' riżoluzzjoni għolja hawn.

 

L-irkupru

Bħala prinċipju, ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jirrikjedu li tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli sabiex titneħħa d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna. Ma hemmx multi skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u l-irkupru ma jippenalizzax lill-kumpanija milquta. Dan sempliċement jerġa' jistabbilixxi t-trattament indaqs ma' kumpaniji oħra.

Fid-deċiżjoni tal-lum, il-Kummissjoni stipulat il-metodoloġija biex jiġi kkalkulat il-valur tal-vantaġġ kompetittiv mogħti lil Amazon, jiġifieri d-differenza bejn dak li ħallset il-kumpanija f'taxxi u dak li kieku kienet obbligata tħallas mingħajr id-deċiżjoni fiskali. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, dan huwa stmat li jilħaq madwar EUR 250 miljun, apparti l-imgħax. L-awtoritajiet tat-taxxa fil-Lussemburgu issa jridu jiddeterminaw x'inhu l-ammont preċiż ta' taxxa mhux imħallsa fil-Lussemburgu, abbażi tal-metodoloġija stabbilita fid-deċiżjoni.

 

L-isfond

Sa minn Ġunju 2013, il-Kummissjoni kienet qed tinvestiga l-prassi dwar id-deċiżjonijiet fiskali tal-Istati Membri. F'Diċembru 2014, hija estendiet din l-inkjesta dwar l-informazzjoni għall-Istati Membri kollha. F'Ottubru 2015, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Lussemburgu u n-Netherlands kienu taw vantaġġi fiskali selettivi lil Fiat u lil Starbucks rispettivament. F'Jannar 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-vantaġġi fiskali selettivi mogħtija mill-Belġju lil mill-anqas 35 multinazzjonali, l-aktar mill-UE, skont l-iskema tiegħu ta' taxxa fuq il-"profitt eċċessiv" huma illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. F'Awwissu 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Irlanda tat benefiċċji fiskali mhux dovuti sa EUR 13-il biljun lil Apple. Il-Kummissjoni għandha wkoll għaddejjin żewġ investigazzjonijiet fil-fond rigward tħassib li xi deċiżjonijiet fiskali jistgħu qed iwasslu għal kwistjonijiet dwar għajnuna mill-Istat fil-Lussemburgu, fir-rigward ta' McDonald's u GDF Suez (issa Engie).

Din il-Kummissjoni segwiet strateġija estensiva favur tassazzjoni ġusta u trasparenza akbar u dan l-aħħar rajna progress kbir. Wara l-proposti tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza fiskali ta' Marzu 2015, f'Jannar 2017 daħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet fiskali. L-Istati Membri qablu wkoll li jestendu l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejniethom għar-rappurtar għal kull pajjiż dwar informazzjoni finanzjarja relatata mat-taxxi tal-multinazzjonali. Issa hemm proposta biex parti minn din l-informazzjoni ssir pubblika. F'Mejju 2017 ġew adottati regoli ġodda tal-UE għall-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa permezz ta' pajjiżi mhux tal-UE li jikkompletaw id-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD) li tiżgura li jiġu applikati miżuri b'saħħithom kontra l-abbuż madwar is-Suq Uniku kollu.

Għal dak li jirrigwarda x-xogħol leġiżlattiv li jinsab għaddej, il-proposti tal-Kummissjoni f'Ottubru 2016 għall-varar mill-ġdid tal-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva għandhom jaġixxu bħala għodda b'saħħitha kontra l-evitar tat-taxxa fl-UE. F'Ġunju 2017, il-Kummissjoni pproponiet regoli ta' trasparenza ġodda għall-intermedjarji - inklużi l-konsulenti tat-taxxa - li jfasslu u jippromwovu skemi fiskali ġodda għall-klijenti tagħhom. Din il-leġiżlazzjoni se tgħin biex jinkiseb grad ħafna akbar ta' trasparenza u biex tipprevjeni li d-deċiżjonijiet fiskali jintużaw bħala strument għall-abbuż tat-taxxa. Fl-aħħar nett, proprju issa f'Settembru l-Kummissjoni varat aġenda ġdida tal-UE biex tiżgura li l-ekonomija diġitali tiġi ntaxxata b'mod ġust u li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tagħna stipulat l-isfidi li qed jiffaċċjaw bħalissa l-Istati Membri meta jiġu biex jaġixxu fuq din il-kwistjoni urġenti u tippreżenta soluzzjonijiet possibbli li għandhom jiġu studjati qabel proposta tal-Kummissjoni fl-2018. Il-ħidma kollha tal-Kummissjoni tistrieħ fuq il-prinċipju sempliċi li l-kumpaniji kollha, kbar u żgħar, iridu jħallsu t-taxxa fil-post fejn huma jagħmlu l-profitti tagħhom.  

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet se tkun disponibbli bin-numru tal-każ SA.38944 fir-reġistru dwar l-għajnuna mill-Istat fis-sit web tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni hekk kif ikunu ġew riżolti l-kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità li jista' jkun hemm. Il-pubblikazzjoni State Aid Weekly e-News telenka pubblikazzjonijiet ġodda ta' deċiżjonijiet dwar għajnuna mill-Istat fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

 

IP/17/3701

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos



Photos


Documents


Amazon_Lux_en.pdf