Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2017 — Ċibersigurtà: Il-Kummissjoni żżid ir-rispons tal-UE għall-attakki ċibernetiċi

Brussell, id-19ta' settembru 2017

.

1

Fit-13 ta' Settembru, fid-diskors annwali tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “F'dawn l-aħħar tliet snin, għamilna progress biex inżommu lill-Ewropej f'ambjent online sikur. Iżda l-Ewropa għadha mhux mgħammra tajjeb biżżejjed fir-rigward tal-attakki ċibernetiċi. Għal din ir-raġuni, illum, il-Kummissjoni qed tipproponi għodod ġodda, fosthom Aġenzija Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, sabiex tgħin biex tiddefendina kontra attakki bħal dawn.”

L-Ewropej iqiegħdu fiduċja kbira fit-teknoloġiji diġitali. Dawn jiftħu opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini biex jagħmlu kuntatt, jiffaċilitaw it-tixrid ta' informazzjoni u jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Madankollu, huma ġabu magħhom wkoll riskji ġodda hekk kif atturi mhux statali u statali kull ma jmur dejjem jippruvaw jisirqu data, iwettqu frodi jew saħansitra jiddestabilizzaw gvernijiet. Is-sena l-oħra, kien hemm aktar minn 4,000 attakk ransomware kuljum u 80 % tal-kumpaniji Ewropej għaddew minn tal-inqas inċident wieħed ta' ċibersigurtà. L-impatt ekonomiku tal-kriminalità ċibernetika żdied b'ħames darbiet matul l-aħħar erba' snin biss.

Biex l-Ewropa tkun mgħammra bl-għodod xierqa sabiex titratta l-attakki ċibernetiċi, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli qed jipproponu sett wiesa' ta' miżuri biex tinbena ċibersigurtà b'saħħitha fl-UE. Dan jinkludi proposta għal Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-attakki ċibernetiċi, kif ukoll skema ta' ċertifikazzjoni Ewropea ġdida li se tiżgura li l-prodotti u servizzi fid-dinja diġitali huma sikuri għall-użu.

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President, qalet: “L-UE se ssegwi politika internazzjonali ċibernetika li tippromwovi ċiberspazju miftuħ, liberu u sikur kif ukoll tappoġġa l-isforzi biex jiġu żviluppati normi ta' imġiba responsabbli tal-istati, tapplika miżuri tad-dritt internazzjonali u miżuri għall-bini ta' fiduċja fiċ-ċibersigurtà.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali qal: “L-ebda pajjiż ma jista' jiffaċċja l-isfidi taċ-ċibersigurtà waħdu. L-inizjattivi tagħna jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex il-pajjiżi tal-UE jistgħu jindirizzaw dawn l-isfidi flimkien. Aħna qed nipproponu wkoll miżuri ġodda biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-promozzjoni tal-iġjene ċibernetika”

Julian King, il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, qal: “Irridu naħdmu flimkien biex nibnu r-reżiljenza tagħna, biex nixprunaw l-innovazzjoni teknoloġika, biex insaħħu d-deterrenza, it-tisħiħ mill-ġdid tat-traċċabbiltà u tar-responsabilizzazzjoni, u nisfruttaw il-kooperazzjoni internazzjonali, sabiex nippromwovu ċ-ċibersigurtà kollettiva tagħna.

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, qalet: “Irridu nibnu fuq il-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji tagħna fid-dinja diġitali, speċjalment fi żmien fejn l-attakki ċibernetiċi fuq skala kbira qed isiru dejjem aktar komuni. Irrid standards għolja ta' ċibersigurtà biex isiru l-vantaġġ kompetittiv tal-kumpaniji tagħna.”

Bl-attakki ransomware riċenti, żieda drammatika fl-attività ċibernetika, l-użu li qed jiżdied ta' għodod ċibernetiċi minn atturi statali biex jissodisfaw l-għanijiet ġeopolitiċi tagħhom u d-diversifikazzjoni ta' inċidenti taċ-ċibersigurtà, jeħtieġ li l-UE tibni reżiljenza aktar qawwija għall-attakki ċibernetiċi u toħloq deterrenza ċibernetika u rispons tal-liġi kriminali effettiv tal-UE biex jitħarsu aħjar iċ-ċittadini tal-Ewropa, in-negozji u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Dan huwa dak kollu li hu l-Pakkett taċ-Ċibersigurtà.

Trawwim tar-reżiljenza tal-UE: Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà b'saħħitha

Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà Filwaqt li tibni fuq l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) eżistenti, l-Aġenzija se tingħata mandat permanenti biex tgħin lill-Istati Membri biex jipprevjenu u jwieġbu b'mod effikaċi għal attakki ċibernetiċi. Se ttejjeb it-tħejjija tal-UE biex tirreaġixxi billi jiġu organizzati kull sena eżerċizzji pan-Ewropej taċ-ċibersigurtà u billi jiġi żgurat skambju aħjar tal-intelligence u tal-għarfien għal kontra t-theddid permezz tat-twaqqif ta' Ċentri ta' Kondiviżjoni ta' Informazzjoni u Analiżi. Din se tgħin fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni li tinkludi obbligi ta' rappurtar lill-awtoritajiet nazzjonali f'każ ta' inċidenti serji.

L-Aġenzija taċ-Ċibersigurtà għandha tgħin ukoll biex tqiegħed fis-seħħ u timplimenta l-iskema ta' ċertifikazzjoni madwar l-UE li l-Kummissjoni qed tipproponi biex tiżgura li l-prodotti u s-servizzi huma ċibersiguri. Hekk kif il-konsumaturi jistgħu jafdaw x'jieklu permezz ta' tikketti tal-ikel tal-UE, ċertifikati ta' ċibersigurtà Ewropej ġodda se jiżguraw l-affidabbiltà ta' biljuni ta' apparati (“Internet tal-oġġetti”) li jmexxu l-infrastruttura kritika, bħalma huma n-netwerks tal-enerġija u t-trasport, iżda wkoll mezzi ġodda għall-konsumatur, bħal karozzi konnessi. Iċ-ċertifkati taċ-ċibersigurtà se jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha, u b'hekk jitnaqqas il-piż u l-ispejjeż amministrattivi [1] għall-kumpaniji.

Żieda fil-kapaċità taċ-ċibersigurtà tal-UE

Huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tiżgura li għodod teknoloġiċi għaċ-ċibersigurtà huma żviluppati b'mod li jippermettu li l-ekonomija diġitali tiffjorixxi, waqt li fl-istess ħin jipproteġu s-sigurtà, is-soċjetà u d-demokrazija tagħna. Dan jinkludi l-ħarsien tal-infrastruttura kritika ta' ħardwer u softwer. Biex issaħħaħ il-kapaċità tal-UE għaċ-ċibersigurtà, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli qed jipproponu:

  • Ċentru Ewropew għar-Riċerka u Kompetenza taċ-Ċibersigurtà (proġett pilota li għandu jitwaqqaf fl-2018). B'ħidma mal-Istati Membri, dan se jgħin biex jiżviluppa u jintroduċi għodod u teknoloġija meħtieġa biex ilaħħqu mat-theddida li dejjem qed tinbidel u jiżguraw li d-difiżi tagħna huma l-aħjar bħall-armi li ċ-ċiberkriminali jużaw. Huwa jikkumplementa l-isforzi ta' bini ta' kapaċitajiet f'dan il-qasam fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.
  • Pjan ta' Azzjoni dwar kif l-Ewropa u l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr, b'mod operattiv u b'leħen wieħed meta jkun hemm attakki ċibernetiċi fuq skala kbira. Il-proċedura proposta hija stabbilita f'Rakkomandazzjoni li ġiet adottata l-ġimgħa li għaddiet. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jistabbilixxu Qafas ta' Rispons għall-Kriżijiet taċ-Ċibersigurtà tal-UE biex jagħmlu Pjan ta' Azzjoni operazzjonali. Imbagħad dan għandu jiġi ttestjat b'eżerċizzji tal-ġestjoni tal-kriżijiet ċibernetiċi u b'eżerċizzji oħrajn.
  • Iktar solidarjetà: Fil-futur, il-possibilità ta' Fond ta' Rispons f'Emerġenza Ċibernetika ġdid — jista' jiġi kkunsidrat għal dawk l-Istati Membri li jkunu implimentaw b'mod responsbabli l-miżuri kollha taċ-ċibersigurtà meħtieġa skont il-liġi tal-UE. Il-Fond jista' jipprovdi appoġġ ta' emerġenza sabiex jgħin lill-Istati Membri — hekk kif il-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-UE jintuża biex jgħin f'każijiet ta' nirien fil-foresti jew diżastri naturali.
  • Kapaċitajiet aktar b'saħħithom ta' ċiberdifiża: L-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu ċ-ċiberdifiża fi ħdan il-Qafas ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) biex jappoġġaw proġetti ta' difiża ċibernetika. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Riċerka taċ-Ċibersigurtà u ta' Kompetenza jista' jiġi żviluppat ulterjorment b'dimensjoni taċ-ċiberdifiża. Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċiberdifiża, l-UE se toħloq pjattaforma ta' edukazzjoni u taħriġ fil-qasam taċ-ċiberdifiża fl-2018. L-UE u n-NATO flimkien se jħaddnu riċerka taċ-ċiberdifiża u kooperazzjoni fl-innovazzjoni. Il-kooperazzjoni man-NATO, inkluża l-parteċipazzjoni b'mod parallel u eżerċizzji kkoordinati, se tiġi approfondita.
  • It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali: L-UE ser issaħħaħ ir-rispons tagħha għal attakki ċibernetiċi permezz tal-implimentazzjoni tal-Qafas għal Rispons Diplomatiku Konġunt tal-UE għal Attivitajiet Ċibernetiċi Malizzjużi, bl-appoġġ għall-qafas strateġiku għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-istabbiltà fiċ-ċiberspazju. Flimkien ma dan se jsiru wkoll sforzi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċibernetiċi ġodda biex jassistu lil pajjiżi terzi biex jindirizzaw t-theddid ċibernetiku.

Il-ħolqien ta' rispons effettiv tal-liġi kriminali

Rispons ta' infurzar tal-liġi aktar effettiv li jiffoka fuq id-detezzjoni, l-intraċċar u l-prosekuzzjoni tal-kriminali ċibernetiċi huwa ċentrali għall-bini ta' diżważjoni effettiva biex iseħħu reati bħal dawn. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li tagħti spinta għal deterrent permezz ta' miżuri ġodda fil-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti.

Id-Direttiva proposta se ssaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex tiġi trattata din il-forma ta' kriminalità billi tespandi l-ambitu ta' reati relatati ma' sistemi ta' informazzjoni għat-tranżazzjonijiet ta' pagament kollha, inklużi tranżazzjonijiet permezz ta' muniti virtwali. Il-liġi ser tintroduċi wkoll regoli komuni dwar il-livell ta' pieni u tiċċara l-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri f'tali reati.

Biex tħaffef l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettiva tal-kriminalità bl-użu tal-internet, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll proposti biex tiffaċilita l-aċċess transfruntier għal evidenza elettronika fil-bidu tal-2018. Barra minn hekk, sa Ottubru, il-Kummissjoni se tippreżenta r-riflessjonijiet tagħha dwar ir-rwol ta' kriptaġġ f'investigazzjonijiet kriminali.

Sfond

Ċifri reċenti juru li theddid diġitali qed jevolvi malajr u li l-pubbliku jipperċepixxi ċ-ċiberkriminalità bħala theddida importanti: Filwaqt li attakki ransomware żdiedu b'300% mill-2015, studji jissuġġerixxu li l-impatt ekonomiku tal-kriminalità ċibernetika żdied b'ħames darbiet mill-2013 sal-2017, u jista' jkompli jiżdied b'fattur ta' erbgħa mill-2019. 87 % tal-Ewropej jaħsbu li ċ-ċiberkriminalità hi sfida importanti għas-sigurtà interna tal-UE

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u r-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jiggwidaw il-ħidma tal-Kummissjoni f'dan il-qasam, li tistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin għat-tisħiħ taċ-ċibersigurtà. Il-miżuri li qed jiġu proposti llum diġà jikkomplementaw ir-regoli eżistenti u jimlew il-vojt fejn ix-xenarju tat-theddida evolva mill-adozzjoni tal-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013, it-twettiq tal-prijorità ewlenija biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri biex jiżguraw is-sigurtà interna taħt id-Dikjarazzjoni u l-Pjan Direzzjonali ta' Bratislava.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsija u tweġiba - L-Istat tal-Unjoni 2017 — Ċibersigurtà: Il-Kummissjoni żżid ir-rispons tagħha għall-attakki ċibernetiċi

Skeda informattiva dwar proposti taċ-ċibersigurtà

Skeda informattiva dwar l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà

Skeda informattiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti

Dokumenti adottati fit-13 ta' Settembru

 

[1] Pereżempju, l-ispiża għal ċertifikazzjoni tal-miters intelliġenti fir-Renju Unit u Franza hi ta' madwar EUR 150,000.

IP/17/3193

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar