Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Nisfruttaw il-globalizzazzjoni: ir-reġjuni se jibbenefikaw minn sostenn ġdid tal-UE biex jibnu ekonomiji reżiljenti

Brussell, id-29ta' settembru 2017

Ir-reġjuni huma mistiedna japplikaw għal żewġ proġetti pilota tal-Kummissjoni. Jekk jintgħażlu, jistgħu jibbenefikaw minn sostenn finanzjarju u tekniku tal-UE mfassal apposta biex jittrasformaw l-ekonomiji tagħhom u jimmodernizzaw l-industriji tagħhom.

Il-Kummissjoni ppreżentat iż-żewġ proġetti pilota f'Lulju 2017. Dawn għandhom l-għan li jkomplu jgħinu lir-reġjuni tal-Ewropa jinvestu fl-oqsma niċċa tagħhom ta' saħħa kompetittiva (il-proċess ta' “speċjalizzazzjoni intelliġenti”) u jiġġeneraw l-innovazzjoni, ir-reżiljenza u t-tkabbir meħtieġa sabiex jisfruttaw il-globalizzazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu qalet: “Hemm ħames passi li reġjun irid jieħu sabiex jagħmel progress fil-katina tal-valur f'ekonomija globalizzata; jilqa' l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni, jiżviluppa l-ħiliet tan-nies u jneħħi l-ostakli għall-investiment. Il-proġetti pilota li qed invaraw illum juru li l-UE tinsab lesta biex tgħin lir-reġjuni tagħha, f'kull pass li jieħdu.”

L-approċċ ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti ġie introdott fil-programmi kollha tal-politika reġjonali fl-2014. Dan tejjeb il-mod li bih ir-reġjuni jfasslu l-istrateġiji tagħhom ta' innovazzjoni, billi involva mill-qrib lill-intrapriżi lokali u lir-riċerkaturi. Il-proġetti pilota qed jibnu fuq din l-esperjenza pożittiva. Illum ġew varati żewġ sejħiet għal espressjoni ta' interess:

Sejħa 1: Appoġġ imfassal apposta għar-reġjuni li qed jiffaċċjaw tranżizzjoni industrijali:

Ċerti reġjuni ilhom iġorru l-piż finanzjarju tal-globalizzazzjoni mingħajr ma għadhom ħasdu l-benefiċċji tagħha. Ħafna drabi dawn sofrew ammont sostanzjali ta' telf ta' impjiegi u jistgħu wkoll isofru minn nuqqas ta' ħiliet adattati, kostijiet lavorattivi għoljin u deindustrijalizzazzjoni.

Ir-reġjuni li qed jiffaċċjaw dawn l-isfidi speċifiċi jistgħu japplikaw u jibbenefikaw minn:

1) Assistenza mfassla apposta minn esperti tal-Kummissjoni organizzati f'timijiet “reġjonali” minn diversi dipartimenti tal-Kummissjoni. Dawn se jgħinu lir-reġjuni jfasslu l-istrateġiji ta' trasformazzjoni ekonomika reġjonali.

Skont il-bżonnijiet u l-assi speċifiċi ta' kull reġjun, il-Kummissjoni se tqabbad esperti esterni biex jappoġġaw ix-xogħol li qed isir fir-reġjuni. Dawn jistgħu jkunu esperti fl-istrumenti finanzjarji, konsulenti imprenditorjali jew riċerkaturi li jkunu qed jaħdmu fuq proċessi ta' manifattura avvanzati, pereżempju. Il-Kummissjoni qed tagħmel disponibbli sa EUR 200,000 għal kull reġjun biex tkopri l-ispejjeż ta' dan l-għarfien espert estern. Il-flus ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)

2) Sostenn addizzjonali mill-Osservatorju Ewropew għall-clusters u għall-bidla industrijali sabiex jgħin lir-reġjuni jibnu politiki ta' clusters u b'hekk jikkollegaw aħjar id-ditti lokali, iċ-ċentri ta' riċerka u l-qasam akkademiku.

3) Sa EUR 300,000 mill-FEŻR sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni bikrija tal-istrateġiji ta' trasformazzjoni ekonomika reġjonali, bil-kundizzjoni li jsir biżżejjed progress fl-iżvilupp tagħhom.

Is-sejħa timmira partikolarment lir-reġjuni li jinsabu fi “tranżizzjoni” u dawk li huma “aktar żviluppati”[1]. Se ssir lista ristretta ta' ħames reġjuni. Skont il-livell ta' interess, il-Kummissjoni tista' tirrepeti s-sejħa sabiex jitqiegħdu ħames reġjuni oħra fuq il-lista, b'baġit ġdid u simili.

Sejħa 2: Sħubiji interreġjonali għall-iżvilupp ta' katini tal-valur Ewropej kompetittivi

L-għan ta' dan il-proġett pilota huwa li jiġu kummerċjalizzati u ssir espansjoni tal-proġetti interreġjonali “bankabbli” fis-setturi prijoritarji bħall-big data, il-bijoekonomija, l-effiċjenza fir-riżorsi, il-mobilità konnessa, is-saħħa u tixjiħ attiv jew iċ-ċibersigurtà.

Is-sħubiji transnazzjonali tal-awtoritajiet reġjonali minn mill-inqas erba' pajjiżi differenti tal-UE u bl-involviment ta' universitajiet, ċentri ta' riċerka u intrapriżi jistgħu japplikaw għal sostenn mill-Kummissjoni fl-iżvilupp tal-proġetti tagħhom jew biex jinfiltraw swieq ġodda.

Minn ħames sa 10 sħubiji se jibbenefikaw mis-sostenn immirat ta' timijiet speċjali stabbiliti fil-Kummissjoni, li jinvolvu esperti minn diversi oqsma tematiċi u esperti esterni. Dawn is-sħubiji se jkollhom is-sostenn ta' total ta' EUR 1 miljun mill-FEŻR għall-iżvilupp tagħhom.

Il-passi li jmiss:

Ir-reġjuni jistgħu japplikaw sal-31 ta' Ottubru 2017. Ir-riżultati tas-sejħiet se jiġu ppubblikati fil-bidu ta' Diċembru.

Għal aktar tagħrif

Inforegio – how to apply?

Factsheet – Smart specialisation pilot actions

Factsheet – what is smart specialisation?

Lulju 2017 Komunikazzjoni – Insaħħu l-Innovazzjoni fir-Reġjuni tal-Ewropa

Lulju 2017 MEMO – Challenges ahead: boosting innovation-led growth in EU regions

 

[1] Ir-reġjuni fi "tranżizzjoni" għandhom PDG per capita bejn 75% u 90% tal-medja tal-UE. Il-PGD per capita fir-reġjuni “aktar żviluppati” huwa ta' aktar minn 90% tal-medja tal-UE.

IP/17/3501

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar