Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tappella għal sforzi mġedda fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' solidarjetà skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Brussell, it-2ta' marzu 2017

Fid-dawl tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa d-dieħla u fil-forma ta' tliet rapporti ta' progress, il-Kummissjoni llum qed tagħmel appell imġedded lill-Istati Membri biex iżidu l-pass ta' rilokazzjoni biex itaffu l-pressjoni fuq l-Italja u l-Greċja. Ftit biss minnhom wettqu l-impenji tagħhom b'mod sħiħ.

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tistieden lill-Istati Membri biex iwettqu l-impenn politiku qawwi mogħti u jimlew il-lakuni fil-persunal u t-tagħmir sal-aħħar ta' Marzu għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Billi, sena wara li saret, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija qiegħda tkompli żżomm il-qsim irregolari taħt kontroll, iżda għadhom qegħdin jaslu nies aktar milli qed jintbagħtu lura, il-Kummissjoni qiegħda wkoll titlob lill-Greċja u lill-Istati Membri kollha biex iżommu l-pass fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt biex titjieb is-sitwazzjoni fil-gżejjer.

L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans qal: “Biex intejbu l-ġestjoni tagħna tal-migrazzjoni jeħtieġ li nkomplu nimplimentaw l-approċċ komprensiv tagħna - mir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni sal-operazzjonalizzazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u permezz ta' tkomplija tal-kooperazzjoni mat-Turkija. Dawn il-miżuri kollha għandhom fil-qalba tagħhom il-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabilità - prinċipju li jorbot lil kull Stat Membru. Il-Kunsill Ewropew joffri opportunità biex issir analiżi tal-kisbiet tagħna sa issa u biex nistabbilixxu kif id-deċiżjonijiet u l-impenji komuni tagħna jistgħu jitwettqu mingħajr dewmien.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Ir-responsabbiltà ma tistax tinqasam b'mod ġust mingħajr solidarjetà. Il-miżuri kollha tagħna huma marbuta ma' xulxin, u l-Istati Membri ma jistgħux jagħżlu liema minnhom iwettqu u liema ma jwettqux. Bħalissa, il-prekundizzjonijiet operazzjonali kollha biex ir-rilokazzjoni tkun tista' tirnexxi huma preżenti fuq il-post fil-Greċja u l-Italja. Huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jieħdu azzjoni u jwettqu l-obbligi tagħhom li jiżguraw li dawk kollha eliġibbli jiġu rilokati fiż-żmien stabbilit. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom ikomplu jwettqu l-impenji tagħhom għar-risistemazzjoni mit-Turkija, u jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil fil-Greċja u jiżguraw il-kapaċità operattiva sħiħa tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.”

Ħtieġa għal spinta mġedda fir-rigward tar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni.

Minkejja li fi Frar ġie stabbilit rekord ġdid ta' kull xahar, b'madwar 1,940 rilokazzjoni, il-pass kurrenti tar-rilokazzjoni għadu ferm inqas milli mistenni u anqas mill-mira approvata mill-Kunsill Ewropew ta' mill-anqas 3,000 rilokazzjoni kull xahar mill-Greċja u l-mira stabbilita mill-Kummissjoni ta' mill-anqas 1,500 rilokazzjoni kull xahar mill-Italja. B'kollox sa issa twettqu 13,546 rilokazzjoni, 3,936 mill-Italja u 9,610 mill-Greċja. L-aktar importanti huwa li l-pass attwali mhux se jippermetti r-rilokazzjoni tal-applikanti eliġibbli kollha attwalment preżenti fil-Greċja u l-Italja sa Settembru 2017 - minkejja li dan huwa perfettament fattibbli. Sa issa, huma biss żewġ Stati Membri (Malta u l-Finlandja) li qegħdin fit-triq it-tajba biex jilħqu l-obbligi tagħhom kemm fir-rigward tal-Italja kif ukoll fir-rigward tal-Greċja, filwaqt li xi wħud minnhom (l-Ungerija, l-Awstrija u l-Polonja) għadhom qegħdin jirrifjutaw li jipparteċipaw fl-iskema u oħrajn qed jagħmlu dan fuq bażi limitata ħafna (ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, il-Kroazja u s-Slovakkja). L-Italja, il-Greċja, l-aġenziji tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali żiedu l-kapaċitajiet tagħhom u huma lesti biex jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri ta' kull xahar. Issa huwa l-kompitu tal-Istati Membri l-oħra biex iwettqu l-obbligi tagħhom bl-istess mod. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Presidenza Maltija u lill-Istati Membri biex jagħtu segwitu għas-sejħa tal-Kummissjoni fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ta' Marzu. Jekk l-Istati Membri ma jżidux ir-rilokazzjonijiet tagħhom dalwaqt, il-Kummissjoni mhux se toqgħod lura milli tuża s-setgħat tagħha skont it-Trattati għal dawk li ma jkunux wettqu l-obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill, filwaqt li tinnota li l-obbligu legali li jirrilokaw dawk eliġibbli mhuwiex se jispiċċa wara Settembru.

Min-naħa l-oħra, il-progress fir-rigward tar-risistemazzjoni qed ikompli jkun promettenti. L-Istati Membri pprovdew rotot sikuri u legali għal 14,422 persuna sa issa, aktar minn nofs it-22,504 miftiehma skont l-iskema ta' risistemazzjoni tal-UE. Dan jinkludi r-risistemazzjoni ta' 3,565 Sirjan skont id-Dikjarazzjoni UE-Turkija. L-Istati Membri mexjin 'il quddiem b'pass tajjeb dwar it-tħejjija ta' operazzjonijiet oħrajn ta' risistemazzjoni u indikaw li qed jippjanaw li jdaħħlu 34,000 Sirjan ieħor mit-Turkija, inkluż permezz tar-risistemazzjoni “Wieħed b'Wieħed” u l-iskemi nazzjonali. B'konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni rrieżaminat il-programmi ta' finanzjament għall-Istati Membri rilevanti sabiex tinkludi EUR 213 miljun f'appoġġ finanzjarju għar-risistemazzjoni. Minbarra dan, għandha ssir valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet biex tiskatta l-Iskema Volontarja ta' Ammissjoni Umanitarja għar-refuġjati Sirjani mit-Turkija humiex issodisfati, li jgħin biex tissaħħaħ ir-risistemazzjoni.

Riżultati kostanti fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija

Wara kważi sena, l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu għadha qed tagħti riżultati tanġibbli kostanti, minkejja ċ-ċirkostanzi ta' sfida. Il-qsim ta' kuljum mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi naqas minn 10,000 persuna f'ġurnata waħda f'Ottubru 2015 għal 43 kuljum bħalissa. B'kollox, il-wasliet naqsu bi 98 %. In-numru ta' ħajjiet mitlufa fil-Baħar Eġew sa minn meta d-Dikjarazzjoni daħlet fis-seħħ ukoll naqas sostanzjalment, minn 1,100 (matul l-istess perjodu fl-2015-2016) għal 70. L-operazzjonijiet ta' ritorn komplew jitwettqu b'total ta' 1,487 ritorn sa minn meta ġiet attivata d-Dikjarazzjoni. Madankollu, il-wasliet għadhom qed jissuperaw in-numru ta' ritorni mill-Greċja lejn it-Turkija u dan wassal għal pressjoni addizzjonali fuq il-gżejjer Griegi. Il-miżuri stipulati fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt maqbul bejn il-Greċja u l-Koordinatur tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, bħal li tiġi stabbilita sistema effiċjenti ta' segwiment tal-każijiet, l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet ġeografiċi u l-ħolqien ta' kapaċità suffiċjenti ta' riċeviment, għandhom jgħinu biex jitħaffef ir-ritorn. Il-Kummissjoni llum għall-ewwel darba ppubblikat rapport ta' progress punt b'punt dwar kull waħda mill-miżuri fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt.

Kompla l-progress dwar oqsma oħra tad-Dikjarazzjoni, u l-Kummissjoni kompliet taċċellera l-forniment tal-fondi skont il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija kif muri fl-ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità ppubblikat mill-Kummissjoni b'mod parallel illum. EUR 1.5 biljun miż-EUR 2.2 biljun għall-2016-2017 li diġà ġew allokati, ġew ikkuntrattati fi żmien rekord, li jirrappreżenta nofs il-baġit totali ta' EUR 3 biljun għall-2016-2017. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tissokta l-ħidma mat-Turkija biex tħeġġeġ progress fl-ilħuq tal-punti ta' riferiment pendenti tal-Pjan Direzzjonali għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża u l-Kunsill beda l-eżami tiegħu tad-direttiva tan-negozjati għat-titjib tal-Unjoni Doganali.

Progress biex l-Aġenzija l-ġdida għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ssir operazzjonali għal kollox.

Ħames xhur wara li tnediet il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, għadhom meħtieġa l-investiment u l-impenn konġunti biex jiġi żgurat li ssir operazzjonali għal kollox malajr kemm jista' jkun, bħala espressjoni prattika tal-impenn mill-Istati Membri sabiex jaqsmu r-responsabbiltà u juru solidarjetà.

L-Aġenzija bħalissa qed tappoġġa lill-Istati Membri b'madwar 1,350 gwardja tal-fruntiera f'sezzjonijiet differenti tal-fruntiera esterna tal-UE, u qed tikkumplimenta l-kapaċitajiet nazzjonali eżistenti tal-Istati Membri ta' madwar 100,000 gwardja tal-fruntiera. Madankollu, minkejja mobilizzazzjonijiet u kontribuzzjonijiet importanti mill-Istati Membri, hemm lakuni, f'termini kemm tar-riżorsi umani kif ukoll tat-tagħmir tekniku. B'mod partikolari, għadhom jeżistu lakuni konsiderevoli fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet materjali għall-kontinġent tat-Tagħmir tar-Reazzjoni Rapida, għal skjeramenti għal operazzjonijiet konġunti kurrenti u għat-tliet kontinġenti l-ġodda tal-osservaturi tar-ritorn sfurzat, tal-eskortaturi tar-ritorn sfurzat u tal-ispeċjalisti tar-ritorn. Dawn il-lakuni għandhom jimtlew mill-Istati Membri sa tmiem Marzu 2017 sabiex jiġi żgurat li l-Aġenzija tkun tista' tipprovdi l-appoġġ neċessarju lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni. Huwa wkoll meħtieġ li jitwettaq il-proċess tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà biex jgħin biex jitneħħew nuqqasijiet potenzjali fil-fruntieri esterni qabel ma jkun hemm kriżi ġdida, inkluż billi tingħata prijorità għall-vulnerabbiltajiet l-aktar urġenti.

Il-progress qed ikompli f'oqsma oħra, fejn ġie inizjalat abbozz ta' ftehim dwar il-kwartieri ġenerali mal-Polonja u servizz ġdid dwar is-Sistemi tal-Ajruplani Misjuqa Remotament għas-sorveljanza marittima li għandu jitnieda sa Ġunju 2017.

Għal Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Kummissjoni tappella għal sforzi mġedda fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' solidarjetà skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

SKEDA INFORMATTIVA: Il-Politika Ewropa dwar il-Migrazzjoni u l-Asil: Passi żgħar biex nagħmlu differenza kbira

SKEDA INFORMATTIVA: Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni - is-Sitwazzjoni Attwali

SKEDA INFORMATTIVA: Il-baġit tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati u għat-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni

 L-Għaxar Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

Komunikazzjoni: L-Għaxar Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

Anness 1: Rilokazzjonijiet mill-Greċja

Anness 2: Rilokazzjonijiet mill-Italja

Anness 3: Rilokazzjonijiet mill-Italja u l-Greċja

Anness 4: Is-Sitwazzjoni Attwali tar-Risistemazzjoni

SKEDA INFORMATTIVA: Ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni

SKEDA INFORMATTIVA: Il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: Appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Greċja

L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

 Il-Ħames Rapport ta' Progress dwar id-Dikjarazzjoni UE-Turkija

Komunikazzjoni: Il-Ħames Rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija

Il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt.

L-Ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija.

SKEDA INFORMATTIVA: Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija

Implimentazzjoni operazzjonali tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija: Il-wegħdiet u l-iskjeramenti għall-operazzjonijiet tal-Frontex u l-EASO - ritorni u risistemazzjonijiet

Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu

Il-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija tal-15 ta' Ottubru, attivat fid-29 ta' Novembru

Ħatra tal-Koordinatur tal-UE

 It-Tieni Rapport ta' Progress dwar l-operazzjonalizzazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

Komunikazzjoni: It-Tieni Rapport ta' Progress dwar l-operazzjonalizzazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

SKEDA INFORMATTIVA: Inħarsu l-Fruntieri Esterni tal-Ewropa: Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

IP/17/348

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar