Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2017: Qafas għall-fluss ħieles ta' mhux personali fl-UE

Brussell, id-19ta' settembru 2017

L-Istat tal-Unjoni 2017: Qafas għall-fluss ħieles ta' mhux personali fl-UE

1

Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija tad-data tal-UE, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi ġabra ta' regoli li jirregolaw il-fluss ħieles ta' data mhux personali fl-UE. Flimkien mar-regoli li diġà jeżistu fejn tidħol id-data personali, il-miżuri l-ġodda se jippermettu l-ħażna u l-ipproċessar ta' data mhux personali madwar l-Unjoni sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tan-negozji Ewropej u sabiex jiġu mmodernizzati s-servizzi pubbliċi f'Suq Uniku tal-UE effettiv fejn jidħlu s-servizzi tad-data. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni tad-data titqies bħala l-aktar fattur importanti biex l-ekonomija tad-data tkun tista' tirdoppja l-valur tagħha u tilħaq l-4% tal-PDG fl-2020.

Andrus Ansip, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali qal: "L-ekonomija diġitali tal-Ewropa għadha maqsuma sew skont linji nazzjonali magħluqa. Dan qiegħed iżomm lura t-tkabbir diġitali aktar wiesa' tal-Ewropa. Il-proposta tagħna, flimkien mar-regoli ta' protezzjoni tad-data personali tal-UE se tippermetti l-moviment ħieles ta' kull tip ta' data fis-Suq Uniku. Il-fluss ħieles tad-data se jagħmilha faċli għall-SMEs u għal kumpaniji żgħar ġodda biex jiżviluppaw servizzi ġodda u innovattivi u sabiex jidħlu fi swieq ġodda.

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Ekonomija Diġitali u s-Soċjetà, qalet: “Sabiex jiġi żgurat is-suċċess fl-era ġdida tal-ekonomija diġitali, għandna bżonn regoli sodi u prevedibbli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data. Iċ-ċittadini u n-negozji se jibbenefikaw minn prodotti u servizzi aħjar hekk kif issir disponibbli aktar u aktar data għal innovazzjoni mmexxija mid-data. It-tneħħija tal-ostakoli kontra l-flussi transfruntiera tad-data hija essenzjali biex ikun hemm ekonomija tad-data Ewropea kompetittiva.

Il-fluss ħieles ta' data mhux personali

Qafas ċar, komprensiv u previdibbli se jkun ta' kontribut biex ikun hemm suq tal-UE kompetittiv u integrat għas-servizzi ta' ħażna tad-data u ta' pproċessar tad-data. Il-qafas jipproponi:

  1. Il-Prinċipju ta' fluss ħieles minn bejn il-fruntieri ta' data mhux personali: L-Istati Membri ma jkunux jistgħu aktar jobbligaw lill-organizzazzjonijiet biex jillokalizzaw il-ħażna jew l-ipproċessar tad-data fi ħdan il-fruntieri tagħhom. Ir-restrizzjonijiet ikunu ġġustifikati biss għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika. L-Istati Membri jkollhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'xi rekwiżiti ġodda jew eżistenti fejn tidħol il-lokalizzazzjoni tad-data. Bil-fluss ħieles ta' data mhux personali se jkun aktar faċli u jkun jiswa' anqas flus li n-negozji joperaw lil hinn mill-fruntieri mingħajr ma jkun irid ikollhom sistemi duplikati ta' IT jew l-istess data f'postijiet differenti.

  2. Il-Prinċipju ta' disponibbiltà tad-data għall-kontroll regolatorju: L-awtoritajiet kompetenti se jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' aċċess għad-data kull fejn din tkun maħżuna jew ipproċessata fl-UE. Il-fluss ħieles ta' data mhux personali mhux se jaffettwa l-obbligi tan-negozji u ta' organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu ċerta data għal skopijiet ta' kontroll regolatorju.

  3. L-iżvilupp tal-Kodiċi tal-UE ta' Kondotta sabiex jitneħħew l-ostakoli ta' meta wieħed jaqleb bejn fornituri differenti ta' ħażna fil-”cloud” u biex id-data tinġieb lura lejn is-sistemi tal-IT tal-utenti.

Il-benefiċċji għan-negozji u għan-nies

Ir-regoli l-ġodda se jżidu ċ-ċertezza legali u l-fiduċja għan-negozjanti u l-organizzazzjonijiet. Huma se jwittu wkoll it-triq għal Suq Uniku tassew tal-UE fejn tidħol il-ħażna u l-ipproċessar tad-data, b'tali mod li jwassal għal settur tal-”cloud” Ewropew li jkun kompetittiv, bla perikli u affidabbli u jkun hemm prezzijiet orħos għall-utenti ta' servizzi tal-ħażna u l-ipproċessar tad-data. Peress li l-għan tar-regoli l-ġodda huwa li tiżdied il-fiduċja, il-kumpaniji huma mistennija li jużaw aktar servizzi tal-”cloud” u sabiex iħossu ruħhom riassigurati meta jidħlu fi swieq ġodda. Huma jkunu jistgħu wkoll imexxu r-riżorsi interni tagħhom tal-IT lejn l-aktar postijiet kosteffettivi. Fl-aħħar mill-aħħar dan ikun ifisser tkabbir addizzjonali stmat tal-PDG tal-UE ta' €8 biljun fis-sena.

Il-miżuri l-ġodda jikkumplimentaw il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali bħala pass addizzjonali lejn spazju tad-data Ewropew komuni funzjonali.

L-isfond

Li jiġu kkonfrontati l-ostakoli kontra l-fluss ħieles tad-data mhux personali hija waħda mill-azzjonijiet ċentrali fir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali. Din il-proposta tikkumplimenta l-miżuri għall-Kostruzzjoni ta' Ekonomija Ewropea tad-Data , imnedija f'Jannar 2017. Il-proposta tkompli wkoll fuq ir-rieżami tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabilità għal kollaborazzjoni diġitali aħjar bejn l-amministazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa.

Fil-Konklużjonijiet ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew appella għal azzjoni dwar il-fluss ħieles tad-data. Saru appelli simili mill-Presidenza Estonjana tal-Kunsill tal-UE fid-Dokument ta' Viżjoni dwar il-Moviment Liberu tad-Data, kif ukoll minn Membri tal-Parlament Ewropew.

It-tħaddin ta' opportunitajiet diġitali, inkluż l-użu ta' teknoloġiji u servizzi mmexxija mid-data huwa wkoll wieħed mill-objettivi tal-istrateġija ta' politika industrijali ħolistika, ippreżentata l-bieraħ.

Illum, il-Kummissjoni nediet ukoll konsultazzjoni pubblika biex tevalwa l-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Informazzjoni dwar is-Settur Pubbliku. Hija tiġbor il-veduti dwar kif għandha tittejjeb l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid ta' data pubblika, u ffinanzjata pubblikament, kif ukoll dwar l-aċċess għal data li tinżamm privatament u li tkun ta' interess pubbliku.

Għal aktar informazzjoni

Qafas għall-fluss ħieles ta' data mhux personali fl-UE – Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva: Il-fluss ħieles ta' data mhux personali

Skeda informattiva: Il-bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data

Ir-Regolament dwar il-Fluss Liberu ta' data mhux personali

Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Ekonomija tad-Data Ġabra fil-qosor

Is-Suq Uniku Diġitali: Studju dwar restrizzjonijiet fuq lokalizzazzjoni tad-data

Komunikazzjoni “Nibnu Ekonomija Ewropea tad-Data”, ta' Jannar 2017.

Komunikazzjoni “Rieżami ta' Nofs it-Terminu tal-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali” ta' Mejju 2017

#DataEconomy #freeflowofdata #dataflows #EUdataFF

IP/17/3190

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar