Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni toħloq forum ta' esperti biex jingħelbu l-ostakli transfruntiera

Brussell, I-20ta' settembru 2017

Biex isir użu sħiħ tal-potenzjal ekonomiku tar-reġjuni tal-fruntiera tal-UE fejn jgħixu 150 miljun ċittadin, il-Kummissjoni llum qed tniedi il-“Punt Fokali tal-Fruntieri”. Huwa jipprovdi appoġġ imfassal apposta għar-reġjuni biex jgħinhom jegħlbu l-ostakli għall-impjiegi u l-investimenti.

In-negozji, il-ħaddiema u l-istudenti li jinnavigaw bejn is-sistemi amministrattivi u legali differenti għadhom qed isibu li dan huwa proċess kumpless u għoli. F'konformità mal-appell li sar mill-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 biex tkun żgurata l-ekwità fis-suq uniku tagħna, il-Punt Fokali tal-Fruntieri se jgħin reġjuni tal-fruntiera jikkooperaw aħjar b'sett ta' azzjonijiet konkreti.

Dan se jikkontribwixxi biex (1) jittejeb l-aċċess għall-impjiegi, (2) għal servizzi bħall-kura tas-saħħa u għas-sistemi tat-trasport pubbliku u (3) ikun iffaċilitat in-negozju transfruntier.

Din il-proposta hija parti minn strateġija usa' ta' Komunikazzjoni dwar l-għoti ta' spinta lit-tkabbir u lill-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE (“Boosting growth and cohesion in EU border regions”), b'sett ta' azzjonijiet ġodda u lista ta' inizjattivi li għaddejjin bħalissa, biex jgħinu lir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE jikbru aktar malajr u dejjem eqreb.

Il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu, qalet: «“Aktar minn kwart tar-rikkezza tal-UE huwa prodott fir-reġjuni transfruntiera tagħha iżda l-potenzjal ekonomiku sħiħ tagħhom għadu mhux sfruttat . Qed inħarsu lejn minjiera ta' opportunitajiet tad-deheb, li qiegħda sempliċiment tistenna li tkun esplorata. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ imfassal apposta għal dawn ir-reġjuni, għall-benefiċċju dirett tal-abitanti tagħhom.”

Il-Punt Fokali tal-Fruntieri se jikkonsisti f'esperti tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet transfruntiera, li se joffru pariri lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, permezz tal-ġbir u l-kondiviżjoni ta' prattiki tajbin permezz tal-ħolqien ta' netwerk ġdida online mal-UE kollha.

Aċċess aħjar għall-impjiegi

Żewġ miljun ħaddiem u student diġà jaqsmu l-fruntieri ta' kuljum jew kull ġimgħa. Sabiex jgħin lin-nies isibu impjieg transfruntier, il-Punt Fokali tal-Fruntieri se jappoġġa r-reġjuni li jixtiequ japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom. Huma jistgħu jirċievu pariri dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, programmi konġunti ta' studju jew servizzi ta' kkowċjar għall-intraprendituri.

Il-Punt Fokali tal-Fruntiera se jiċċentralizza l-informazzjoni dwar prattiki tajba fil-qasam tas-servizzi għall-impjiegi transfruntiera, bħalma huma n-netwerk konġunt imwaqqaf mill-Galizja fi Spanja u mir-reġjun tat-Tramuntana tal-Portugall u appoġġat mill-portal dwar il-mobilità okkupazzjonali EURES.

F'dan ir-rigward, il-Punt Fokali tal-Fruntiera jista' jikkontribwixxi għat-twaqqif tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol futura mħabbra mill-President Juncker fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-suq tax-xogħol fil-livelli kollha u jkunu ġestiti aħjar is-sitwazzjonijiet tansfruntieri.

Aċċess aħjar għas-servizzi pubbliċi

Biex jagħmel ir-reġjuni mal-fruntieri aktar attraenti u aktar inklużivi fir-rigward tas-servizzi pubbliċi, il-Punt Fokali tal-Fruntieri se:

  • Jara fejn huma l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa transfruntieri eżistenti, bħalma huma ż-żoni tal-kura tas-saħħa transfruntieri fiż-żoni tal-fruntiera bejn Franza u l-Belġju.
  • Jistudja konnessjonijiet ferrovjarji neqsin tul il-fruntieri interni, għal servizzi tat-trasport pubbliku trasnfruntier aktar effiċjenti.

Negozju transfruntier

Il-Punt Fokali tal-Fruntieri se jistimula djalogu dwar kwistjonijiet transfruntiera permezz tan-netwerk online.

Meta mitluba jagħmlu dan, esperti tal-Punt Fokali tal-Fruntieri se jipprovdu appoġġ biex ikun hemm aktar allinjament ta' regoli għat-twaqqif ta' negozji, ikunu kondiviżi prattiki tajba minn reġjuni tal-fruntieri oħra u jkun promoss aktar l-użu ta' proċeduri online.

Flimkien mal-ħolqien tal-Punt Fokali tal-Fruntieri, il-Kummissjoni se tagħżel sa 20 proġett li juru soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw l-ostakli transfruntiera. Qabel tmiem l-2017 se titnieda sejħa għall-proġetti.

Il-passi li jmiss

Il-Punt Fokali tal-Fruntieri se jkun operazzjonali minn Jannar 2018.

Fir-riflessjoni kontinwa dwar il-futur tal-finanzi tal-UE, prattiki tajba miġbura permezz tal-Punt Fokali tal-Fruntieri se jikkontribwixxu għad-diskussjoni dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera (“interreg”), biex ikunu indirizzati aħjar l-ostakli legali u amministrattivi u jgħinu biex jiġu żviluppati servizzi pubbliċi transfruntiera effiċjenti.

Aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni “Insaħħu t-Tkabbir u l-Koeżjoni f'Reġjuni mal-Fruntieri tal-UE”

Memo: Negħlbu l-ostakli transfruntiera għaż-żieda tat-tkabbir f'reġjuni tal-fruntiera tal-UE

Skeda informattiva — Franza u l-Ġermanja: biljetti affordabbli għall-ivjaġġar lokali li jaqsan il-fruntieri

Skeda informattiva — id-Danimarka u l-Iżvezja: naqsmu l-fruntiera għax-xogħol, inkunu lura għall-ħin tal-ikel

Skeda informattiva — l-Ungerija u s-Slovakkja: nirreaġixxu għal emerġenza transfruntiera

Skeda informattiva — Spanja u l-Portugall: tħarreġ u ġib il-kwalifika f'pajjiżek, aħdem f'ieħor

Skeda informattiva — il-Latvja u l-Estonja: meta jinzerta li l-eqreb sptar ikun barra mill-pajjiż

 

 

IP/17/3270

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar