Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-ewwel sajf bla tariffi tar-roaming L-Ewropej jaraw il-benefiċċji tar-regoli l-ġodda

Brussell, is-26ta' settembru 2017

L-ewwel sajf bla tariffi tar-roaming juri li l-Ewropej huma konxji mir-regoli l-ġodda u bdew jibdlu d-drawwiet tagħhom meta jivvjaġġaw fl-UE.

Skont stħarriġ Flash Ewrobarometru ppubblikat illum, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej jagħrfu l-benefiċċji tar-roaming mingħajr tariffi żejda. Bis-saħħa tar-regoli l-ġodda tal-UE dwar ir-roaming, fis-seħħ mill-15 ta' Ġunju 2017, il-konsumaturi jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom fl-UE mingħajr ma jħallsu tariffi żejda, bħallikieku kienu f'pajjiżhom. L-istħarriġ juri li 71 % tal-Ewropej jafu li t-tariffi tar-roaming spiċċaw u 72 % jaħsbu li dan se jkun ta' benefiċċju għalihom jew għal xi ħadd li jafuh. Is-sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli l-ġodda tlaħħaq 86 % fost dawk li siefru mill-15 ta' Ġunju 'l quddiem.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, sostna: “Naraw li n-nies, meta jivvjaġġaw fl-UE, huma ħerqana li jużaw il-mowbajls tagħhom bħallikieku qegħdin f'pajjiżhom, mingħajr ma joqogħdu jibżgħu minn xi qatgħa meta jirċievu l-kont. L-operaturi tas-servizzi tal-mowbajl kollha qed jinvestu fin-netwerks biex ilaħħqu maż-żieda fid-domanda. Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet tagħna se jħeġġu investimenti bħal dawn; dawn għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri mill-aktar fis possibbli.

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, stqarret: “Dan huwa eżempju ta' UE li b'mod konkret ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Uża r-roaming daqslikieku f'pajjiżek (‘Roam like at home') qed jaħdem: il-konsumaturi qed japprezzawh, il-konsum qed jiżdied u d-domanda għas-servizzi tal-mowbajl waqt is-safar fl-UE hija għolja ferm. Minn dan jibbenefikaw kemm il-konsumaturi kif ukoll l-operaturi.”

Min isiefer qed jibda jbiddel id-drawwiet tiegħu

L-istħarriġ Flash Ewrobarometru dwar ir-roaming sar fl-aħħar ta' Awwissu, wara l-perjodu prinċipali tal-btajjel. Ir-riżultati juru li matul is-sajf – l-ewwel wieħed bla tariffi extra tar-roaming għal min isiefer fl-UE – in-nies bdew ibiddlu l-aġir tagħhom meta jużaw il-mowbajls tagħhom barra minn pajjiżhom:

  • Is-sehem ta' dawk imsiefra li użaw id-dejta fuq mezzi mobbli waqt li kienu qed jużaw ir-roaming daqskemm jużawha f'pajjiżhom irdoppja fost dawk li kienu msiefra wara l-15 ta' Ġunju 2017 (31 %) meta mqabbel mas-sehem ta' dawk li siefru fix-xhur ta' qabel (15 %); 
  • Is-sehem ta' dawk imsiefra li qatt ma użaw id-dejta fuq il-mezzi mobbli waqt li kienu msiefra naqas bin-nofs wara l-15 ta' Ġunju 2017 (21 %) meta mqabbel max-xhur ta' qabel dik id-data (42 %).
  • B'mod ġenerali, l-użu restrittiv tal-mowbajl meta dak li jkun ikun imsiefer, qed jonqos u hemm anqas vjaġġaturi li qed jitfu l-mowbajls tagħhom (12 %) meta mqabbel ma' qabel il-15 ta' Ġunju (20 %).
  • Madankollu, meta wieħed iqabbel l-użu tal-mowbajl ta' dawk imsiefra mal-użu tal-istess mowbajl fil-pajjiż ta' dak li jkun, 60 % tal-persuni msiefra xorta waħda llimitaw l-użu tal-mowbajl tagħhom meta kienu qed jivvjaġġaw f'pajjiż ieħor tal-UE mill-15 ta' Ġunju 2017 'l hawn.

L-impatt tat-tmiem tat-tariffi tar-roaming fuq l-użu tal-mowbajl ta' dawk imsiefra waqt li jkunu barra minn pajjiżhom huwa kkonfermat ukoll meta mqabbel ma' stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar fl-2014 li kien indika tendenzi fl-użu tar-roaming ħafna aktar restrittivi minn dawk osservati matul ix-xhur ta' qabel il-15 ta' Ġunju 2017.

L-operaturi jinnutaw żieda fir-roaming tad-dejta u fit-telefonati

L-operaturi tas-servizzi tal-mowbajl diġà jistgħu jaraw il-bidla fl-aġir tal-vjaġġaturi fin-netwerks tagħhom. Diversi operaturi rrappurtaw żieda sinifikanti fit-traffiku tad-dejta minħabba l-vjaġġaturi, li dan is-sajf immultiplika b'diversi drabi meta mqabbel mas-sajf tal-2016 (bi 3 sa 6 darbiet, u f'xi każijiet anki b'aktar). Filwaqt li ftit minn din iż-żieda tixhed it-tkabbir ġenerali minn sena għall-oħra fil-konsum tad-dejta fis-swieq domestiċi, parti sostanzjali tista' tiġi attribwita għar-regoli l-ġodda dwar ir-roaming. Iż-żieda fit-telefonati bir-roaming, minkejja li mhux daqshekk notevoli, hija sinifikanti wkoll. Bħala reazzjoni, l-operaturi tas-servizzi tal-mowbajl f'żoni turistiċi qed jirrappurtaw investimenti sinifikanti fin-netwerks tagħhom sabiex jaħtfu l-opportunità li qed tagħtihom din iż-żieda fid-domanda min-naħa tal-vjaġġaturi.

Il-Kummissjoni tibqa' twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni

Wara l-ewwel sajf bla tariffi żejda tar-roaming, wieħed jista' josserva li b'mod ġenerali l-operaturi tas-servizzi tal-mowbajl jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mar-regolaturi nazzjonali, li huma direttament responsabbli biex jaċċertaw l-implimentazzjoni, se tibqa' twettaq monitoraġġ tal-iżviluppi fis-swieq tal-mowbajls fl-Istati Membri biex tqis li l-operaturi jibqgħu jimxu mar-regoli l-ġodda u l-konsumaturi jibbenefikaw mit-tmiem tat-tariffi tar-roaming.

Kuntest

Mill-15 ta' Ġunju 2017 'il quddiem, l-Ewropej jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom (telefonati, SMS u dejta) meta jivvjaġġaw fl-UE bla ma jħallsu tariffi addizzjonali għar-roaming. Dan ifisser li l-vjaġġaturi, meta jsiefru, jistgħu jużaw il-mowbajl tagħhom barra minn pajjiżhom bl-istess mod li jużawh f'pajjiżhom, mingħajr ma joqogħdu jibżgħu li se jirċievu xi kont għoli.

Qabel dik id-data, il-Kummissjoni kienet ilha tistinka għal għaxar snin biex tnaqqas u eventwalment telimina t-tariffi addizzjonali tar-roaming li l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet kienu jimponu fuq il-klijenti tagħhom għall-użu tal-apparat mobbli tagħhom kull darba li jaqsmu fruntiera waqt btala jew vjaġġi ta' negozju. Bejn l-2007 u l-2016, il-prezzijiet tar-roaming kienu naqsu b'aktar minn 90 %, u l-prezzijiet naqsu għall-aħħar darba f'April tal-2016. Fl-2015, abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jtemmu t-tariffi tar-roaming għall-persuni li jivvjaġġaw fl-UE. Sabiex dan iseħħ, il-Kummissjoni Ewropea, skont il-mandat li ngħatat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, adottat politika dwar l-użu ġust u mekkaniżmu ta' sostenibbiltà f'Diċembru tal-2016, u għamlet proposti għal prezzijiet tar-roaming bl-ingrossa ġodda.

Għal aktar informazzjoni

Ir-roaming online
Stqarrija konġunta minn 3 istituzzjonijiet tal-UE
Mistoqsijiet Frekwenti
Skeda informattiva ġenerali dwar it-tmiem tat-tariffi tar-roaming
Skeda informattiva dettaljata: Dan kif jaħdem?
#roaming

IP/17/3241

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar