Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi riforma estensiva fis-sistema tal-VAT tal-UE

Brussell, I-4ta' ottubru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi riforma estensiva fis-sistema tal-VAT tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet pjanijiet għall-akbar riforma fir-regoli tal-VAT tal-UE fl-aħħar 25 sena. Din l-ispinta ttejjeb u timmodernizza s-sistema kemm għall-gvernijiet kif ukoll għan-negozji. Kollox ma' kollox, ta' kull sena jintilfu aktar minn EUR150 biljun f'VAT, u dan ifisser li l-Istati Membri jitilfu dħul li jista' jintuża għall-iskejjel, għat-toroq u għall-kura tas-saħħa. Minn dan l-ammont, madwar EUR 50 biljun - jew EUR 100 għal kull ċittadin tal-UE fis-sena - huwa stmat li jintilfu minħabba frodi tal-VAT transfruntiera. Dawn il-flus jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw l-organizzazzjonijiet kriminali, inkluż it-terroriżmu. Huwa stmat li permezz tar-riforma proposta din is-somma titnaqqas bi 80 %.

Il-proposta għal riforma tal-VAT tagħmel ukoll is-sistema aktar b'saħħitha u aktar sempliċi sabiex tintuża mill-kumpaniji. Il-Kummissjoni trid sistema tal-VAT li tgħin lill-kumpaniji Ewropej biex igawdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku u biex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq globali. In-negozji li għandhom kummerċ transfruntier bħalissa jbatu minn spejjeż ogħla bi 11 % apparagun ta' dawk li jagħmlu kummerċ domestiku biss. Is-simplifikazzjoni u l-immodernizzar tal-VAT għandhom inaqqsu dawn l-ispejjeż bejn wieħed u ieħor b'biljun ewro.

Sistema definittiva tal-VAT li taħdem favur is-Suq Uniku ilha għal żmien twil l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT tal-2016 spjega fid-dettall il-ħtieġa li naslu għal żona Ewropea tal-VAT waħda li hija aktar sempliċi u aktar reżistenti għall-frodi.

Il-Viċi President Valdis Dombrovskis, responsabbli għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali qal: “Illum, qed nipproponu li nġeddu s-sistema tal-VAT ta' bħalissa, li kienet stabbilita kwart ta' seklu ilu fuq bażi temporanja. Neħtieġu sistema definittiva li tippermettilna nittrattaw b'mod aktar effiċjenti l-frodi tal-VAT transfruntiera. Fil-livell ta' Unjoni Ewropea, din il-frodi tikkaġuna telf annwali mid-dħul mit-taxxa ta' madwar EUR 50 biljun.”

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “Ħamsa u Għoxrin sena wara l-ħolqien tas-Suq Uniku, il-kumpaniji u l-konsumaturi għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' 28 sistema differenti tal-VAT meta joperaw bejn il-fruntieri. Il-kriminali u possibilment it-terroristi ilhom għal wisq żmien jisfruttaw dawn il-lakuni, u organizzaw frodi li tiswa EUR 50 biljun fis-sena. Din is-sistema anakronistika bbażata fuq il-fruntieri nazzjonali trid tispiċċa! Sal-2022, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw it-tranżazzjonijiet transfruntiera tal-VAT bħala operazzjonijiet domestiċi fis-suq intern tagħna. Il-proposta tal-lum hija mistennija li tnaqqas il-frodi tal-VAT transfruntiera b'madwar 80 %. Fl-istess ħin, lill-kumpaniji tal-UE li l-kummerċ tagħhom huwa bejn il-fruntieri, se tagħmlilhom ħajjithom aktar faċli għax tnaqqsilhom il-burokrazija u tissimplifikalhom il-proċeduri relatati mal-VAT. Fil-qosor: aħbar tajba għan-negozji, għall-konsumaturi u għall-baġits nazzjonali, aħbar ħażina għal dawk li jwettqu l-frodi.”

Bil-pakkett attwali, il-Kummissjoni tipproponi li tbiddel fundamentalment is-sistema attwali tal-VAT billi jiġi ntaxxat il-bejgħ ta' prodotti minn pajjiż tal-UE għal ieħor bl-istess mod li l-prodotti jinbiegħu fi Stati Membri individwali. Dan se joħloq sistema tal-VAT ġdida definittiva għall-UE.

Aħna se nfittxu qbil fuq erba' prinċipji fundamentali, jew “pilastri”, għal żona unika ġdida definittiva tal-VAT għall-UE:

  • Il-ġlieda kontra l-frodi: Il-VAT issa se tibda tintalab fuq il-kummerċ transfruntier ta' bejn in-negozji. Attwalment, dan it-tip ta' kummerċ huwa eżentat mill-VAT, u dan jipprovdi mod faċli għall-kumpaniji bla skrupli biex jiġbru l-VAT u wara jgħibu mingħajr ma jroddu l-flus lill-gvern.
  • Punt uniku ta' servizz: Se jkun eħfef għall-kumpaniji li jbigħu minn fruntiera għall-oħra biex jissodisfaw l-obbligi tal-VAT tagħhom bis-saħħa ta' “Punt uniku ta' servizz”. L-operaturi tas-suq se jkunu jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet u pagamenti permezz ta' portal uniku online bil-lingwa tagħhom stess u skont l-istess regoli u mudelli amministrattivi bħal dawk ta' pajjiżhom. L-Istati Membri mbagħad iħallsu l-VAT lil xulxin direttament, kif diġà jiġri għall-bejgħ kollu bis-servizzi elettroniċi.
  • Konsistenza akbar: Isir pass lejn il-prinċipju tad-“destinazzjoni”, fejn l-ammont finali tal-VAT jitħallas dejjem lill-Istat Membru tal-konsumatur aħħari, u jitħallas bir-rata ta' dak l-Istat Membru. Dan kien impenn fit-tul tal-Kummissjoni Ewropea, li kien appoġġat mill-Istati Membri. Huwa diġà fis-seħħ għal bejgħ permezz tas-servizzi elettroniċi.
  • Inqas burokrazija: Is-simplifikazzjoni ta' regoli dwar il-fatturar, li jippermetti lill-bejjiegħa sabiex iħejju fatturi skont ir-regoli ta' pajjiżhom stess, anki meta jkun hemm kummerċ bejn il-fruntieri. Il-kumpaniji mhux se jkollhom jippreparaw lista ta' tranżazzjonijiet transfruntieri għall-awtorità tat-taxxa tagħhom (l-hekk imsejħa d-“dikjarazzjoni rikapitolattiva”).

Il-proposta tal-lum tintroduċi wkoll il-kunċett ta' Persuna Ċertifikata Taxxabbli - kategorija ta' negozju fdat li se jibbenefika minn regoli wisq aktar sempliċi u li jiffrankaw il-ħin. Ġew proposti wkoll erba' “soluzzjonijiet faċli”, li għandhom jidħlu fis-seħħ sal-2019. Dawn il-miżuri fuq perjodu qasir kienu espliċitament mitluba mill-Istati Membri sabiex jitjieb il-funzjonament ta' kuljum tas-sistema attwali tal-VAT, sakemm ikun hemm qbil dwar sistema definittiva u tiġi implimentata.

Il-passi li jmiss

Din il-proposta leġiżlattiva se tintbagħat lill-Istati Membri fil-Kunsill għal qbil, u lill-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni. Fl-2018 il-Kummissjoni se ssegwi din l-inizjattiva bi proposta legali ddettaljata sabiex tiġi emendata l-hekk imsejħa “Direttiva tal-VAT” fil-livell tekniku, sabiex is-sistema definittiva tal-VAT proposta llum tista' tiġi implimentata mingħajr xkiel.

Kuntest

Is-sistema tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) komuni għandha rwol importanti fis-Suq Uniku tal-Ewropa. L-ewwel Direttiva dwar il-VAT tmur lura għall-1967. Fil-bidu kienet iddaħħlet fis-seħħ biex jitneħħew it-taxxi fuq id-dħul minn negozji li kienu jfixklu l-kompetizzjoni u kienu jostakolaw il-moviment ħieles tal-merkanzija, kif ukoll sabiex jitneħħew il-kontrolli fiskali u l-formalitajiet mal-fruntieri interni. Il-VAT hija sors ewlieni u li qed jikber ta' dħul fl-UE, li ġġenerat 'il fuq minn EUR 1 triljun fl-2015, ekwivalenti għal 7% tal-PDG tal-UE. Waħda mir-riżorsi proprji tal-UE hija wkoll ibbażata fuq il-VAT. Bħala taxxa fuq il-konsum, hija waħda mill-aktar forom ta' tassazzjoni li taġevola t-tkabbir.

Minkejja bosta riformi, is-sistema tal-VAT ma rnexxilhiex żżomm il-pass mal-isfidi tal-ekonomija globali, diġitali u mobbli tal-lum. Is-sistema attwali tal-VAT ilha mill-1993 u kienet maħsuba bħala sistema tranżitorja. Hija frammentata u wisq kumplessa għal għadd dejjem jikber ta' negozji li joperaw bejn il-fruntieri, u tħalli l-bieb miftuħ għall-frodi: tranżazzjonijiet domestiċi u transfruntieri jiġu trattati b'mod differenti u l-merkanzija jew is-servizzi jistgħu jinxtraw bla VAT fis-Suq Uniku.

Il-Kummissjoni għamlet pressjoni b'mod konsistenti għal riforma fis-sistema tal-VAT. Għall-kumpaniji li jagħmlu l-kummerċ fl-UE, il-fruntieri għadhom fatt tal-ħajja ta' kuljum f'dak li għandu x'jaqsam mal-VAT. Ir-regoli attwali tal-VAT huma wieħed mill-aħħar oqsma tal-liġi tal-UE li ma jikkonformawx mal-prinċipji li s-Suq Uniku jissejjes fuqhom.

Għal aktar tagħrif

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar ir-riforma tal-VAT

Link għall-Komunikazzjoni

Pjan ta' Azzjoni tal-2016 dwar il-VAT

Studju tal-2017 dwar id-Diskrepanza tal-VAT

Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku (Diċembru 2016)

Valutazzjoni tal-Impatt

IP/17/3443

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Videos