Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni: Nippreservaw u nsaħħu lil Schengen biex intejbu s-sigurtà u nħarsu l-libertajiet tal-Ewropa

Brussell, is-27ta' settembru 2017

.

1

Kif imħabbar mill-President fl-ittra ta' intenzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru, illum il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi miżuri biex tippreserva u ssaħħaħ iż-żona Schengen. Il-Kummissjoni qed tipproponi li taġġorna l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex ir-regoli dwar il-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni jiġu adattati għall-ħtiġijiet preżenti, biex jirrispondu għal theddidiet serji għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna li qed jevolvu u li qed jippersistu. Qed jiġu wkoll introdotti salvagwardji proċedurali iktar b'saħħithom biex jiżguraw li l-kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni jibqgħu l-eċċezzjoni – miżura tal-aħħar għażla – u li jintużaw biss jekk ikunu meħtieġa u proporzjonati, biex b'hekk l-impatt fuq il-moviment liberu jkun limitat. Il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll Komunikazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu biex jirrispondu għall-isfidi għas-sigurtà fil-fruntieri esterni u fiż-żona Schengen, u Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar kif japplikaw aħjar, jekk meħtieġ, ir-regoli preżenti dwar il-kontrolli temporanji fil-fruntieri.

L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans qal: “Ir-regoli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni ġew imfassla fi żmien differenti, fejn kien hemm sfidi differenti. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li għandna quddiemna llum, bħat-theddida terroristika ikbar, qed iwassluna biex nipproponu Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen iktar adattat għaċ-ċirkostanzi tal-lum. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaġixxu f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta jħabbtu wiċċhom ma' theddid serju għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna tagħhom. Fl-istess waqt, għandhom jaġixxu biss skont kundizzjonijiet stretti. B'hekk nagħmlu l-moviment liberu iktar sigur, u s-sigurtà fiż-żona Schengen 'il quddiem.”

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Schengen hija waħda mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea u aħna totalment impenjati li nissalvagwardjawha, nippreservawha, u nsaħħuha. In-nuqqas ta' kontrolli fil-fruntieri interni huwa proprju l-essenza ta' Schengen. Iżda f'żona komuni mingħajr kontrolli fil-fruntieri, it-tħassib dwar is-sigurtà huwa wkoll komuni. Huwa għalhekk li rridu nagħmlu minn kollox biex nippreserva il-bilanċ delikat bejn il-moviment liberu u l-mobbiltà minn banda, u s-sigurtà mill-banda l-oħra. Dan nistgħu niksbuh biss permezz ta' qafas ta' Schengen ikkoordinat u unit, li għandu jinkludi wkoll lir-Rumanija u lill-Bulgarija.

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King qal: “L-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu jistgħu jieħdu passi biex isaħħu s-sigurtà tagħhom – f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, u f'qafas li jirrispetta l-importanza kbira u l-benefiċċji taż-żona Schengen.”

Tul l-aħħar snin, il-Kummissjoni għamlet bosta passi biex iżżid is-sigurtà fiż-żona Schengen u biex issaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha. Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ġie emendat bosta drabi biex jiġi żgurat li jibqa' tajjeb għal dak li huwa intiż jagħmel. L-Istati Membri użaw ir-regoli ta' Schengen biex idaħħlu kontrolli temporanji fil-limiti ta' żmien previsti u skont il-kundizzjonijiet, b'rispett u salvagwardja tat-tħaddim ġenerali tas-sistema ta' Schengen. L-għodod li hemm bħalissa qdew lill-Ewropa tajjeb s'issa, iżda issa li għandna quddiemna sfidi ġodda għas-sigurtà, hemm bżonn li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jiġi aġġornat biex il-limiti ta' żmien għall-kontrolli interni jittawlu, flimkien ma' salvagwardji iktar b'saħħithom. Il-proposti tal-Kummissjoni tal-lum se jaġġornaw ir-regoli, filwaqt li jiżguraw li jintużaw b'mod iktar effettiv u biss f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħala miżura tal-aħħar għażla, fejn ikun meħtieġ u proporzjonat. Ir-regoli msaħħin jagħmlu iktar strett id-dmir ta' kooperazzjoni mal-Istati Membri ġirien b'mod partikolari, biex l-impatt fuq il-moviment liberu jiġi mnaqqas kemm jista' jkun. 

Barra minn hekk, biex tittejjeb l-applikazzjoni konġunta tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u r-regoli usa' ta' Schengen, u hi ttenni l-appell li għamel il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jieħu d-deċiżjoni biex il-Bulgarija u r-Rumanija jiġu totalment integrati fiż-żona Schengen, waqt li l-Kroazja ssir membru sħiħ ladarba l-kriterji kollha jiġu ssodisfati.

Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen imtejjeb biex jaffaċċja t-theddidiet preżenti

Filwaqt li r-regoli attwali dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni kienu biżżejjed fil-maġġoranza l-kbira tal-każi, jista' jkun li t-termini ta' żmien preskritti fil-leġiżlazzjoni ma jkunux dejjem biżżejjed meta l-Istati Membri jħabbtu wiċċhom ma' theddid serju għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna. Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi li taġġusta l-limiti ta' żmien applikabbli skont l-Artikoli 25 u 27 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen sa massimu ta' sena (minflok sitt xhur), filwaqt li fl-istess ħin tintroduċi salvagwardji proċedurali iktar stretti, b'mod partikolari l-obbligu għall-Istati Membri li jivvalutaw jekk miżuri alternattivi jistgħux jindirizzaw it-theddida identifikata b'mod iktar effiċjenti u l-preżentazzjoni ta' valutazzjoni tar-riskju dettaljata.

Skont il-proposti tal-lum, l-Istati Membri se jkunu jistgħu ukoll, bħala eċċezzjoni, jipprolongaw il-kontrolli jekk l-istess theddida tibqa' għaddejja għal iktar minn sena u meta miżuri nazzjonali kommensurati fit-territorju, bħal stat ta' emerġenza, ukoll ikunu ttieħdu biex jindirizzaw tali theddida. Tali prolongament tkun teħtieġ Rakkomandazzjoni mill-Kunsill, li trid tkun tqis l-opinjoni tal-Kummissjoni, u tkun strettament limitata għal perjodi ta' sitt xhur bil-possibbiltà li jkun hemm prolongament mhux iktar minn tliet darbiet sa perjodu massimu ta' sentejn.

Sakemm jiġu adottati dawn l-emendi leġiżlattivi, illum il-Kummissjoni qed toħroġ gwida lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni aħjar tar-regoli ta' Schengen eżistenti, fil-forma ta' Rakkomandazzjoni. L-Istati Membri huma mfakkra li l-introduzzjoni ta' kontrolli temporanji fil-fruntieri interni jridu jibqgħu miżura eċċezzjonali li jirrikorru għaliha biss bħala l-aħħar għażla, l-impatt fuq il-moviment liberu għandu jiġi llimitat, u għandha tingħata prijorità lill-miżuri alternattivi, bħall-verifiki mill-pulizija u l-kooperazzjoni transfruntiera. L-Istati Membri jridu jevalwaw regolarment kull kontroll temporanju, jinfurmaw u jikkooperaw ma' Stati Membri oħrajn, u jżommu lura milli jieħdu miżuri bla ġustifikazzjoni.

Fl-aħħar, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaffaċċaw it-theddid b'mod unit, flimkien f'żona Schengen iktar b'saħħitha, wasal il-waqt li l-Bulgarija u r-Rumanija jsiru membri sħaħ ta' Schengen. Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjoni li japprova l-adeżjoni tagħhom għal Schengen u li jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni bejn dawn iż-żewġ Stati Membri u l-ġirien tagħhom fl-UE. Il-Bulgarija u r-Rumanija wrew il-kapaċità tagħhom li jiddefendu l-fruntieri esterni tal-UE, u għaldaqstant imisshom isiru membri taż-żona ħielsa mill-fruntieri interni tagħna.

Sfond

Iż-żona Schengen hija l-ikbar żona ta' vvjaġġar liberu fid-dinja. Din tippermetti lil aktar minn 400 miljun ċittadin tal-UE, kif ukoll dawk li jżuruha, li jiċċaqalqu liberament u lill-oġġetti u s-servizzi li jgħaddu bla xkiel. Schengen hija waħda mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea, li għandha tiġi salvagwardjata u preservata.

Mindu tnisslet, iż-żona Schengen affaċċat tipi differenti ta' sfidi u theddidiet. Ir-regoli ta' Schengen jiżguraw it-tħaddim ġenerali tas-sistem ta' Schengen, u jippermettulha tirrispondi għall-isfidi li jkun hemm. Pereżempju, b'riżultat tal-movimenti sekondarji tal-migranti irregolari u n-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni fil-Greċja, il-Kummissjoni skattat il-proċedura tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen: din ipprevediet l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni għall-ħames pajjiżi l-aktar ikkonċernati (l-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, in-Norveġja, l-Iżvezja) abbażi ta' Evalwazzjoni ta' Schengen iddettaljata min-naħa tal-Kummissjoni.

Għal aktar tagħrif

Mistoqsija u tweġiba: Nippreservaw u nsaħħu ż-żona Schengen

Komunikazzjoni dwar il-preservazzjoni u t-tisħiħ ta' Schengen

Regolament li jemenda r-regoli applikabbli għall-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni

Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen

Skeda informattiva: Ir-regoli ta' Schengen spjegati – Settembru 2017

Komunikazzjoni: Lura lejn Schengen – Pjan ta' Direzzjoni

 

 

IP/17/3407

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar