Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2017 — L-Istrateġija għall-Politika Industrijali: Ninvestu f'industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli

Brussell, it-18ta' settembru 2017

.

1

Fit-13 ta' Settembru, fid-diskors annwali tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “Irrid nagħmel l-industrija tagħna waħda aktar qawwija u aktar kompetittiva L-Istrateġija l-ġdida dwar il-Politika Industrijali li qed nippreżentaw illum se tgħin lill-industriji tagħna biex jibqgħu jew biex isiru l-mexxejja globali fl-innovazzjoni, fid-diġitalizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni."

L-Istrateġija mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE tlaqqa' flimkien l-inizjattivi kollha eżistenti u l-inizjattivi ġodda orizzontali u speċifiċi għas-settur fi strateġija industrijali komprensiva. Tiċċara wkoll il-kompiti li jridu jiffaċċjaw l-atturi kollha involuti, u tistabbilixxi l-fora - Jum l-Industrija annwali, li tnieda għall-ewwel darba fi Frar 2017, u Laqgħa ta' Diskussjoni Industrijali ta' Livell Għoli - li se jippermettu b'mod partikolari lill-industrija u lis-soċjetà ċivili biex jiggwidaw l-azzjonijiet tal-politika industrijali fil-futur.

Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen qal: “Meta nilqgħu b'idejna miftuħin il-bidla teknoloġika, meta l-investiment fir-riċerka nsarrfuh f'ideat innovattivi kummerċjali, u nkomplu nkunu pijunieri fl-ekonomija ċirkolari u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, aħna se nwittu t-triq għal industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli fl-Ewropa.”

Elżbieta Bieńkowska, il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs żiedet tgħid li: “Bosta industriji Ewropej jinsabu f'mument deċisiv. Ilum il-ġurnata, il-politika industrijali hija dwar li l-industriji tagħna jkollhom is-setgħa jkomplu jikkontribbwixxu għal tkabbir u xogħol sostenibbli għar-reġjuni u għaċ-ċittadini tagħna.”

L-elementi ewlenin il-ġodda tal-Istrateġija mġedda tal-UE għall-Politika Industrijali jinkludu:

  • Pakkett komprensiv biex tissaħħaħ l-industrija taċ-ċibersigurtà tagħna.Dan jinkludi l-ħolqien ta' Ċentru Ewropew għar-Riċerka u għall-Kompetenzi fiċ-Ċibersigurtà sabiex jiġu appoġġati l-iżvilupp fil-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali fiċ-ċibersigurtà, kif ukoll skema ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għal prodotti u servizzi, li tkun rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha (adottat fit-13 ta' Settembru 2017).
  • Proposta għal Regolament dwar il-fluss liberu ta' dejta mhux personali li jippermetti li d-dejta tiċċirkola b'mod ħieles bejn il-fruntieri, li jgħin biex l-industrija timmodernizza ruħha u biex jinħoloq spazju verament komuni għad-dejta Ewropea (adottata fit-13 ta' Settembru 2017).
  • Sensiela ta' azzjonijiet ġodda dwar l-Ekonomija Ċirkolari, inkluż strateġija dwar il-plastik u miżuri biex titjieb il-produzzjoni ta' riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli u l-qlib tagħhom f'bijoprodotti u f'bijoenerġija (fil-ħarifa tal-2017).
  • Ġabra ta' inizjattivi sabiex jiġi mmodernizzat il-Qafas tal-Proprjetà Intellettwali, inkluż rapport dwar il-funzjonament tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u Komunikazzjoni dwar qafas ta' liċenzjar Ewropew ibbilanċjat, ċar u prevedibbli għall-Privattivi Standard Essenzjali (fil-ħarifa 2017).
  • Inizjattiva biex jitjieb il-funzjonament tal-akkwist pubbliku fl-UE, inkluż mekkaniżmu volontarju sabiex l-awtoritajiet li jkunu qed jippjanaw proġetti infrastrutturali kbar jingħataw gwida u ċarezza (fil-ħarifa tal-2017).
  • L-estensjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet għas-setturi tal-industrija ewlenin ġodda bħalma huma l-kostruzzjoni, l-azzar, il-karta, it-teknoloġiji ekoloġiċi u l-enerġiji rinnovabbli, il-manifattura u t-trasport marittimu (fil-ħarifa tal-2017).
  • Strateġija dwar il-finanzi sostenibbli sabiex il-flussi ta' kapital privat jiġu orjentati aħjar lejn investimenti aktar sostenibbli (fil-bidu tal-2018).
  • Inizjattivi għal politika kummerċjali bbilanċjalta u progressiva u Qafas Ewropew għat-tgħarbil tal-investimenti diretti barranin li jistgħu jkunu ta' theddida għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku (adottati fit-13 ta' Settembru 2017).
  • Lista riveduta tal-materja prima kritika biex il-Kummissjoni tkompli tgħin sabiex tiġi żgurata l-provvista sigura, sostenibbli u bi prezz aċċessibbli għall-industrija tal-manifattura tal-UE (adottata fit-13 ta' Settembru 2017).
  • Proposti ġodda għal mobilità nadifa, kompetittiva u konnessa, inkluż standards tal-emissjonijiet tas-CO2 aktar stretti għall-karozzi u l-vannijiet, Pjan ta' Azzjoni għal Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi li jappoġġja l-użu ta' infrastruttura għall-iċċarġjar u azzjonijiet għat-trawwim tas-sewqan awtonomu (fil-ħarifa tal-2017).

It-tqegħid fil-prattika ta' din l-istrateġija ħolistika huwa responsabbiltà kollettiva. Is-suċċess tagħha jiddependi fuq l-isforzi u l-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-Istati Membri, tar-reġjuni u l-aktar importanti tiddependi fuq ir-rwol attiv tal-industrija nnifisha.

Il-kuntest

L-industrija tal-Ewropa hija b'saħħitha u żammet pożizzjoni minn ta' quddiem f'bosta setturi fis-swieq globali. L-industrija tammonta għal żewġ terzi tal-esportazzjonijiet tal-UE u tipprovdi l-impjieg lil 32 miljun ruħ, u 1,5 miljun minn dawn l-impjiegi nħolqu mis-sena 2013 'il quddiem. Iżda biex il-vantaġġ kompetittiv tagħha jinżamm u jissaħħaħ, huwa meħtieġ sforz importanti ta' modernizzazzjoni. Huwa għalhekk li l-industrija tinsab fiċ-ċentru tal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni ta' Juncker. Il-politiki kollha tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jpoġġu lill-industrija f'qagħda fejn toħloq l-impjiegi u tagħti spinta lill-kompetittività tal-Ewropa, trawwem l-investiment u l-innovazzjoni f'teknoloġiji nodfa u diġitali kif ukoll tiddefendi r-reġjuni u lill-ħaddiema Ewropej l-iktar milqutin mill-bidla industrijali.

Teknoloġiji ġodda tal-produzzjoni qed jibdlu x-xenarju industrijali tal-Ewropa u għandhom rwol dejjem aktar importanti sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità tal-impriżi Ewropej biex jikkompetu globalment. Huma se joħolqu l-impjiegi permezz ta' għadd ta' mezzi, u t-teknoloġiji li huma aktar produttivi jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-ekonomija inġenerali. Jista' jkollhom ukoll impatt aktar profond fuq in-natura u d-disponibbiltà tax-xogħol. Il-futur tal-industrija Ewropea se jiddependi fuq il-kapaċità tagħha li tadatta u tkun innovattiva kontinwament permezz ta' investiment f'teknoloġiji ġodda, u billi taċċetta l-bidliet li ġabu magħhom iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b'livell baxx ta' karbonju. Fl-istess ħin, il-kompetizzjoni fid-dinja hija akbar minn qatt qabel u l-benefiċċji mill-globalizzazzjoni u mill-progress teknoloġiku mhumiex imqassmin b'mod uniformi fis-soċjetajiet tagħna. Il-Kummissjoni ta' Juncker trid tindirizza dan.

Il-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker jisħqu fuq l-importanza ta' industrija li trendi sew u b'saħħitha għall-ġejjieni tal-ekonomija tal-Ewropa. Il-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir permezz tal-innovazzjoni u tal-investiment minn dak iż-żmien 'l hawn kienu fiċ-ċentru tal-inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni. Il-Pjan ta' Juncker (il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa) u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jgħinu biex ir-riżorsi jiġu mobilizzati biex tingħata spinta lill-irkupru ekonomiku; l-appoġġ għall-innovazzjoni tal-UE jgħin biex l-industrija u b'mod partikolari l-SMEs jużaw il-potenzjal tagħhom; l-Ewropa hija minn ta' quddiem nett fl-ispinta globali għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u ċirkolari permezz tal-inizjattivi tagħha dwar l-ekonomija ċirkolari, l-enerġija nadifa u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju; it-teknoloġiji abilitanti essenzjali jgħinu lill-industrija tikkompeti globalment; l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali u l-Istrateġija dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija marbuta magħha kif ukoll il-Pjan ta' Azzjoni għall-5G għall-Ewropa jgħinu lill-impriżi biex jieħdu vantaġġ minn żviluppi ġodda u biex joħolqu ekonomija bbażata fuq id-dejta li tiffunzjona sew; l-Istrateġija għal Suq Uniku tagħmilha possibbli għall-industrija biex ikollha aċċess għal suq ta' 500 miljun konsumatur u biex il-ktajjen ta' valur li jkunu ħielsa minn dazji jew ostakoli tekniċi jkunu konnessi; u l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa tgħin biex il-persuni li hemm wara l-industrija tagħna jiġu mgħammra b'ħiliet aħjar.

Dawn il-politiki orizzontali li jirrigwardaw l-industriji kollha huma kkumplimentati minn għadd ta' politiki speċifiċi għal setturi strateġiċi, inkluż l-Istrateġija Spazjali, biex l-Industrija Spazjali b'saħħitha u kompetittiva tal-Ewropa tkompli tinbena, proposta għal Fond Ewropew għad-Difiża li se jservi ta' katalist għall-industrija tad-difiża kompetittiva u innovattiva tal-Ewropa, u għadd wiesa' ta' inizjattivi għal industrija tal-karozzi li tkun nadifa sostenibbli u kompetittiva (inkluż l-inizjattiva l-Ewropa Attiva, l-azzjonijiet biex jitrażżan it-tniġġis mill-karozzi u l-azzjoni GEAR2030) u Komunikazzjoni dwar l-Azzar sabiex jiġi żgurat li l-industrija tal-azzar Ewropea tkun tista' tikkompeti b'mod ġust fis-swieq tad-dinja. 

 

Aktar informazzjoni:

IP/17/3185

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar