Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE: ir-rapport il-ġdid dwar il-Koeżjoni jqanqal diskussjoni dwar il-fondi tal-UE wara l-2020

Brussell, id-9ta' ottubru 2017

Illum il-Kummissjoni qed tippubblika s-Seba' Rapport dwar il-Koeżjoni, li jħoss il-polz tar-reġjuni tal-UE, jislet lezzjonijiet mill-infiq tal-koeżjoni matul is-snin tal-kriżi u jistabbilixxi l-qafas għall-politika ta' koeżjoni wara l-2020.

Filwaqt li janalizza l-istat attwali tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE, ir-rapport dwar il-Koeżjoni jqiegħed l-Unjoni taħt lenti: l-ekonomija tal-Ewropa qed tirpilja iżda għadhom jeżistu inugwaljanzi bejn u fost l-Istati Membri.

L-investiment pubbliku fl-UE għadu taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi iżda r-reġjuni u l-Istati Membri jeħtieġu aktar appoġġ biex jilqgħu l-isfidi li ġew identifikati fid-dokument ta' riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE; ir-revoluzzjoni diġitali, il-globalizzazzjoni, it-tibdil demografiku u l-koeżjoni soċjali, il-konverġenza ekonomika u t-tibdil fil-klima.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Creţu qalet: "Ir-rapport juri biċ-ċar li l-Unjoni teħtieġ aktar koeżjoni. Il-kriżi għaddiet iżda hija ħalliet bosta traċċi ċari f'bosta reġjuni. Ir-reġjuni se jkollhom bżonn il-Politika ta' Koeżjoni biex jilħqu l-isfidi tal-lum u ta' għada."

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, qalet: "Ir-rapport dwar il-Koeżjoni tal-2017 juri li l-investimenti huma meħtieġa sabiex l-irkupru ekonomiku attwali jkun sostenibbli. Dan huwa essenzjali biex jagħmel differenza għall-ekonomiji tagħna, il-forza tax-xogħol tagħna u l-poplu Ewropew."

Ir-rapport ma jipprekludix il-proposta finali tal-Kummissjoni iżda jqanqal id-diskussjoni dwar il-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020. Huwa jissuġġerixxi politika madwar l-UE kollha li sservi tliet skopijiet ewlenin: il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni, li ħadd ma jintesa jew jitwarrab u l-appoġġ tar-riformi strutturali.

Politika madwar l-UE kollha: Fl-aħħar żewġ deċennji, il-Politika ta' Koeżjoni kisbet riżultati fir-reġjuni kollha tal-UE u kienet sors ewlieni ta' investiment. Hija ħolqot direttament 1.2 miljun impjieg fl-UE matul dawn l-aħħar 10 snin, hekk kif l-investimenti pubbliċi li jappoġġaw it-tkabbir f'diversi Stati Membri naqsu b'mod drastiku.

Id-distakki ekonomiċi reġjonali qed jerġgħu jonqsu bil-mod il-mod. Id-dokument ta' riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE fetaħ id-diskussjoni; il-Politika ta' Koeżjoni għandha tiffoka biss fuq reġjuni inqas żviluppati?

Ir-rapport dwar il-Koeżjoni juri li r-reġjuni qed jikbru, iżda mhux bl-istess pass. Diversi reġjuni b'ammont ta' ġid li jqarreb lejn il-medja tal-UE jidhru qishom imwaħħlin f'"nassa ta' dħul medju".

Xi wħud qed iġorru l-piż finanzjarju tal-globalizzazzjoni mingħajr ma jaħsdu l-benefiċċji tagħha, spiss b'telf ta' impjiegi sostanzjali u b'inkapaċità li jiksbu trasformazzjoni industrijali. Huma se jkunu jeħtieġu appoġġ finanzjarju ulterjuri biex irawmu l-ħolqien tax-xogħol u t-tibdil strutturali.

Barra minn hekk, ir-rapport jenfasizza li l-livell ta' investiment attwali mhuwiex biżżejjed biex jilħaq il-miri tal-2030 tal-ishma tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Għalhekk, ir-reġjuni kollha tal-UE se jkollhom bżonn ta' aktar finanzjament biex jiksbu d-dekarbonizzazzjoni.

Il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni: Sabiex jikkompetu f'ekonomija globalizzata, jeħtieġ li r-reġjuni jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom u joħolqu valur. Peress li llum huma ftit ir-reġjuni tal-UE li jistgħu jieħdu rwol ta' tmexxija, jeħtieġ li jkun hemm investimenti ulterjuri fl-innovazzjoni, fid-diġitalizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni. Minbarra l-finanzjament, għandhom jitrawmu rabtiet effiċjenti bejn iċ-ċentri ta' riċerka, in-negozji u s-servizzi.

Li ħadd ma jintesa/jitwarrab: Xi reġjuni qed jaffaċċjaw eżodu tal-massa, filwaqt li bosta bliet jinsabu taħt pressjoni minħabba persuni ġodda li jfittxu prospetti aħjar, inklużi l-migranti. Jekk ir-rata ta' impjieg fl-UE laħqet livell għoli ġdid, ir-rata ta' qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, għadha ogħla mil-livelli ta' qabel il-kriżi.

L-indirizzar tal-qgħad, l-għajnuna lin-nies sabiex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jistabbilixxu n-negozji u fl-istess ħin il-ġlieda kontra l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni se jeħtieġu investiment ulterjuri. Il-koeżjoni soċjali tal-Unjoni fil-ġejjieni qarib tiddependi fuq dan.

L-appoġġ tar-riformi strutturali: It-titjib tal-amministrazzjoni pubblika jsaħħaħ il-kompetittività u t-tkabbir u jimmassimizza l-impatt tal-investimenti. Bħad-dokument ta' riflessjoni, ir-rapport dwar il-Koeżjoni jirrikonoxxi li r-rabta bejn il-Politika ta' Koeżjoni u l-governanza ekonomika tal-UE jeħtieġ tissaħħaħ sabiex tappoġġa rifomi għal ambjent li jwassal għat-tkabbir.

Il-passi li jmiss:

Se titnieda konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-Politika ta' Koeżjoni fil-bidu tal-2018. F'Mejju 2018, se tiġi ppreżentata l-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), segwita mill-proposti għall-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020.

Aktar informazzjoni:

Is-seba' rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Memo – Il-Ġejjieni tal-Finanzi tal-UE: is-seba' rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Skeda informattiva dwar il-koeżjoni fl-Unjoni

Skeda informattiva dwar il-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni kollha tal-UE

Inforegio – mappi interattivi

Segwi lill-Kummissarju Crețu u DĠ REGIO fuq Twitter

 

IP/17/3644

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar