Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2017 - Il-Pakkett tal-Kummerċ Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin

Brussell, I-14ta' settembru 2017

L-Istat tal-Unjoni 2017 - Il-Pakkett tal-Kummerċ Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin

1

Fit-13 ta' Settembru, fl-indirizz annwali tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker iddikjara: “Ippermettuli ngħid darba għal dejjem: aħna m'aħniex kummerċjanti ħielsa inġenwi. L-Ewropa trid dejjem tiddefendi l-interessi strateġiċi tagħha. Għal din ir-raġuni, illum qed nipproponu qafas ġdid tal-UE għat-tgħarbil tal-investiment. Jekk kumpanija statali barranija tkun trid takkwista port Ewropew, parti mill-infrastruttura tal-enerġija tagħna jew kumpanija tat-teknoloġija tad-difiża, dan għandu jseħħ biss fit-trasparenza, bl-iskrutinju u bid-dibattitu. Hija responsabbiltà politika li nkunu nafu x'qed jiġri ġo darna stess sabiex, jekk ikun hemm bżonn, inkunu nistgħu nipproteġu s-sigurtà kollettiva tagħna.”

Il-Kummissjoni Ewropea llum żvelat proposti biex jiġi stabbilit qafas Ewropew għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani fl-Unjoni Ewropea. B'mod parallel, il-Kummissjoni se tibda analiżi dettaljata tal-flussi ta' investiment dirett barrani fl-UE u tistabbilixxi grupp ta' koordinazzjoni mal-Istati Membri biex jgħin fl-investigazzjoni ta' preokkupazzjonijiet strateġiċi u soluzzjonijiet konġunti fil-qasam tal-investiment dirett barrani.

Il-Viċi President Jyrki Katainen qal: “L-UE hija u se tibqa' waħda mis-sistemi ta' regolamenti dwar l-investiment l-aktar miftuħa fid-dinja. L-investiment dirett barrani huwa sors importanti ta' tkabbir, ta' impjiegi u ta' innovazzjoni. Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li f'ċerti każijiet l-akkwiżizzjonijiet barranin jistgħu jkunu ta' dannu għall-interessi tagħna.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Cecilia Malmström qalet:”L-għan li qed nipproponu huwa li nżommu l-Ewropa miftuħa għall-investiment barrani, b'qafas mhux diskriminatorju, trasparenti u prevedibbli. Qafas Ewropew biex niskrinjaw l-investimenti diretti barranin jkun jippermettilna li nirreaġixxu b'mod kollettiv u li niddefendu l-interessi strateġiċi Ewropej tagħna meta dawn ikollhom riskji quddiemhom.”

L-UE għandha waħda mill-aktar sistemi ta' regolamenti dwar l-investiment miftuħa fid-dinja. L-aċċess miftuħ għall-investiment barrani huwa minqux fit-Trattati tal-UE. Madankollu, f'xi każijiet l-investituri barranin jista' jkollhom l-intenzjoni li jakkwistaw assi strateġiċi li jippermettulhom jikkontrollaw jew jinfluwenzaw ditti Ewropej li l-attivitajiet tagħhom ikunu kritiċi għas-sigurtà u għall-ordni pubbiku tagħna. Dan jinkludi attivitajiet marbuta mat-tħaddim jew il-provvista ta' teknoloġiji kritiċi, l-infrastruttura, data jew informazzjoni sensittiva. L-akkwisti minn kumpaniji statali barranin jew ikkontrollati minnu f'dawn l-oqsma strateġiċi jistgħu jippermettu lil pajjiżi terzi biex jużaw dawn l-assi mhux biss għad-detriment tal-vantaġġ teknoloġiku tal-UE, izda wkoll biex iqiegħdu f'riskju s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħna.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi qafas legali ġdid sabiex l-Ewropea tkun tista' tmantni l-interessi essenzjali tagħha. Dan jinkludi:

  • Qafas Ewropew għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin mill-Istati Membri abbażi ta' sigurtà jew ordni pubbliku, inkluż obbligi ta' trasparenza, ir-regola ta' trattament indaqs fost l-investimenti ta' oriġini differenti, u l-obbligu li jiġu żgurati possibbiltajiet adegwati ta' rimedju għar-rigward ta' deċiżjonijiet adottati taħt dawn il-mekkaniżmi ta' rieżami.
  • Mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-mekkaniżmu jista' jiġi attivat meta investiment barrani speċifiku fi Stat Membru wieħed jew aktar ikun jista' jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku ta' Stat ieħor.
  • Skinjar mill-Kummissjoni Ewropea abbażi ta' sigurtà jew ordni pubbliku għal każijiet li fihom l-investiment dirett barrani fl-Istati Membri jkun jista' jaffettwa proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni. Dan jinkludi proġetti u programmi fl-oqsma tar-riċerka (Orizzont 2020), l-ispazju (Galileo), it-trasport (in-Netwerks Trans-Ewropej għat-Trasport, TEN-T), l-enerġija (TEN-T) u t-telekomunikazzjonijiet.

Il-qafas il-ġdid ta' skrinjar tal-investiment fil-livell tal-UE se jiżgura t-trasparenza u l-prevedibbiltà għall-investituri u l-gvernijiet nazzjonali. Huwa se jkun imsejjes fuq il-mekkaniżmi ta' rieżami li diġà jeżistu fi 12-il Stat Membru [1]u mhux se jaffettwa l-kompetenza tal-pajjiżi tal-UE li jadottaw kwalunkwe mekkaniżmu ta' rieżami jew inkella li jibqgħu mingħajr tali mekkaniżmi. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' deċiżjonijiet dwar l-investimenti diretti barranin, il-qafas Ewropew se jżomm il-flessibbiltà nazzjonali neċessarja. L-aħħar kelma rigward kull skrinjar tal-investiment tibqa' tal-Istati Membri.

Ir-Regolament propost dwar l-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-UE għandu bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill (il-proċedura leġislattiva ordinarja). Sabiex ma jintilifx żmien, il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qed tipproponi, b'mod parallel li immedjatament tipproċedi b'żewġ miżuri addizzjonali.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni se tistabbilixxi grupp ta' koordinazzjoni dwar l-investiment dirett barrani li jidħol, li jkun ikopri l-kwistjonijiet kollha fl-ambitu tar-Regolament dwar l-Iskrinjar propost, iżda jħalli li ssir ukoll diskussjoni usa'. Il-kompitu wiesa' tiegħu jkun jinkludi l-identifikazzjoni ta' setturi u assi li jkollhom implikazzjonijiet strateġiċi minn perspettiva ta' sigurtà, ordni pubbliku u/jew kontroll ta' assi kritiċi fil-livell nazzjonali, dak transfruntier jew fil-livell Ewropew. Il-grupp se jkun presedut mill-Kummissjoni u magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri kollha.

Il-grupp se jiskambja informazzjoni u l-aħjar prattiki, kif ukoll analiżi dwar l-investimenti diretti barranin. Se jiddiskuti kwistjonijiet ta' preokkupazzjoni komuni, bħal ma huma s-sussidji u prattiki oħra minn pajjiżi terzi li jiffaċilitaw l-akkwisti strateġiċi.

It-tieni, sa tmiem l-2018, il-Kummissjoni se tagħmel analiżi fid-dettal tal-flussi ta' investiment dirett barrani lejn l-UE, li jiffoka fuq setturi strateġiċi (bħal ma huma l-enerġija, l-ispazju u t-trasport), u assi (bħal ma huma teknoloġiji kruċjali, infrastruttura kritika, data sensittiva) li l-kontroll tagħhom jista' jqajjem tħassib għal raġunijiet ta' sigurtà jew ta' ordni pubbliku. Dan huwa l-każ b'mod partikolari meta l-investitur ikun proprjetà ta' jew ikkontrollat minn pajjiż terz jew ikun jibbenefika minn sussidji sinifikanti tal-Istat. F'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiġbor data dettaljata, tanalizza x-xejriet, u tevalwa l-impatt tal-investimenti, inkluż permezz ta' studji ta' każijiet.

L-isfond

L-UE għandha waħda mill-aktar sistemi ta' regolamenti dwar l-investiment miftuħa fid-dinja, u l-Istati Membri tal-UE kollettivament għandhom l-anqas restrizzjonijiet fid-dinja fuq l-investiment dirett barrani. L-OECD b'mod espliċitu għarfet dan fl-Indiċi dwar ir-Restrizzjonijiet Regolatorji għall-IDB li jkejjel l-ostakoli statutorji kontra l-investiment barrani f'aktar minn 60 pajjiż.

Id-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar l-immaniġġjar tal-globalizzazzjoni għaraf li jeżisti tħassib li qiegħed jikber dwar l-akkwisti strateġiċi minn investituri barranin ta' kumpaniji Ewropej b'teknoloġiji kruċjali. Dawn il-preokkupazzjonijiet qajmu dubji dwar kemm il-qafas regolatorju preżenti jista' jindirizzahom.

F'Ġunju 2017 il-Kunsill Ewropew laqa' b'mod pożittiv l-inizjattiva tal-Kummissjoni li timmaniġġja l-globalizzazzjoni u speċifikament li tanalizza l-investimenti minn pajjizi terzi f'setturi strateġiċi.

Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, “biex jiskrinjaw l-investimenti diretti barranin lejn l-UE f'industriji strateġiċi, l-infrastruttura u t-teknoloġiji ewlenin tal-ġejjieni, jew assi oħra li huma importanti fl-interessi tas-sigurtà u l-protezzjoni ta' aċċess għalihom".

Għal aktar tagħrif

Skeda informattiva li tippreżenta l-proposta tal-Kummissjoni

Ir-Regolament Propost

Komunikazzjoni dwar li nilqgħu l-investiment dirett barrani b'mod pożittiv filwaqt li nipproteġu l-interessi essenzjali.

Dokument ta' ħidma tal-persunal

Id-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tal-globalizzazzjoni

Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-immaniġġjar tal-globalizzazzjoni u l-analiżi tal-investimenti minn pajjżi terzi f'setturi strateġiċi

 

[1] L-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit.

IP/17/3183

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar