Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2017 - il-Pakkett tal-Kummerċ: Il-Kummissjoni tiżvela inizjattivi għal politika tal-kummerċ bilanċjata u progressiva

Brussell, I-14ta' settembru 2017

L-Istat tal-Unjoni 2017 - il-Pakkett tal-Kummerċ: Il-Kummissjoni tiżvela inizjattivi għal politika tal-kummerċ bilanċjata u progressiva

1

Fit-13 ta' Settembru, matul id-diskors annwali tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker qal: “Irrid li aħna nsaħħu l-aġenda Ewropea għall-kummerċ tagħna, Iva, l-Ewropa hija miftuħa għan-negozju. Iżda jrid ikun hemm ir-reċiproċità. Irridu nirċievu dak li nagħtu. Il-kummerċ mhux xi ħaġa astratta. Il-kummerċ jirrigwarda l-impjiegi, il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għan-negozji tal-Ewropa, kbar u żgħar. Kull EUR 1 biljun addizzjonali f'esportazzjonijiet jappoġġja 14,000 impjieg ieħor fl-Ewropa. Il-kummerċ jirrigwarda l-esportazzjoni tal-istandards tagħna, sew jekk standards soċjali u sew jekk ambjentali, rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel jew protezzjoni tad-data.

Wara d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, il-Kummissjoni llum żvelat pakkett qawwi ta' proposti tal-kummerċ u tal-investiment għal aġenda tal-kummerċ progressiva u ambizzjuża. Il-proposti jinkludu l-ħolqien ta' qafas Ewropew tal-iskrinjar sabiex jiġi żgurat li l-investiment barrani dirett ma jikkompromettix l-interessi strateġiċi tal-UE f'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku kif ukoll abbozzi ta' mandati biex jinfetħu n-negozjati dwar il-kummerċ mal-Awstralja u man-New Zealand. F'mossa biex tagħmel il-politika kummerċjali tal-UE l-aktar waħda trasparenti u inklussiva fid-dinja, il-Kummissjoni ddeċidiet li twaqqaf Grupp Konsultattiv dwar il-ftehimiet kummerċjali tal-UE u li mil-lum ‘il quddiem tippubblika kull proposta ġdida għal mandati ta' negozjar. Fl-aħħar nett, il-proposti tal-lum jinkludu abbozz ta' mandat biex jinbnew negozjati lejn il-ħolqien ta' qorti multilaterali tal-investiment.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal: “Biex ikun hemm kummerċ ħieles u ġust, hemm bżonn li nibbilanċjaw il-ftuħ tas-swieq għall-kummerċ u l-investiment, bħala l-mutur kruċjali tal-prosperità tagħna, ma' regoli internazzjonali li jżommu mal-istandards għolja u l-valuri komuni tagħna u li nipproteġu l-interessi tagħna. Huwa għalhekk li aħna qegħdin nipproponi bħala parti mill-pakkett kummerċjali qorti ta' investiment multilaterali li tkun ġusta u imparzjali. Tali sistema ta' qorti se tippermettilna li nsibu l-bilanċ ġust bejn l-interessi tal-istati u l-investituri u l-leġittimità demokratika neċessarja billi tiġi żgurata l-indipendenza, ir-responsabbilta u t-trasparenza.”

Il-Viċi President Jyrki Katainen qal: “Il-kummerċ globali jeħtieġ li jkun imsawwar u ġestit b'mod proattiv sabiex jiġi żgurat li huwa ġust, li jipproġetta l-valuri u jibqa' ankrat b'mod sod f'sistema bbażata fuq ir-regoli. Hekk kif qiegħed jiżdied it-theddid mill-protezzjoniżmu u qiegħed jiddagħajjef l-impenn ta' parteċipanti kbar fil-governanza globali tal-kummerċ, l-UE għandha timxi fuq quddiem. L-approċċ tagħna huwa bbilanċjat u responsabbli: aħna niftħu s-swieq iżda wkoll nistabbilixxu regoli u standards għolja li jirregolaw il-globalizzazzjoni u naraw li jkun hemm sitwazzjoni ekwa għal kulħadd. Il-kummerċ jippermetti lill-industrija tal-UE li timxi ‘il quddiem, toħloq opportunitajiet għall-SMEs li jesportaw u tippermettilhom li joħolqu l-impjiegi.

Il-Kummssarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström qalet: “Id-dinja teħtieġ mexxejja fil-kummerċ. L-UE tkompli tippromwovi l-kummerċ ħieles u ġust, fuq quddiem fi grupp ta' pajjiżi li jaħsbuha l-istess. Il-pakkett ta' proposti tal-lum turi din it-tmexxija fl-azzjoni. Turi wkoll id-determinazzjoni tagħna li tiġi żviluppata politika dwar il-kummerċ fl-UE b'mod li jkun miftuħ u inklussiv kemm jista' jkun. U fil-ġimgħat li ġejjin se nkun qed naħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-gvernijiet tal-UE, permezz tal-Kunsill tal-UE, biex immexxi ‘l quddiem dawn il-proposti malajr kemm jista' jkun.”

L-elementi ewlenin tal-pakkett huma:

  • Proposta għal qafas Ewropew li jiskrinja l-investiment dirett barrani. Dan se jiżgura li l-investiment barrani jibqa' sors ewlieni ta' tkabbir fl-UE, filwaqt li jipproteġi l-interessi essenzjali tal-UE. Il-proposta leġiżlattiva hi akkumpanjata minn sett ta' miżuri oħra li għandhom effett immedjat. Dawn huma deskritti fid-dettall f'Komunikazzjoni ddedikata li tiddeskrivi l-ħtieġa strateġika għal dan l-iskrinjar.
  • Rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill għall-ftuħ ta' negozjati għal ftehimiet kummerċjali mal-Awstralja u man-New Zealand. Dawn il-ftehimiet jibnu fuq il-ftehimiet ta' suċċess reċenti mal-Kanada, mal-Vjetnam, ma' Singapor u mal-Ġappun, fost l-oħrajn, u jespandu l-alleanza ta' sħab impenjati favur regoli progressivi għall-kummerċ globali.
  • Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jiftaħ negozjati biex tiġi stabbilita qorti multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment. Din l-innovazzjoni maġġuri fil-governanza globali se tkun pass ieħor lejn approċċ aktar trasparenti, koerenti u ġust biex jiġu indirizzati l-ilmenti tal-kumpaniji fi ftehimiet tal-protezzjoni tal-investiment.
  • Trasparenza mingħajr preċedent: Bil-pubblikazzjoni tal-abbozzi ta' mandat għal ftehimiet kummerċjali bilaterali mal-Awstralja u ma' New Zealand, u għal ftehim multilaterali dwar is-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika minn issa r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħha għal direttivi ta' negozjati għal ftehimiet kummerċjali (magħrufa bħala mandati ta' negozjar). Meta jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dawn id-dokumenti, b'mod parallel, se jintbagħtu awtomatikament lill-Parlamenti nazzjonali kollha u se jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali. Dan għandu jippermetti dibattitu wiesgħa u inklużiv dwar il-ftehimiet ippjanati mill-bidu nett. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jaraw li jkun hemm involviment tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u reġjonali rilevanti fit-taħditiet kummerċjali fl-aktar stadju bikri possibbli.
  • Il-ħolqien ta' Grupp Konsultattiv dwar il-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Il-grupp se jippermetti lill-Kummissjoni biex tidħol f'kuntatt mas-soċjetà ċivili u tiġbor aktar faċilment perspettivi u għarfien differenti minn grupp wiesgħa u bbilanċjat ta' partijiet ikkonċernati, li jvarjaw minn trejdjunjins sa organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, gruppi tal-konsumatur u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħrajn. Il-ħolqien ta' dan il-Grupp huwa kontinwazzjoni tal-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħmel il-politika kummerċjali aktar trasparenti u inklużiva.

Id-dettalji tal-pakkett tal-kummerċ huma deskritti fil-Komunikazzjoni dwar “Politika Kummerċjali Progressiva biex Nisfruttaw il-Globalizzazzjoni”. Huwa akkumpanjat minn rapport ta' progress dwar l-istrateġija tal-politika kummerċjali tal-UE “Kummerċ għal Kulħadd” li jħares lejn l-implimentazzjoni tagħha wara sentejn.

Sfond

Il-kummerċ globali huwa kontributur ewlieni għal-Unjoni Ewropea kompetittiva u prospera, b'aktar minn 30 miljun impjieg appoġġati minn esportazzjonijiet Ewropej lejn il-bqija tad-dinja. 90 % tat-tkabbir dinji fil-ġejjieni se jseħħ barra mill-fruntieri tal-Ewropa. Ekonomija integrata globalment għalhekk tkompli tibbenefika kemm lill-kumpaniji Ewropej il-kbar kif ukoll lil dawk żgħar jew ta' daqs medju, u wkoll liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lill-konsumaturi Ewropej.

F'Ottubru 2015, il-Kummissjoni pproponiet strateġija ġdida tal-kummerċ u tal-investiment għall-Unjoni Ewropea, intitolata "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”. Il-Komunikazzjoni u l-ħames inizjattivi tal-lum huma maħsuba biex jibnu fuq din l-istrateġija fil-kuntest tad-Dokument ta' Riflessjoni usa' tal-Kummissjoni dwar l-Immaniġġar tal-Globalizzazzjoni ta' Mejju 2017.

Għal aktar tagħrif

Komunikazzjoni Politika tal-kummerċ ibbilanċjata u progressiva għall-immaniġġjar tal-globalizzazzjoni

Rapport ta' implimentazzjoni “Kummerċ għal Kulħadd”

Stqarrija għall-istampa dwar l-iskrinjar tal-investiment

Skeda informattiva dwar l-iskrinjar tal-investiment

Abbozz ta' mandat għan-negozjati mal-Awstralja

Abbozz ta' mandat għan-negozjati man-New Zealand

Skeda informattiva dwar negozati fil-futur mal-Awstralja u n-New Zealand

Abbozz ta' mandat għal negozjati biex tinħoloq qorti ta' investiment multilaterali

Skeda informattiva dwar negozati fil-futur għal qorti ta' investiment multilaterali

Skeda informattiva dwar it-trasparenza

L-Indirizz dwar L-istat tal-Unjoni 2017 tal-PRESIDENT JEAN-CLAUDE JUNCKER

IP/17/3182

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar