Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-ftehimiet kummerċjali jagħtu spinta lis-settur agroalimentari tal-UE

Brussell, is-27ta' frar 2017

Studju ġdid juri li l-ftehimiet kummerċjali jistgħu jgħinu biex jiżdied il-bejgħ u biex jiġu appoġġati l-impjiegi fis-settur agroalimentari tal-UE.

Skont l-istudju ġdid indipendenti mwettaq f'isem il-Kummissjoni Ewropea, il-ftehimiet kummerċjali għenu biex jagħtu spinta lill-esportazzjonijiet agrikoli u biex jappoġġaw l-impjiegi fis-settur agroalimentari u f'setturi oħra tal-ekonomija. Ġew studjati fid-dettall il-ftehimiet kummerċjali ma' tliet pajjiżi - il-Messiku, il-Korea t'Isfel u l-Iżvizzera.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, Phil Hogan qal: “Dawn it-tliet ftehimiet waħedhom żiedu l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE b'aktar minn EUR 1 biljun u -valur miżjud fis-settur agroalimentari b'EUR 600 miljun. Huwa importanti wkoll, li din iż-żieda fl-esportazzjonijiet appoġġat b'kollox eluf ta' impjiegi madwar l-UE, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma fis-settur agroalimentari, inkluż fil-produzzjoni primarja tal-agrikoltura. Dawn iċ-ċifri huma evidenza ċara li l-ftehimiet kummerċjali ambizzjużi u bilanċjati jaħdmu tajjeb għas-settur Ewropew tal-ikel u l-agrikoltura.”

Il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström qalet: “Jekk il-ftehimiet kummerċjali jsiru sew, ikunu ferm pożittivi għall-bdiewa u għall-produtturi tal-ikel tagħna. Dan l-istudju jagħti wkoll input importanti dwar kif fil-futur nistgħu nnaqqsu l-burokrazija mhux meħtieġa u neliminaw l-ostakli fin-negozjati kummerċjali tagħna.”

L-istudju juri li l-ftehimiet ikkontribwew għal żieda fil-kummerċ fiż-żewġ direzzjonijiet, b'żieda fl-esportazzjonijiet tal-UE u fl-importazzjonijiet ta' prodotti minn dawn it-tliet pajjiżi, u b'hekk il-konsumaturi u n-negozji tal-UE ngħataw aċċess akbar għall-prodotti agroalimentari.

Ta' min wieħed jinnota li l-istudju jissuġġerixxi li dawn iż-żidiet fl-importazzjonijiet ftit li xejn għandhom impatt fuq il-produzzjoni domestika tal-UE. Minflok, jirriflettu prinċipalment sostituzzjoni tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn jew żieda fil-konsum tal-UE.

Speċifikament b'rabta mat-tliet ftehimiet, l-istudju juri li:

  • Il-Ftehim bejn l-UE u l-Messiku żied EUR 105 miljun għall-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE fl-2013, tliet snin wara li ż-żewġ naħat neħħew l-ostakli kummerċjali kollha li kienu impenjaw ruħhom li jneħħu bil-ftehim. Il-biċċa l-kbira ta' dawn kienu l-ikel u x-xorb ipproċessati. L-importazzjonijiet addizzjonali ta' EUR 316-il miljun fl-istess sena kienu jikkonsistu l-aktar minn prodotti primarji. L-istudju jidentifika wkoll il-potenzjali għas-settur agrikolu tal-UE biex jissokta bl-eliminazzjoni tat-tariffi u tal-ostakli attwali. Dan issa qed jiġi indirizzat fin-negozjati għall-immodernizzar tal-ftehim bejn l-UE u l-Messiku.
  • Għalkemm għadu ma ġiex implimentat bis-sħiħ, fl-2015 il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t'Isfel (FTA) żied EUR 439 miljun f'esportazzjonijiet agroalimentari addizzjonali tal-UE (l-aħħar sena li għaliha hija disponibbli d-dejta), l-aktar fil-forma ta' prodotti primarji u ta' prodotti bażiċi. L-importazzjonijiet addizzjonali ta' EUR 116-il miljun fl-istess sena kienu jikkonsistu l-aktar minn ikel u xorb ipproċessati.
  • Il-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Iżvizzera fuq il-prodotti agrikoli u l-prodotti agrikoli pproċessati flimkien żiedu EUR 532 miljun mal-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE fl-2010, tliet snin wara li dawn ġew implimentati bis-sħiħ. Dan l-ammont jinkludi fil-biċċa l-kbira tiegħu ikel u xorb ipproċessati. L-importazzjonijiet addizzjonali ta' EUR 1.17-il miljun kienu jikkonsistu l-aktar minn prodotti primarji.

L-istudju jenfasizza l-importanza li jissegwew mill-qrib in-negozjati kummerċjali tal-kompetituri ewlenin tal-UE biex niżguraw li l-UE ma taqax lura fil-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-swieq importanti tal-prodotti agroalimentari. Dan juri wkoll li reċentament, il-ftehimiet ambizzjużi bħall-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Korea li daħal fis-seħħ fl-2011, għandhom impatt pożittiv ogħla mill-ftehimiet aktar antiki u anqas komprensivi bħall-Ftehim bejn l-UE u l-Messiku tal-2000. Dan huwa sinjal ta' żieda fil-kwalità u fl-effettività ta' ftehimiet kummerċjali tal-UE f'termini tat-tneħħija tal-ostakli u tas-suċċess tas-settur sabiex titjieb il-kompetittività.

L-istudju jenfasizza wkoll l-importanza ta' kampanji ta' promozzjoni u ta' informazzjoni tal-UE biex l-esportaturi tal-UE jiġu megħjuna jaċċessaw swieq ġodda u biex ikabbru n-negozji tagħhom fis-swieq eżistenti. Il-Kummissjoni żiedet b'mod sostanzjali l-baġit ta' promozzjoni tagħha u l-Kummissarju Hogan diġà wettaq żjarat ta' livell għoli f'sitt pajjiżi (fil-Kolombja u l-Messiku, fiċ-Ċina, fil-Ġappun, fil-Vjetnam u fl-Indoneżja) biex jiġu promossi l-prodotti agroalimentari tal-UE u biex il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tal-UE jingħataw iċ-ċans isibu opportunitajiet ġodda ta' negozju f'dawk il-pajjiżi. Iż-żjara li jmiss se tkun f'Mejju fil-Kanada, li għadha kif ikkonkludiet il-ftehim ta' kummerċ ħieles tagħha mal-UE. Il-Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE Malmström f'Marzu se żżur ukoll il-Kanada, kif ukoll Singapore (pajjiż ieħor li dan l-aħħar l-UE kkonkludiet ftehim kummerċjali miegħu), u l-Messiku aktar tard fir-rebbiegħa.

L-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE jilħqu livelli rekord fl-2016

It-tliet ftehimiet kummerċjali kkontribwew ukoll għal sena rekord tal-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE fl-2016, bit-total ta' esportazzjonijiet li laħaq il-EUR 130.7 biljun, żieda ta' EUR 1.7 biljun fuq tal-2015. L-ikbar żidiet fl-esportazzjonijiet annwali kienu lejn l-Istati Uniti (żieda ta' EUR 1.26 biljun) u ċ-Ċina (żieda ta' EUR 1.06 biljun). Fl-istess ħin, il-valur tal-importazzjonijiet agroalimentari tal-UE niżel b'1.5 % għal EUR 112-il biljun. Is-settur agroalimentari rrappreżenta 7.5 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE fi prodotti fl-2016; 6.6 % tal-prodotti kollha importati huma prodotti agroalimentari. B'bilanċ favorevoli ta' EUR 18.8-il biljun, is-settur agroalimentari jikkontribwixxi kważi għal nofs is-surplus globali tal-Unjoni Ewropea fil-kummerċ tal-oġġetti, li kien ta' EUR 39.3 biljun fl-2016.

Kuntest

L-istudju sar f'isem il-Kummissjoni mid-ditta ta' konsulenza indipendenti Copenhagen Economics, u ta ħarsa lejn l-impatt fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti agroalimentari fit-tliet tipi differenti ta' ftehimiet kummerċjali: dawk aktar antiki, il-kuntratti “tal-ewwel ġenerazzjoni” bħal dak mal-Messiku; dawk profondi u komprensivi, ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles (DCFTA) bħal dak mal-Korea t'Isfel; u ftehimiet settorjali speċifiċi bħal dawk mal-Iżvizzera.

Għal Aktar Informazzjoni ara:

Mistoqsijiet u Tweġibiet

L-istudju sħiħ: L-impatti tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fuq is-settur agrikolu

Aktar informazzjoni dwar il-Ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Messiku

Aktar informazzjoni dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t'Isfel

Aktar informazzjoni dwar il-Ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Iżvizzera

IP/17/339

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar