Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istati Membri se jgawdu minn investimenti ta' aktar minn €222 miljun favur l-ambjent, in-natura u l-azzjoni klimatika

Brussell, it-28ta' settembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea approvat pakkett ta' investiment ta' €222 miljun mill-baġit tal-UE biex jappoġġa t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn futur aktar sostenibbli u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, fil-qafas tal-programm LIFE għall-Ambjent u għall-Azzjoni Klimatika.

Il-finanzjament tal-UE se jimmobilizza investimenti addizzjonali li se jwasslu għal total ta' €379 miljun investiti f'139 proġett ġdid f'20 Stat Membru.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, stqarr: "Wara 25 sena, il-programm LIFE għadu jinvesti fi proġetti innovattivi b'valur miżjud għoli għan-nies, għan-negozji u għan-natura. Qed nifraħ ħafna nara kif il-programm qed jibdel teknoloġiji qrib is-suq f'negozji ekoloġiċi ġodda.”

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete, żied jgħid: “Il-Ftehim storiku ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima kompla jżid ir-riħ fil-qlugħ ta' investimenti f'soluzzjonijiet intelliġenti favur il-klima, li diġà kienu għaddejjin ġmielhom. Bis-saħħa ta' dawn il-proġetti, nużaw finanzi pubbliċi limitati b'tali mod li ħaġa tħaffef lill-oħra: niksbu finanzi privati għall-protezzjoni tal-ambjent, niġġieldu t-tibdil fil-klima, u nipprovdu enerġija iktar nadifa għaċ-ċittadini tagħna. Dawn it-tipi ta' investimenti huma kruċjali jekk irridu ngħaddu mill-ambizzjoni għall-azzjoni.”

Niffinanzjaw ġejjieni ċirkolari u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju

€181.9 miljun se jmorru għal proġetti fil-qasam tal-ambjent u l-effiċjenza fir-riżorsi, in-natura u l-bijodiversità, u l-governanza ambjentali u l-informazzjoni.

Dawn il-proġetti, li huma konformi mal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, se jgħinu lill-Istati Membri fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija aktar ċirkolari. Fost il-proġetti nsibu, pereżempju: l-ittestjar ta' prototip Taljan li jkun jista' jikkonverti, b'mod kosteffettiv, il-karozzi bil-petrol f'vetturi ibridi; il-ħolqien ta' bijoprodotti mill-ħama tal-ilma mormi fin-Netherlands; u l-użu ta' trattament bijoloġiku ġdid biex ineħħi l-pestiċidi u n-nitrati mill-ilma fin-Nofsinhar ta' Spanja. Proġetti oħra se jirfdu l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għan-Natura, b'mod partikulari l-ġestjoni tas-siti Natura 2000. Mira oħra hija l-protezzjoni tal-ispeċijiet, bħal pereżempju l-proġett Sloven transfruntiera biex jgħin fis-sopravivenza ta' speċi ta' linċi Alpina li tinsab f'periklu kbir ta' estinzjoni.

Fil-qasam tal-azzjoni klimatika, l-UE se tinvesti €40.2 miljun biex tappoġġa proġetti ta' adattament u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll ta' governanza u informazzjoni. Il-proġetti magħżula jappoġġjaw il-mira tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'tal-inqas 40% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-finanzjament tal-LIFE se jgħin ukoll biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ta' waħda mill-iktar passaġġi tal-ilma ffrekwentati fl-Ewropa, l-Estwarju tax-Scheldt fil-Belġju; biex jiġu żviluppati għodod li jbassru t-tempesti tat-trab tad-deżert; u biex jiġi miġġieled l-effett gżira ta' sħana fil-bliet.

  • 59 proġett ta' LIFE Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi se jimmobilizzaw €134.6 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi €73.0 miljun. Dawn il-proġetti jkopru azzjonijiet f'ħames oqsma tematiċi: l-arja, l-ambjent u s-saħħa, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-iskart, u l-ilma. Il-15-il proġett tal-effiċjenza fir-riżorsi waħedhom se jimmobilizzaw €37.9 miljun biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija aktar ċirkolari.
  • 39 proġett ta' LIFE Natura u Bijodiversità jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għan-Natura, tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, u tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020. Dawn għandhom baġit totali ta' €135.5 miljun, li minnhom l-UE se tikkontribwixxi €90.9 miljun.
  • 14-il proġett ta' LIFE Governanza Ambjentali u Informazzjoni se jżidu l-għarfien dwar kwistjonijiet ambjentali. Dawn għandhom baġit totali ta' €30.2 miljun, li minnhom l-UE se tikkontribwixxi €18 miljun.
  • 12-il proġett ta' LIFE Adattament għat-Tibdil fil-Klima se jimmobilizzaw €42.6 miljun, li minnhom l-UE se tipprovdi €20.6 miljun. Dawn l-għotjiet għal azzjoni jingħataw lil proġetti f'sitt oqsma tematiċi: l-adattament abbażi tal-ekosistema, is-saħħa u l-benessri, l-adattament ta' żoni ta' muntanja jew gżejjer li jiffoka fuq is-settur agrikolu, l-adattament jew l-ippjanar urban, il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà jew l-istrateġiji ta' adattament, u l-ilma (inklużi l-ġestjoni tal-ikel, iż-żoni kostali u d-deżertifikazzjoni).
  • 9 proġetti ta' LIFE Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima għandhom baġit totali ta' €27.5 miljun, li minnhom l-UE se tikkontribwixxi €13.6 miljun. Dawn l-għotjiet għal azzjoni jingħataw lil proġetti tal-aħjar prattika, proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni, fi tliet oqsma tematiċi: l-industrija, il-kontabbiltà u r-rappurtar tal-gassijiet serra, u l-użu tal-art / il-forestrija / l-agrikultura.
  • 6 proġetti ta' LIFE Governanza Klimatika u Informazzjoni se jtejbu l-governanza u jqajmu l-għarfien dwar it-tibdil fil-klima. Dawn għandhom baġit totali ta' €10.4 miljun, li minnhom l-UE se tikkontribwixxi €6 miljun.

Id-deskrizzjonijiet tal-proġetti u aktar tagħrif jinsabu fl-Anness ta' din l-istqarrija għall-istampa.

Kuntest

Il-Programm LIFE huwa l-istrument ta' finanzjament tal-UE għall-ambjent u għall-azzjoni klimatika. Ilu għaddej mill-1992, u kkofinanzja aktar minn 4 500 proġett fl-UE u f'pajjiżi terzi, billi mmobilizza 'l fuq minn €9 biljun u pprovda aktar minn €4 biljun għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima. Fi kwalunkwe mument,

1 100 proġett jinsabu għaddejjin f'daqqa. Il-baġit għall-Programm LIFE għall-2014-2020 huwa stabbilit li jkun ta' €3.4 biljun fi prezzijiet attwali, u l-programm fih sottoprogramm għall-ambjent u sottoprogramm għall-azzjoni klimatika.

Aktar tagħrif dwar LIFE

Anness

Il-Programm LIFE

Biex tikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, idħol f'din li-paġna.

IP/17/3429

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar