Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tapprova l-kontijiet tal-UE għall-għaxar darba konsekuttiva u tibgħat messaġġ pożittiv dwar l-infiq tal-UE

Brussell, it-28ta' settembru 2017

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri aċċertat il-korrettezza tal-kontijiet annwali tal-UE għall-għaxar sena konsekuttiva, billi sabithom veri u ġusti.

Il-Qorti sabet ukoll inqas żbalji fl-oqsma kollha tal-infiq milli fl-imgħoddi, u l-livell ġenerali finali ta' żbalji għall-2016 huwa konsiderevolment inqas minn dak tas-sena ta' qabel. Għal madwar nofs l-infiq tal-UE, ir-rata ta' żball lanqas biss laħqet il-livell ikkunsidrat mill-Qorti bħala materjali. L-ebda żball ma nstab fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit. Dan ippermetta lill-Qorti biex taġġorna - għall-ewwel darba - l-opinjoni tagħha dwar il-pagamenti għal "kwalifikati".

Il-Kummissarju Günther H. Oettinger, inkarigat mill-baġit u mir-riżorsi umani, qal: "Ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri juri li l-isforzi tagħna jagħtu frott - l-infiq tal-UE qed isir aktar effettiv, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji. Naturalment, aħna mhux se nieqfu hemm - aħna se nkomplu naħdmu mal-Istati Membri u l-benefiċjarji għaliex kull euro mill-baġit tal-UE jgħodd.”

Fir-Rapport Annwali tagħha tal-2016 ippubblikat illum, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tissottolinja titjib kbir fil-mod kif qed jintefaq il-baġit tal-UE. Il-Qorti tinkoraġġixxi wkoll lill-Kummissjoni biex tkompli tiffoka fuq il-prestazzjoni u s-simplifikazzjoni, u b'hekk tapprova d-direzzjoni tal-Kummissjoni.

Simplifikazzjoni - għodda biex tinkiseb prestazzjoni aħjar

Regoli aktar sempliċi jnaqqsu l-iżbalji u jżidu l-effettività tal-finanzjament mill-UE. F'Settembru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ambizzjuża biex tissimplifika r-regoli finanzjarji tagħha. Bħalissa għaddejjin negozjati dwar is-sett finali ta' regoli bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bl-adozzjoni mistennija dalwaqt.

L-isforzi tal-Kummissjoni ma jieqfux hemm. Aktar simplifikazzjoni tinsab fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar il-baġit fit-tul ġejjieni, imnissel mill-pubblikazzjoni tad-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE f'Ġunju 2017. Biex ikompli jħeġġeġ id-dibattitu, aktar kmieni din is-sena grupp ta' esperti tal-politika indipendenti, ippresedut mill-ex-Kummissarju Siim Kallas, għamel aktar proposti dwar kif se jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-fondi tal-UE fil-futur.

Valur miżjud tal-infiq tal-UE

Mod importanti biex l-infiq tal-UE jsir aktar effettiv huwa li jiġi żgurat li kull euro mill-baġit tal-UE jiġġenera valur miżjud. Dan huwa kruċjali fi żmien meta l-UE qed tagħmel aktar minn qatt qabel biex tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi liċ-ċittadini tagħha, filwaqt li r-riżorsi jibqgħu jinxtorbu. Waħda mill-mistoqsijiet ewlenin fid-dibattitu dwar il-futur tal-finanzi tal-UE hija kif jista' jiġi ġġenerat valur miżjud ogħla tal-UE. Il-konferenza dwar l-istess suġġett, li l-Kummissjoni Ewropea organizzat fil-25 ta' Settembru 2017, fittxet li tidentifika t-tweġibiet possibbli.

Xogħol intensifikat mal-Istati Membri

L-Istati Membri jamministraw 80% tan-nefqa taħt il-baġit tal-UE u l-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib magħhom biex tiżgura li l-flus jintefqu b'mod effettiv u effiċjenti. Il-Kummissjoni qed taqsam prattiki tajbin, tipprovdi gwida u torganizza taħriġ għall-awtoritajiet nazzjonali li jonfqu l-fondi tal-UE fuq il-post. L-għan huwa li jiġi evitat li jseħħu l-iżbalji - billi l-Istati Membri jiskopru, jirrappurtaw u jikkoreġu kwalunkwe irregolarità kmieni, biex ma jirriskjawx li jitilfu l-fondi li kieku kienu jkunu intitolati għalihom.

L-irkupru tal-fondi tal-UE jekk jintefqu b'mod skorrett

Jekk il-flus tal-UE jkunu ntefqu b'mod skorrett, il-Kummissjoni tieħu miżuri biex tikkoreġi dan - fl-2016 il-Kummissjoni rkuprat €3.4 biljun. Fir-Rapport Annwali tal-2016 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni tagħha, il-Kummissjoni stmat li meta jitqies l-impatt tal-korrezzjonijiet u l-irkupri futuri, l-ammont attwalment f'riskju jkun inqas minn 2% tan-nefqa totali rilevanti.

Kuntest

Il-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tibda l-‘proċedura ta' kwittanza' annwali tal-baġit tal-UE. Biex tħejji t-triq għall-proċess, f'Lulju 2017 il-Kummissjoni adottat ir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE tal-2016. Dan ir-rapport jikkonferma li l-baġit tal-UE fl-2016 għen biex jinkisbu l-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea, ħoloq valur miżjud għaċ-ċittadini tal-UE u ntefaq f'konformità mar-regoli tal-UE.

Il-livell stmat ta' żball mhuwiex miżura ta' frodi, ineffiċjenza jew skart. Huwa sempliċiment stima tal-flus li diġà tħallsu mill-baġit tal-UE minkejja n-nuqqas ta' konformità ma' ċerti regoli.

Għal Aktar Informazzjoni:

-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni

-Dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE

-Rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni

- Rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fl-2016

IP/17/3490

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar