Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni żżid l-isforzi biex tindirizza l-kontenut illegali online

Brussell, it-28ta' settembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta l-linji gwida u l-prinċipji għall-pjattaformi online biex issaħħaħ il-prevenzjoni, id-detezzjoni u t-tneħħija proattivi tal-kontenut illegali li jqanqal il-mibegħda, il-vjolenza u t-terroriżmu online.

Kif ħabbar il-President Juncker fl-Ittra ta' Intenzjoni tiegħu li takkumpanja d-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta' Settembru, il-Kummissjoni Ewropea llum qed tippreżenta l-linji gwida u l-prinċipji għall-pjattaformi online. L-għan huwa li jissaħħu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u t-tneħħija proattivi tal-kontenut illegali li jqanqal il-mibegħda, il-vjolenza u t-terroriżmu online. Id-disponibbiltà dejjem tikber u t-tifrix tal-materjal u l-kontenut terroristiku li jqanqlu l-vjolenza u l-mibegħda online huma theddida serja għas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE. Jimminaw ukoll il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-ambjent diġitali – magna ewlenija tal-innovazzjoni, tat-tkabbir u tal-impjiegi.

Billi jsegwu fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2017, li ġew imtennija mill-mexxejja tal-G7 u tal-G20, il-miżuri proposti jikkostitwixxu element tal-bidu tal-pakkett ta' Kontra t-Terroriżmu mħabbar mill-President Juncker. Se jikkontribwixxu biex jagħmlu l-ġlieda kontra l-kontenut illegali iktar effettiva u se jmexxu 'l quddiem il-ħidma kontinwa biex nibnu Unjoni tas-Sigurtà tal-UE effettiva u ġenwina u Suq Uniku Diġitali iktar b'saħħtu.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, qal: “Aħna qed nagħtu tweġiba tal-UE soda għall-isfida tal-kontenut illegali online. Qed nagħmluha iktar faċli għall-pjattaformi biex jagħqdu dmirhom, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-infurzar tal-liġi u s-soċjetà ċivili. Il-gwida tagħna tinkludi salvagwardji biex ma jitneħħix wisq kontenut u jkunu żgurati t-trasparenza u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħal-libertà tal-kelma.”

Vera Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, qalet: “Il-liġi tapplika online bl-istess mod li tapplika offline. Ma nistgħux naċċettaw Wild West diġitali, u rridu naġixxu. Il-kodiċi ta' kondotta li jien qbilt dwarha ma' Facebook, Twitter, Google u Microsoft turi li approċċ awtoregolatorju jista' jservi ta' eżempju tajjeb u jista' jwassal għar-riżultati. Madankollu, jekk il-kumpaniji teknoloġiċi ma jagħtux riżultati, se nieħdu ħsieb aħna.

Julian King, il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, qal:“Id-dinja diġitali toffri opportunitajiet mingħajr preċedent iżda, jekk jispiċċaw fl-idejn żbaljati, dawn joħolqu theddida serja għas-sigurtà tagħna. Il-kumpaniji tal-internet għandhom rwol ċentrali fl-eliminazzjoni tal-materjal terroristiku online billi jżidu l-isforzi tagħhom u juru responsabbiltà soċjali korporattiva għall-era diġitali.”

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qalet: “Il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza l-problema tal-kontenut illegali online bir-reqqa. Is-sitwazzjoni mhix sostenibbli: f'iktar minn 28% tal-każijiet, il-pjattaformi online jieħdu iktar minn ġimgħa biex ineħħu l-kontenut illegali. Illum qed nagħtu sinjal ċar lill-pjattaformi biex jaġixxu b'mod iktar responsabbli. Dan huwa indispensabbli għaċ-ċittadini u l-iżvilupp tal-pjattaformi.” 

Biż-żieda fil-kontenut illegali online, li jinkludi propaganda terrorista online, u diskors ksenofobiku u razzist li jqanqal il-vjolenza u l-mibegħda, il-pjattaformi online għandhom rwol dejjem iktar importanti x'jaqdu u jeħtieġ li jżidu r-responsabbiltà soċjali tagħhom. Il-gwida ġdida li ħarġet illum titlob lill-pjattaformi online biex ikomplu jtejbu l-isforzi tagħhom għall-prevenzjoni kontra t-tifrix tal-kontenut illegali. Minħabba r-rwol tagħhom li dejjem qed iżid fl-importanza fl-għoti tal-aċċess għall-informazzjoni, il-Kummissjoni tistenna li l-pjattaformi online jieħdu azzjoni malajr fix-xhur li ġejjin, b'mod partikolari fil-qasam tat-terroriżmu u d-diskors illegali ta' mibegħda – li diġà huma illegali skont il-liġi tal-UE, kemm online kif ukoll offline.

Tneħħija proattiva u effettiva tal-kontenut illegali

Bħala l-ewwel pass għall-ġlieda effettiva kontra l-kontenut illegali online, il-Kummissjoni qed tipproponi għodod komuni li jaħdmu malajr u b'mod proattiv għad-detezzjoni, it-tneħħija u l-prevenzjoni biex tali kontenut ma jerġax jidher:

  • Detezzjoni u notifika: Il-pjattaformi online jeħtieġ li jikkooperaw iktar mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, billi jaħtru punti ta' kuntatt sabiex jiżguraw li dawn jista' jsir kuntatt magħhom malajr biex jitneħħa l-kontenut illegali. Sabiex titħaffef id-detezzjoni, il-pjattaformi online huma mħeġġa jaħdmu mill-qrib ma' persuni ta' fiduċja li jikkontrollaw il-kontenut, jiġifieri entitajiet speċjalizzati b'għarfien espert dwar x'jikkostitwixxi kontenut illegali. Addizzjonalment, jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmi li huma aċċessibbli faċilment biex l-utenti jkunu jistgħu jirrapportaw il-kontenut illegali u jinvestu f'teknoloġiji tad-detezzjoni awtomatizzata.
  • Tneħħija effettiva: Il-kontenut illegali jenħtieġ li jitneħħa malajr kemm jista' jkun, u jista' jkun soġġett għal skedi taż-żmien speċifiċi, fejn ikun hemm riskju ta' ħsara kbira, pereżempju f'każijiet ta' tħeġġiġ ta' atti terroristiċi. Il-kwistjoni dwar l-iskedi taż-żmien fissi se tiġi analizzata ulterjorment mill-Kummissjoni. Il-pjattaformi jeħtieġ li jispjegaw b'mod ċar lill-utenti tagħhom il-politika ta' kontenut tagħhom u joħorġu rapporti ta' trasparenza li jiddettaljaw l-għadd u t-tipi ta' avviżi li jirċievu. Il-kumpaniji tal-internet jenħtieġ li jintroduċu wkoll salvagwardji ta' prevenzjoni fil-każ li jitneħħa wisq kontenut.
  • Prevenzjoni biex ma jerġgħux jidhru: Il-pjattaformi jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jiddiswadu lill-utenti milli repetittivament jerġgħu jtellgħu l-kontenut illegali online. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ħafna l-użu u l-iżvilupp ulterjuri tal-għodod awtomatiċi bħala prevenzjoni kontra l-wiri mill-ġdid ta' kontenut li kien tneħħa preċedentament.

Il-passi li jmiss

Il-komunikazzjoni tal-lum hija l-ewwel pass u l-inizjattivi ta' segwitu se jiddependu mill-azzjonijiet tal-pjattaformi online biex jimplimentaw il-linji gwida b'mod proattiv. Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-progress li sar mill-pjattaformi online matul ix-xhur li ġejjin u tivvaluta jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex tiżgura d-detezzjoni u t-tneħħija malajr u proattiva tal-kontenut illegali online, inkluż il-possibbiltà ta' miżuri leġiżlattivi sabiex jikkumplimentaw il-qafas regolatorju eżistenti. Din il-ħidma se titlesta sa Mejju 2018.

Sfond

L-Unjoni Ewropea diġà wieġbet għall-isfida tal-kontenut illegali online, permezz ta' miżuri kemm vinkolanti kif ukoll mhux vinkolanti. Ir-risposti ta' politika jinkludu d-Direttiva għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, id-Direttiva dwar it-Terroriżmu, u r-riformi tad-drittijiet tal-awtur tal-UE proposti u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, li huma wkoll parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.

Dawn il-miżuri leġiżlattivi ġew ikkumplimentati minn firxa ta' għodod mhux leġiżlattivi li se jiġu appoġġatti mill-azzjonijiet spjegati fil-Komunikazzjoni tal-lum bħall-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ġlieda Kontra d-Diskors ta' Mibegħda Illegali Online, il-ħidma tal-Forum tal-Internet tal-UE għall-ġlieda kontra l-propaganda terrorista u l-Memorandum ta' Qbil dwar il-bejgħ tal-Oġġetti Ffalsifikati. L-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal huwa inizjattiva awtoregolatorja mmirata li ttejjeb l-ambjent online għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet


Responsabbilità tal-intermedjarji online

IP/17/3493

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar