Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Id-differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti tal-ikel: Il-Kummissjoni tiggwida lill-Istati Membri biex jindirizzaw aħjar il-prattiki żleali

Brussell, is-26ta' settembru 2017

Illum il-Kummissjoni ħarġet sett ta' linji gwida dwar l-applikazzjoni ta' liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-ikel, kif imħabbra mill-President Juncker fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni ta' din is-sena.

1

Il-linji gwida se jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeterminaw jekk kumpanija hijiex qed tikser il-liġijiet tal-UE meta tkun qed tbigħ l-istess prodotti b'differenza fil-kwalità f'pajjiżi differenti.

Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fl-okkażjoni tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni: “Jien mhux se naċċetta li f'xi nħawi tal-Ewropa, il-persuni jinbigħilhom ikel ta' kwalità inferjuri minn dik ta' pajjiżi oħra minkejja li l-imballaġġ u l-marka jkunu identiċi. Issa rridu nagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali setgħat aktar qawwijin biex iwaqqfu kwalunkwe prattika illegali kull fejn tkun teżisti.

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi qalet: “Il-preżentazzjoni ta' żewġ prodotti differenti fl-istess imballaġġ tad-ditta hija qarrieqa u żleali għall-konsumaturi. Din il-kwistjoni hija eżempju ċar tal-fatt li nistgħu insolvu l-problemi transfruntiera biss meta naħdmu flimien fuq livell tal-UE. Għal żmien twil wisq l-Istati Membri waħedhom ma setgħux isibu l-mod xieraq kif jindirizzawha. Jiena ninsab determinata li ntemm din il-prattika ipprojbita skont il-liġi tal-UE u niżgura li l-konsumaturi kollha jiġu trattati b'mod ugwali”.

Il-gwida telenka u tispjega r-rekwiżiti rilevanti mil-liġijiet tal-konsumatur u tal-ikel tal-UE li jridu jagħmlu referenza għalihom l-awtoritajiet nazzjonali meta janalizzaw kwistjoni ta' differenza potenzjali fil-kwalità tal-istess prodotti:

  • ir-Regolament dwar l-Informazzjoni fuq l-Ikel li jeħtieġ li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni veritiera u suffiċjenti dwar prodott partikolari tal-ikel. Pereżempju, it-tikketti fuq l-ikel għandu jkollhom lista tal-ingredjenti kollha li fih il-prodott.
  • id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali, li tipprojbixxi prattiki kummerċjali żleali, bħal l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tal-marka identiċi b'mod li għandu l-potenzjali iqarraq bil-konsumaturi.

Ibbażata fuq din il-leġiżlazzjoni, il-gwida tistabbilixxi approċċ ta' każ b'każ għall-konsumatur nazzjonali u l-awtoritajiet tal-ikel biex jidentifikaw jekk il-produtturi humiex qiegħdin jiksru dawn il-liġijiet. F'każ li l-ksur ikollu element transfruntier, l-awtoritajiet tal-konsumatur jistgħu jindirizzawh permezz tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur fuq livell Ewropew.

L-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur u tal-ikel huma responsabbli biex jiżguraw li l-kumpaniji jkunu qiegħdin josservaw il-liġijiet tal-UE. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata biex tgħinhom permezz ta' din il-gwida u permezz ta' diversi oqsma ta' ħidma.

Azzjonijiet oħra tal-Kummissjoni

Minbarra dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni qed taħdem fuq metodoloġija biex jitjiebu t-testijiet komparattivi tal-prodotti tal-ikel sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddiskutu din il-kwistjoni fuq bażi xjentifika tajba u kondiviża li tkun l-istess għal kulħadd. Il-Kummissjoni poġġiet EUR 1 miljun għad-dispożizzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (Joint Research Centre - JRC) tagħha biex tiġi żviluppata din il-metodoloġija.

Il-Kummissjoni qed tiffinanzja wkoll aktar ħidma fuq il-ġbir ta' evidenza u infurzar permezz ta' EUR 1 miljun lill-Istati Membri għall-finanzjament ta' studji jew azzjonijiet ta' infurzar.

Il-Kummissjoni bdiet djalogu ma' produtturi u assoċjazzjonijiet tad-ditti, li ħadu impenn biex jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta għal din il-ħarifa.

Fit-13 ta' Ottubru, il-Kummissjoni se tipparteċipa fis-Summit dwar il-Konsumatur, laqgħa ministerjali ta' livell għoli fuq is-suġġett tad-differenzi fil-kwalità tal-istess prodotti organizzata fi Bratislava mill-gvernijiet tas-Slovakkja u tar-Repubblika Ċeka. Barra minn hekk, f'Settembru u f'Novembru l-Kummissjoni se torganizza sessjonijiet ta' ħidma mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u tas-sikurezza tal-ikel.

Għal aktar informazzjoni

Gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-konsumatur u tal-ikel tal-UE

Skeda Informattiva dwar il-gwida

L-iskeda informattiva dwar id-differenza fil-kwalità tal-istess prodotti mid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni

 

IP/17/3403

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar