Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2017 - Il-Pakkett dwar id-Demokrazija: Riforma tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini u tal-Finanzjament tal-Partiti Politiċi

Brussell, il-15ta' settembru 2017

.

1

Fit-13 ta' Settembru, fid-diskors annwali tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker iddikjara: “L-Unjoni tagħna teħtieġ li tieħu pass demokratiku 'l quddiem. Ta' spiss, l-elezzjonijiet fl-Ewropa ġew ridotti f'xejn anqas mir-riżultat ta' kampanji nazzjonali. Id-demokrazija Ewropea ħaqqha aħjar. Għandna nipprovdu l-mezzi lill-partiti Ewropej biex jorganizzaw lilhom infushom aħjar.

Iż-żieda tal-leġittimità demokratika fl-UE permezz ta' sehem aktar qawwi taċ-ċittadini hija fost L-Għaxar Prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker (Il-Prijorità 10 - Il-Bidla Demokratika). Biex tkompli twettaq dan l-impenn, il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ proposti leġislattivi għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u tar-Regolament dwar il-Partiti u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “B'dawn il-proposti, qegħdin nagħtu s-setgħa lill-Ewropej biex jieħdu sehem fil-proċess demokratiku. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej irridu nagħmluha aktar aċċessibbli għall-Ewropej kollha, u meta baxxejna l-limitu tal-età minn 18 għal 16-il sena, aħna stedinna 10 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej aktar biex juru min huma u jagħtu daqqa t'id fit-tiswir tal-aġenda politika tal-UE. Fl-istess waqt, ir-riforma tal-partiti politiċi tagħna se taċċerta li l-Ewropej taslilhom informazzjoni aħjar dwar ir-rabta bejn il-partiti nazzjonali u Ewropej, u se taċċerta li l-finanzjament tagħhom jirrifletti aħjar l-għażliet demokratiċi magħmula miċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej."

Nagħmlu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej aktar faċli biex tintuża

Mit-Trattat tal-Lisbona 'l hawn, l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej jagħtu s-setgħa lil miljun ċittadin biex jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE ġdida. Filwaqt li aktar minn tmien miljun ċittadin diġà appoġġjaw Inizjattivi u sawru l-aġenda politika tal-UE f'dawn l-aħħar ħames snin, l-għodda għad fadlilha aktar potenzjali. Permezz ta' użu aktar estensiv tal-possibbiltajiet diġitali u billi jitneħħew rekwiżiti imprekattivi, il-proposta tagħna għar-riforma tar-Regolament eżistenti se tagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini biex jagħtu bidu għall-inizjattivi u jappoġġjawhom. Se tagħti wkoll il-possibbiltà liċ-ċittadini Ewropej aktar żgħażagħ – mill-età ta' sittax-il sena - biex jappoġġjaw Inizjattiva.

Il-Kummissjoni Juncker, sa minn mindu bdiet il-mandat tagħha f'Novembru 2014, ħadet passi prattiċi sabiex din l-għodda titħaddem aħjar. Approċċ ġdid ifisser li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell politiku mill-Kulleġġ tal-Kummissarji u f'xi każijiet ġew awtorizzati reġistrazzjonijiet parzjali ta' Inizjattivi. Minħabba f'hekk, inizjattiva waħda biss ġiet irrifjutata taħt il-Kummissjoni Juncker, talba għall-“Waqfien tal-Brexit” (“Stop Brexit”) li evidentement taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni rrevediet id-deċiżjoni li kienet ħadet qabel li ma tirreġistrax l-Inizjattiva “Stop TTIP” wara li din ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Il-proposta leġislattiva tal-lum tittratta xkiel ieħor fir-Regolament attwali li jillimita l-potenzjal tiegħu.

Sabiex ikun aktar faċli li tkun organizzata Inizjattiva taċ-Ċittadini, il-Kummissjoni se taħdem aktar mill-qrib mal-organizzaturi biex tiżgura l-eliġibbiltà tat-talbiet ta' reġistrazzjoni tagħhom. Se nagħtu wkoll servizz bla ħlas online għall-ġbir tad-data, il-possibbiltà li tintuża eID biex jingħata appoġġ lil Inizjattiva, u t-traduzzjoni tal-Inizjattivi kollha bil-lingwi kollha tal-UE. Sabiex ikun aktar faċli li jingħata appoġġ lil inizjattiva, il-Kummissjoni se tnaqqas l-ammont ta' data meħtieġa; l-organizzaturi se jkollhom bżonn jaħdmu biss b'żewġ tipi ta' formoli ta' appoġġ, meta mqabbel mat-13-il mudell differenti li jeżistu bħalissa minħabba regoli nazzjonali differenti. Il-proposta tal-Kummissjoni se tbaxxi wkoll l-età għall-appoġġ ta' inizjattiva minn 18 għal 16, u b'hekk f'ħakka t'għajn tiftaħ il-bieb għal 10 miljun sostenitur potenzjali ġdid. Sabiex jiżdied l-impatt tal-inizjattivi li jkollhom suċċess, il-proċess ta' segwitu se jittejjeb biex jippromwovi dibattitu sinifikattiv qabel ma l-Kummissjoni tagħti r-rispons tagħha. Iċ-ċittadini se jkunu wkoll mgħarrfa dwar is-segwitu li jkun ngħata lill-Inizjattivi li jkunu ffirmaw, jekk dan jintgħażel minnhom.

Finanzjament tal-Partiti Politiċi Ewropej

L-emendi proposti għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza, biex dak li jkun ikun jaf lil min qed jivvota, itejbu l-leġittimità demokratika sabiex il-finanzjament jirrifletti aħjar l-elettorat Ewropew, u jsaħħu l-infurzar sabiex ikun indirizzat l-abbuż u l-fondi jkunu rkuprati. Dawn il-proposti għandhom jiġu adottati u jkunu fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet Ewropej fl-2019.

Il-partiti politiċi Ewropej jaqdu rwol kritiku fil-ħolqien ta' rabta diretta bejn iċ-ċittadini u s-sistema politika Ewropea, u jtejbu b'hekk il-leġittimità tal-Unjoni Ewropea. Irridu partiti Ewropej b'dimensjoni Ewropea ġenwina u bil-mezzi biex jagħmlu differenza.

Ir-riforma proposta tal-Partiti u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej tindirizza talbiet imtennija mill-Parlament Ewropew biex jingħalqu l-lakuni li jwasslu għal abbuż ta' flus il-kontribwenti Ewropej. F'xi każijiet, il-membri individwali tal-istess partit nazzjonali qegħdin iservu ta' sponsor għall-ħolqien ta' partiti Ewropej differenti. Barra minn hekk, il-metodu ta' distribuzzjoni li jeżisti bħalissa għall-finanzjament mill-UE tal-partiti politiċi Ewropej mhuwiex proporzjonat biżżejjed mad-daqs tar-rappreżentanza miksuba fl-elezzjonijiet Ewropej. Fl-aħħar nett, il-partiti jsibuha bi tqila li jissodisfaw ir-rekwiżit tal-kofinanzjament biex jiksbu finanzjament bħal dan.

Il-proposti tal-Kummissjoni se joħolqu rabta aktar mill-qrib bejn ir-rappreżentanza reali u l-finanzjament, billi jżidu l-persentaġġ tal-finanzjament li jiġi allokat abbażi tal-kwota tal-voti reali minn 85 % għal 95 %. Skont is-sistema attwali, 15 % tal-finanzjament huwa kondiviż bejn il-partiti kollha, irrispettivament mill-għadd ta' votanti li jirrappreżentaw.

Il-proposti se jagħtu wkoll trasparenza akbar għaċ-ċittadini Ewropej rigward ir-rabtiet bejn il-partiti Ewropej u nazzjonali, billi jitolbu mingħand il-partiti nazzjonali li fuq is-siti web tagħhom juru b'mod ċar il-logo u l-programm politiku tal-partit Ewropew li huma affiljati miegħu. Il-bilanċ bejn is-sessi tal-Membri tal-Parlament Ewropew tal-partiti se jkun qed jiġi indikat ukoll.

Fl-aħħar nett, sabiex ikun aċċertat li flus il-kontribwenti jiġu ġestiti aħjar, ir-riforma proposta se tagħlaq il-lakuni li jwasslu biex il-partiti jabbużaw mis-sistema billi jistabbilixxu aktar minn entità Ewropea waħda, b'kull waħda tkun eliġibbli għal finanzjament addizzjonali.

Il-Passi li Jmiss: Sabiex jidħlu fis-seħħ, iż-żewġ proposti leġislattivi preżentati llum mill-Kummissjoni, issa jridu jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja. Il-Kummissjoni sserraħ fuq dibattitu veloċi u kostruttiv sabiex dawn il-bidliet importanti fil-ħajja demokratika tal-Unjoni tagħna jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

Sfond

L-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ġew introdotti permezz tat-Trattat ta' Lisbona u tnedew bħala għodda li tistabbilixxi l-aġenda f'idejn iċ-ċittadini f'April 2012, mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Ġaladarba tiġi rreġistrata formalment, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermetti li miljun ċittadin minn mill-inqas kwart tal-Istati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi att legali f'oqsma fejn il-Kummissjoni għandha l-poter li tagħmel dan. Jekk Inizjattiva tilħaq il-livell ta' appoġġ meħtieġ, il-Kummissjoni trid, f'komunikazzjoni, tispjega jekk hijiex beħsiebha jew le li twettaq segwitu tagħha u għaliex.

Il-Partiti Politiċi Ewropej huma previsti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jistipula li “l-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni.”. Ir-Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej introdott fl-2014 iżid l-viżibilità, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-partit politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi affiljati tagħhom.

Il-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi li jissodisfaw għadd ta' kundizzjonijiet jingħataw l-opportunità li jsiru entitajiet ġuridiċi Ewropej billi jirreġistraw fil-livell Ewropew, u b'hekk itejbu l-aċċess għall-appoġġ finanzjarju Ewropew. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu r-rappreżentanza f'għadd kbir biżżejjed ta' Stati Membri tal-UE u r-rispett, kemm fil-programm tagħhom kif ukoll fl-attivitajiet, tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE.

Għal iktar informazzjoni:

Id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017

Il-Fuljett dwar l-Istat tal-Unjoni 2017

Proposta għal regolament: Ir-Reviżjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Proposta għal regolament: Emenda tal-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u l-Finanzjament tal-Partiti Politiċi

IP/17/3187

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar