Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Kemm huwa diġitali pajjiżek? L-Ewropa titjieb iżda għad għandha tnaqqsu d-distakk diġitali

Brussell, it-3ta' marzu 2017

L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) tal-2017 juri li l-UE qed tagħmel progress iżda għadha kbira wisq id-differenza bejn il-protagonisti diġitali ewlenin u l-pajjiżi bi prestazzjoni aktar baxxa. Huma meħtieġa aktar sforzi u investimenti biex isir l-aħjar użu mis-Suq Uniku Diġitali.

 

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-riżultati tal-2017 tal-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali (DESI), għodda li tippreżenta l-prestazzjoni tat-28 Stat Membru f'firxa wiesgħa ta' oqsma, mill-konnettività u l-ħiliet diġitali sad-diġitalizzazzjoni tan-negozji u s-servizzi pubbliċi.

Fi kliem Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali: “L-Ewropa qiegħda ssir dejjem aktar diġitali iżda ħafna pajjiżi għandhom bżonn iżidu l-isforzi tagħhom. L-Istati Membri kollha għandhom jinvestu aktar biex jibbenefikaw bis-sħiħ mis-Suq Uniku Diġitali. Ma rridux Ewropa diġitali b'żewġ veloċitajiet. Irrid naħdmu flimkien biex l-UE tkun minn ta' quddiem fid-dinja diġitali."

L-UE kumplessivament mxiet 'il quddiem fil-qasam u tejbet il-prestazzjoni diġitali tagħha bi 3 punti perċentwali meta mqabbel mas-sena li għaddiet[1],, iżda l-progress jista' jkun aktar rapidu u l-istampa tvarja minn Stat Membru għall-ieħor (il-firda diġitali – bejn il-pajjiżi l-aktar u l-inqas diġitali – hija ta' 37 punt perċentwali, mqabbel ma' 36 punt perċentwali fl-2014). Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżvezja u l-Olanda qegħdin l-ewwel fid-DESI ta' din is-sena segwiti mil-Lussemburgu, ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Estonja u l-Awstrija. It-tliet atturi diġitali ewlenin tal-UE qegħdin ukoll fuq quddiem fid-dinja, qabel il-Korea t' Isfel, il-Ġappun u l-Istati Uniti. Is-Slovakkja u s-Slovenja huma l-pajjiżi tal-UE li l-aktar li għamlu progress. Minkejja xi titjib, bosta Stati Membri inkluż il-Polonja, il-Kroazja, l-Italja, il-Greċja il-Bulgarija u r-Rumanija għadhom lura fl-iżvilupp diġitali meta mqabbla mal-medja tal-UE. Il-profili individwali tal-pajjiżi qegħdin online.

 

 DESI

  

Issa l-Kummissjoni ppreżentat l-inizjattivi ewlenin kollha bħala parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tagħha. Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri mħeġġa jadottaw dawn il-proposti malajr kemm jista' jkun, ħalli l-Ewropa tkun tista' tagħmel l-aħjar użu mill-opportunitajiet diġitali.

Filwaqt li tqis ir-riżultati tad-DESI, f'Mejju, il-Kummissjoni se tiżvela l-analiżi ta' nofs it-terminu tagħha tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali biex tidentifika fejn jistgħu jkunu meħtieġa iktar sforzi jew proposti leġiżlattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġejjieni.

L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) juri:

Konnettività mtejba, iżda xorta mhux biżżejjed biex tindirizza l-ħtiġijiet tal-ġejjieni.

  • B'mod ġenerali, 76% tad-djar Ewropej għandhom aċċess għal broadband b'veloċità għolja (b'mill-inqas 30 Mbps) u f'xi Stati Membri, proporzjon sinifikanti ta' dawn l-unitajiet domestiċi diġà jistgħu jaqbdu ma' netwerks li kapaċi jipprovdu 100 Mbps jew aktar. Iktar minn 25% tal-unitajiet domestiċi abbonaw għall-broadband veloċi.
  • Qed jiżdiedu l-abbonamenti għad-dejta mobbli: minn 58 abbonat għal kull 100 persuna fl-2013 għal 84 fl-2016.
  • Is-servizzi mobbli 4G jkopru 84% tal-popolazzjoni tal-UE.

Iżda dan mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-veloċità, il-kwalità u l-affidabilità tal-konnessjonijiet fil-ġejjieni. It-traffiku tal-internet qed jikber b'20 % fis-sena; u b'aktar minn 40% kull sena fuq in-netwerks mobbli. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħalissa qed jiddiskutu l-proposti tal-Kummissjoni għal reviżjoni sħiħa tar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni tal-UE u t-tħeġġiġ tal-investiment f'netwerks b'kapaċità kbira ħafna li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konnettività dejjem akbar taċ-ċittadini Ewropej, flimkien ma' objettivi strateġiċi għal hekk imsejħa soċjetà gigabit tal-2025. L-Istati Membri għandhom ukoll iżidu l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettivi f'dak li huwa l-assenjament armonizzat tal-ispettru, li issa jinkludi il-faxxa 700 Mhz, b'tali mod li l-ġenerazzjoni li jmiss tan-netwerks tal-komunikazzjoni (5G) tkun tista' tintuża estensivament mill-2020 'il hinn. Il-koordinazzjoni tal-ispettru fl-Unjoni Ewropea hija vitali biex jiġu żgurati l-kopertura bla wajers u servizzi ġodda transkonfinali. Barra minn hekk, il-muniċipalitajiet fl-Ewropa kollha se jkunu jistgħu japplikaw għal finanzjament biex idaħħlu l-Wi-Fi bla ħlas fl-ispazji pubbliċi tagħhom skont l-iskema WiFi4EU tal-Kummissjoni.

L-UE għandha aktar speċjalistii diġitali minn qatt qabel, iżda xorta għad hemm in-nuqqasijiet fil-ħiliet.

  • L-UE għandha aktar gradwati fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika minn qabel (19-il gradwat għal kull 100 ruh fl-għoxrinijiet tagħhom).
  • Hemm aktar speċjalisti tal-ICT fil-forza tax-xogħol (3.5% fl-2015 meta mqabbel ma' 3.2% fl-2012).
  • Kważi nofs l-Ewropej (44%) għad għandhom nuqqas ta' ħiliet diġitali bażiċi bħal li tuża mailbox u għodod biex teditja jew inkella kif tinstalla programmi ġodda.

Il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, li tnediet f'Diċembru 2016 bħala parti mill-Aġenda tal-Ħiliet għall-Ewropa qed taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tiġi żviluppata riżerva kbira ta' talent diġitali u tiżgura li l-individwi u l-forza tax-xogħol fl-Ewropa jkunu mgħammra b'ħiliet diġitali adegwati. 

L-Ewropej qed isiru dejjem aktar diġitali.

  • 79% tal-Ewropej jużaw l-internet mill-inqas darba fil-ġimgħa,'il fuq b' 3 punti perċentwali bi tqabbil mal-2016:.

O 78% tal-utenti tal-internet jużaw l-internet biex jilagħbu jew iniżżlu mużika, films, stampi jew logħob.

o 70% tal-utenti Ewropej tal-internet jaqraw l-aħbarijiet online (64 % fl-2013).

o 63% jużaw in-netwerks soċjali (57% fl-2013).

o 66% jixtru online (61% fl-2013).

o 59 % jużaw l-online banking (56 % fl-2013).

o 39 % jużaw l-internet biex iċemplu (33 % fl-2013).

Bħala parti mill-Istrateġija tagħha għal Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni qed taħdem biex tikber il-fiduċja fid-dinja online. Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta se jidħlu fis-seħħ f'Mejju 2018, flimkien ma' regoli ġodda dwar il-privatezza fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex twessa' l-kontenut disponibbli fuq l-internet bejn il-fruntieri. U, sa minn kmieni fl-2018, l-Ewropej se jkunu jistgħu jgawdu l-abbonamenti tagħhom tal-films, il-mużika, il-kotba elettroniċi u l-logħob tal-kompjuter meta jivvjaġġaw fl-UE. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li jsir aktar faċli għax-xandara li l-programmi jagħmluhom disponibbli online fi Stati Membri oħra tal-UE.

In-negozji qed isiru aktar diġitali u l-kummerċ elettroniku qed jikber iżda bil-mod.

  • B'mod ġenerali, in-negozji Ewropej qegħdin dejjem aktar jadottaw it-teknoloġiji diġitali, bħal pereżempju billi jużaw software għan-negozju għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni elettronika (minn 26% fl-2013 għal 36% tan-negozji fl-2015) jew jibagħtu fatturi elettroniċi (minn 10% fl-2013 għal 18% fl-2016).
  • Il-kummerċ elettroniku mill-SMEs wkoll żdied ftit (minn 14% fl-2013 għal 17% tal-SMEs fl-2016). Madankollu, inqas minn nofs dawn il-kumpaniji jbigħu lil Stat Membru ieħor.

Fl-2016, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda li jagħtu spinta lill-kummerċ elettroniku billi jindirizzaw l-imblukkar ġeografiku, iraħħsu l-kunsinni transkonfinali tal-pakketti u jagħmluhom aktar effiċjenti u jippromwovu l-fiduċja tal-konsumaturi permezz ta' protezzjoni u infurzar aħjar. Ipproponiet ukoll li tissimplifika l-ambjent tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (il-VAT) għall-kummerċ elettroniku tan-negozji fl-UE. Dawn l-inizjattivi, ladarba jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri, se jagħmluha eħfef għaċ-ċittadini u l-kumpaniji li jixtru u jbigħu minn naħa ta' fruntiera għal oħra.

L-Ewropej qed jużaw aktar servizzi pubbliċi online.

  • 34% tal-utenti tal-internet bagħtu lura formoli mimlijin lill-amministrazzjoni pubblika fuq l-internet minflok b'kopja stampata ('il fuq minn 27% fl-2013).

Aktar servizzi huma disponibbli online u dawn huma wkoll aktar sofistikati, pereżempju servizzi li jippermettu lill-persuni jużaw l-internet biex jinformaw l-awtoritajiet dwar residenza ġdida, dwar it-twelid ta' uliedhom u dwar avvenimenti importanti oħra. Bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern Elettroniku, il-Kummissjoni se tniedi Portal Diġitali Uniku li jipprovdi aċċess online faċli għal informazzjoni dwar is-Suq Uniku, inizjattiva biex ikomplu jiġu ddiġitalizzati l-liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva, kif ukoll Qafas ta' Interoperabilità Ewropea aġġornat

Sfond

L-Indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali (DESI) huwa għodda online li tkejjel il-progress li jagħmlu l-Istati Membri tal-UE fi triqithom lejn ekonomija u soċjetà diġitali. Għaldaqstant, tħaddan ġabra ta' indikaturi relevanti dwar il-firxa ta' politiki li hemm bħalissa fl-Ewropa fil-qasam diġitali. Id-DESI għandu l-għan li jgħin lill-pajjiżi tal-UE jidentifikaw oqsma li jeħtieġu investimenti u azzjoni ta' prijorità, sabiex jinħoloq Suq Uniku Diġitali, li huwa waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni.

Filwaqt li jibni fuq ir-riżultati tad-DESI, ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Progress Diġitali, f'Mejju 2017, se jagħti valutazzjoni fil-fond ta' kif l-UE u l-Istati Membri qed jimxu 'l quddiem fl-iżvilupp diġitali tagħhom u se jirrakkomanda l-passi potenzjali li jgħinu jtejbu l-prestazzjoni diġitali nazzjonali.

Għal aktar tagħrif

Id-Diskors li bih il-Viċi President tal-Kummissjoni Andrus ippreżenta d-DESI

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Profili tal-pajjiżi

Skeda informattiva dwar is-Suq Uniku diġitali

L-avvanz lejn il-futur tal-Ewropa — Titoli Diġitali

Digital Day f”Ruma fit-23 ta' Marzu 2017

#DESIEU

 

 

[1] Id-DESI 2016 ġie kkalkulat mill-ġdid għall-pajjiżi kollha biex jirrifletti xi tijib fil-metodoloġija. Minħabba f'hekk, il-punteġġi tal-pajjiż u l-klassifikazzjonijiet tagħhom jista' jkun li nbidlu mill-pubblikazzjoni preċedenti. Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok ikkonsulta l-Q&Au n-nota metodoloġika tad-DESI.

IP/17/347

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar