Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Żieda fl-impatt tal-investiment pubbliku permezz ta' akkwist pubbliku effiċjenti u professjonali

Strasburgu, it-3ta' ottubru 2017

Sabiex issaħħaħ is-Suq Uniku u bħala parti mill-isforz kontinwu tagħha biex tixpruna l-investiment fl-UE, illum il-Kummissjoni ppreżentat inizjattiva biex l-akkwist pubbliku jitwettaq b'mod iktar effiċjenti u sostenibbli, filwaqt li jintużaw għalkollox it-teknoloġiji diġitali biex il-proċeduri jiġu ssimplifikati u mħaffa.

Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen qal: “Minn mindu bdejna l-mandat tagħna f'Novembru 2014 l-investiment kien il-qofol ta' ħidmietna, b'mod partikolari billi jiġi attirat il-kapital privat bil-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa. Issa rridu nisfruttaw il-potenzjal kollu tal-akkwist pubbliku billi niżguraw li ż-€2 triljun li jintefqu kull sena fis-servizzi pubbliċi u fil-prodotti jagħtu spinta lill-ekonomija tagħna, jixprunaw l-innovazzjoni u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta' sostenibbiltà.

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs, żiedet: “Aħna nħeġġu lill-awtoritajiet pubbliċi jużaw l-akkwist pubbliku b'mod strateġiku bħala għodda biex jinkiseb valur aħjar għall-flus tal-kontribwenti u biex jingħata kontribut għal ekonomija iżjed innovattiva, sostenibbli, inklużiva u kompetittiva. Il-Kummissjoni se tkompli tassisti lill-Istati Membri biex jagħmlu dan, u tistieden lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha ta' gvern u lil partijiet ikkonċernati oħra biex jaħdmu fi sħubija wiesgħa.”

L-inizjattiva tal-lum għandha erba' fergħat prinċipali:

  • Definizzjoni ta' oqsma ta' prijorità għal titjib – L-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw approċċ strateġiku għall-politiki tal-akkwist pubbliku, li jiffoka fuq sitt prijoritajiet: iktar użu ta' kriterji innovattivi, ekoloġiċi u soċjali fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi; il-professjonalizzazzjoni tal-akkwirenti pubbliċi; it-titjib fl-aċċess tal-SMEs għas-swieq tal-akkwist pubbliku fl-UE u għall-kumpaniji tal-UE f'pajjiżi terzi; iż-żieda tat-trasparenza, tal-integrità u tal-kwalità tad-dejta tal-akkwist pubbliku; id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tal-akkwist pubbliku; u iktar kooperazzjoni fost l-akkwirenti pubbliċi madwar l-UE.
  • Valutazzjoni ex ante tal-proġetti infrastrutturali l-kbar – Il-proġetti kumplessi jistgħu jibdew fuq sieq ħażina jekk il-maniġers tal-proġetti ma jifhmux għalkollox ir-regoli kumplessi li japplikaw għall-akkwist pubbliku fuq skala kbira. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi helpdesk li jkun jista' jwieġeb fi stadju bikri l-mistoqsijiet speċifiċi marbuta ma' proġetti b'valur stmat ta' iktar minn EUR 250 miljun. Għal proġetti ta' importanza kbira għall-Istat Membru kkonċernat jew b'valur stmat totali ta' iktar minn EUR 500 miljun, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-pjan komplut tal-akkwist pubbliku huwiex kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, biex b'hekk jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-inċertezzi u r-riskju ta' dewmien u ta' oġġezzjonijiet ġuridiċi. Il-mekkaniżmu huwa volontarju, il-parir tal-Kummissjoni mhuwiex vinkolanti u t-tagħrif jiġi ttrattat b'rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità.
  • Rakkomandazzjoni dwar il-professjonalizzazzjoni tal-akkwirenti pubbliċi – Il-Kummissjoni tirrakkomanda li jittieħdu l-passi mill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-akkwirenti pubbliċi jkollhom il-ħiliet tan-negozju, l-għarfien tekniku u l-fehim proċedurali meħtieġa biex jikkonformaw mar-regoli u jiżguraw li l-kontribwenti jieħdu l-aqwa oġġetti u servizzi għal flushom. Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajbin u ta' approċċi innovattivi.
  • Konsultazzjoni fuq l-ixprunar tal-innovazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku – Illum il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni mmirata biex tiġbor il-fehmiet mill-partijiet ikkonċernati dwar kif tista' tiġi xprunata l-innovazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku tal-oġġetti u tas-servizzi. L-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni jaf ikun jikkonċerna l-eżiti tal-innovazzjoni kif ukoll il-modi innovattivi ta' kif isir ix-xiri. Il-konsultazzjoni hija miftuħa sal-31 ta' Diċembru u se tlaħħam l-gwida futura għall-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li tindirizza kwistjonijiet bħal kif tiġi stabbilita strateġija, kif jiġi organizzat l-appoġġ għall-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni jew kif jintużaw għodod tal-akkwist pubbliku li jkunu favur l-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex jużaw għalkollox il-possibbiltajiet offruti bir-regoli l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku u tħares 'il quddiem biex tibni sħubija mal-awtoritajiet u mal-partijiet ikkonċernati biex l-akkwist pubbliku jittejjeb fil-post.

 

Sfond:

L-UE qed tagħmel sforz mingħajr preċedent biex tixpruna l-ekonomija u twassal l-investiment, b'mod partikolari permezz tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u b'pożizzjoni fiskali pożittiva fis-Semestru Ewropew. Jeħtieġ li dawn il-politiki jintrifdu b'riformi strutturali sabiex jitrawmu l-innovazzjoni u t-tkabbir. Għalhekk, huwa kruċjali li wieħed jiffoka fuq it-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku u fuq it-tneħħija tal-ostakli għall-investiment, fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew.

Parti sostanzjali tal-investiment pubbliku fl-ekonomija tagħna tintefaq permezz tal-akkwist pubbliku: €2 triljun kull sena li jirrappreżentaw 14 % tal-PDG tal-UE. Li jiġi żgurat li l-flus tal-kontribwenti qed jintefqu b'mod effiċjenti u effettiv huwa ta' interess komuni Ewropew.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku tirrikjedi li l-kuntratti pubbliċi kollha ta' iktar minn ċertu livell limitu jridu jgħaddu minn proċess ta' offerti b'rispett tal-prinċipji ta' trasparenza, ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni. Dawn ir-regoli ġew issimplifikati b'mod ulterjuri fl-2014. Iktar milli jagħtu kuntratt abbażi tal-aqwa prezz, l-awtoritajiet imħeġġa jintegraw kriterji kwalitattivi, jitolbu soluzzjonijiet innovattivi u li jiffrankaw l-enerġija jew jinsistu fuq approċċi sostenibbli u inklużivi.

Il-Kummissjoni qed tkompli tissorvelja mill-qrib it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku fil-liġi nazzjonali u qed tkompli tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jifhmu u jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet tal-akkwist pubbliku.

B'mod parallel, kif imħabbar fl-Istrateġija tal-Politika Industrijali, il-Kummissjoni qed tkompli tistinka biex tikkonkludi kapitoli ambizzjużi dwar l-akkwist pubbliku fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, sabiex b'hekk tgħin il-bejgħ barrani tal-kumpaniji tal-UE. Hemm ħtieġa urġenti biex malajr kemm jista' jkun jitneħħa l-impass attwali fil-Kunsill fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni għal Strument għall-Akkwist Pubbliku Internazzjonali.

 

Iżjed tagħrif:

 

IP/17/3543

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar