Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Insaħħu l-progress fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: il-Kummissjoni tkompli ħidmitha favur kuntratti tal-impjieg ġusti u prevedibbli

Brussell, il-25ta' settembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet aktar diskussjonijiet mat-trejdjunjins u mal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi fil-livell tal-UE, rigward kif għandhom jiġu mmodernizzati r-regoli dwar il-kuntratti tal-impjieg, sabiex dawn il-kuntratti jsiru aktar ġusti u aktar prevedibbli għal kull tip ta' ħaddiem.

B'din l-inizjattiva, il-Kummissjoni qiegħda tkompli timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bil-għan li tinħoloq konverġenza fost l-Istati Membri lejn kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u tal-ħajja.

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President għall-Ewro u d-Djalogu Soċjali, l-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, stqarr: "L-imsieħba soċjali jaqdu rwol essenzjali biex iwasslu ‘l quddiem il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan hu l-każ partikolarment meta niġu biex nilqgħu l-isfidi miġjuba minn forom ġodda ta' impjieg, u noħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa f'forom atipiċi ta' impjieg. Regoli ċari, u standards tal-impjieg komuni u ġusti, jistgħu jipproteġu lil kumpaniji li jipprovdu lill-ħaddiema tagħhom b'tagħrif xieraq dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Il-Kummissjoni hija konxja ħafna tal-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn il-protezzjoni essenzjali tal-ħaddiema u bejn il-potenzjal tal-kumpaniji biex joħolqu impjiegi u innovazzjoni fis-suq tax-xogħol. Dan huwa proprju l-qofol tal-proposta tagħna."

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, żiedet tgħid: "Il-ħaddiema għandhom kull dritt li jkunu infurmati bil-miktub dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom meta jibdew impjieg ġdid. Madankollu, hawn miljuni ta' Ewropej li qegħdin jaħdmu b'kuntratti mhux standard, u li għandhom inċertezzi dwar id-drittijiet tagħhom. Jiena nixtieq li l-ħaddiema kollha madwar l-UE jkunu koperti mir-regoli bażiċi b'mod ċar, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom, u jkunux ħaddiema tal-pjattaformi fis-settur informatiku jew kurriera. Biex noħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol aktar ġusti madwar l-UE, l-iżgurar ta' kuntratti tal-impjieg aktar ġusti u aktar prevedibbli huwa pedament ewlieni. Dan huwa t-tragward aħħari tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li, nittama, se jiġi ddikjarat fl-ogħla livell politiku matul is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f'Gothenburg nhar is-17 ta' Novembru.”

Il-Kummissjoni tixtieq twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva attwali dwar il-kuntratti tal-impjieg (l-hekk imsejħa Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub), sabiex tkopri wkoll forom ġodda ta' impjieg, fosthom il-ħaddiema fuq domanda, il-ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers, u l-ħaddiema li jagħmlu parti minn pjattaforma informatika, biex ħadd ma jitħalla barra. Ir-regoli attwali għandhom jiġu mmodernizzati wkoll, sabiex iqisu l-iżviluppi li saru fis-suq tax-xogħol matul l-aħħar ftit deċennji. Billi jittejbu t-tagħrif li jingħata fil-bidu ta' kuntratt tal-impjieg u l-puntwalità li biha jingħata, il-ħaddiema jkunu aktar konxji tad-drittijiet tagħhom, u b'hekk ikunu iktar kapaċi jinfurzaw dawk id-drittijiet. Għall-impjegaturi, l-aġġornament tar-regoli se jġib iktar ċarezza u ċertezza legali, u se jevita kompetizzjoni inġusta.

Sat-3 ta' Novembru 2017, l-imsieħba soċjali jistgħu jaqsmu fehmiethom dwar l-aġġornamenti ppjanati tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kuntratti tal-impjieg. Il-Kummissjoni timmira li tressaq proposta leġiżlattiva sa tmiem is-sena.

Kuntest

Nhar is-26 t'April 2017, il-Kummissjoni ressqet il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f'żewġ forom legali b'kontenut identiku: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, fis-seħħ mid-data msemmija, u li sservi bħala proposta għal dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. L-istruttura finali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li tikkonsisti f'20 prinċipju u dritt bil-għan li tinkiseb konverġenza lejn kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u tal-ħajja madwar l-UE. Is-suċċess ta' dan il-Pilastru huwa prijorità tal-Kummissjoni, u għaldaqstant, il-Kummissjoni ressqet parallelament proposta leġiżlattiva konkreta, speċifikament il-proposta li jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-ġenituri u għall-indokraturi li jaħdmu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni varat l-ewwel stadju ta' żewġ konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali – waħda biex jiġu mmodernizzati r-regoli dwar il-kuntratti tax-xogħol, u oħra dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għal kulħadd. Mis-26 t'April sat-23 ta' Ġunju 2017, l-imsieħba soċjali kellhom l-okkażjoni li jesprimu fehmithom fuq iż-żewġ kwistjonijiet. Issa beda t-tieni stadju tal-konsultazzjoni dwar il-modernizzazzjoni tar-regoli tal-kuntratti tax-xogħol, filwaqt li t-tieni stadju tal-konsultazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għandu jasal dalwaqt. Dan it-tieni stadju tal-konsultazzjoni jibni fuq ir-riżultati tad-diskussjonijiet tal-ewwel fażi.

Sa mill-bidu nett tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni Juncker stabbiliet Ewropa aktar soċjali bħala prijorità, kif inhu rifless fil-Linji Gwida Politiċi ta' Lulju 2014. F'Settembru 2015, fl-okkażjoni tal-ewwel Stat tal-Unjoni tal-President Juncker, huwa stqarr: “Irridu nintensifikaw il-ħidma tagħna favur suq tax-xogħol ġust u tabilħaqq pan-Ewropew. (...) Bħala parti minn dawn l-isforzi, nixtieq li noħolqu u niżviluppaw Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jqis ir-realtajiet dejjem jinbidlu tas-soċjetajiet Ewropej u tad-dinja tax-xogħol.Fl-iktar diskors riċenti tiegħu tal-Istat tal-Unjoni, nhar it-13 ta' Settembru 2017, il-President ikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni biex tibqa' twassal il-Pilastru 'l quddiem bħala mezz essenzjali biex jinħoloq suq intern iktar profond, iktar ġust u iktar soċjali. "Jekk irridu nevitaw il-frammentazzjoni soċjali u d-dumping soċjali fl-Ewropa, l-Istati Membri għandhom jaqblu fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kemm jista' jkun malajr, u żgur mhux iktar tard mis-summit ta' Gothenburg f'Novembru.. Is-sistemi soċjali nazzjonali se jibqgħu diversi u separati għal żmien twil. Iżda mill-inqas, għandna naħdmu favur Unjoni għall-Standards Soċjali Ewropej, li fiha jkollna fehim komuni ta' xi tfisser il-ġustizzja soċjali. Jekk l-Ewropa tbarri lill-ħaddiema tagħha, l-Ewropa ma taħdimx."

Is-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir se jsir f'Gothenburg, l-Iżvezja, nhar is-17 ta' Novembru 2017. Aktar tagħrif dwar is-Summit jinstab hawn.

Għal aktar tagħrif

MEMO/17/3366

Skeda informattiva dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Ewropa – ħarsa ġenerali lejn l-inizjattivi mill-bidu tal-Kummissjoni Juncker

It-tieni stadju tal-konsultazzjoni dwar id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub

Sit web dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Segwi lil Valdis Dombrovskis fuq Twitter

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Twitter u Facebook

Abbona għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea mibgħut b'xejn bil-posta elettronika

IP/17/3367

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar