Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2017: Il-President Juncker isaħħaħ ir-regoli tal-etika għall-Membri tal-Kummissjoni f'Kodiċi ta' Kondotta ġdid

Brussell, it-13ta' settembru 2017

Il-President Juncker, fl-okkażjoni tad-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 tal-lum, ħabbar Kodiċi ta' Kondotta ġdid għall-Membri tal-Kummissjoni.

1

Il-President Juncker, fl-okkażjoni tad-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 tal-lum, ħabbar Kodiċi ta' Kondotta ġdid għall-Membri tal-Kummissjoni. Ir-regoli mmodernizzati jistabbilixxu standards ġodda għal regoli etiċi fl-Ewropa. It-tħabbira tal-lum tkompli mal-ispinta tal-President Juncker għal aktar trasparenza sa mill-bidu tal-mandat tiegħu u l-proposta riċenti tiegħu biex il-perjodu ta' “preklużjoni” jkun estiż minn 18-il xahar, kif jinsab bħalissa, għal sentejn għal eks Kummissarji u għal tliet snin għall-President tal-Kummissjoni. L-immodernizzar propost illum jimxi pass aktar 'il quddiem billi jistabbilixxi regoli aktar ċari u standards tal-etika ogħla filwaqt li jintroduċi aktar trasparenza f'għadd ta' oqsma. Se joħloq ukoll Kumitat Indipendenti tal-Etika li se jieħu post il-Kumitat tal-Etika Ad hoc attwali, biex jirrinforza l-istatus tiegħu, isaħħaħ l-iskrutinju u jipprovdi konsulenza rigward l-istandards etiċi.

Il-Kodiċi ta' Kondotta l-ġdid għall-Membri tal-Kummissjoni jinkludi, b'mod partikolari, it-titjib li ġej:

  • Attivitajiet wara t-tluq mill-kariga: Kif imħabbar f'Novembru 2016 f'ittra lill-Parlament Ewropew, il-Kodiċi ta' Kondotta l-ġdid jestendi l-perjodu ta' “preklużjoni” minn 18-il xahar (kif jinsab bħalissa) għal sentejn għal eks Kummissarji u għal tliet snin għall-President tal-Kummissjoni. Matul il-perjodu ta' preklużjoni, l-eks Membri tal-Kummissjoni jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni qabel jibdew impjieg ġdid u se jkunu wkoll soġġetti għal restrizzjonijiet f'ċerti attivitajiet, bħal lobbying ma' membri jew ma' impjegati tal-Kummissjoni.
  • Prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess: Il-Kodiċi ta' Kondotta l-ġdid jiddefinixxi, għall-ewwel darba, x'inhu “kunflitt ta' interess” u jistabbilixxi bħala prinċipju mhux biss li l-Kummissarji jevitaw sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess, iżda wkoll sitwazzjonijiet li jaf jagħtu tali impressjoni. Jekk jagħti l-każ li l-eks Kummissarji jkun beħsiebhom jaħdmu f'oqsma li jkunu relatati mal-portafolli preċedenti tagħhom, jeħtieġ li l-ewwel jiġi kkonsultat il-Kumitat Indipendenti tal-Etika. Mil-lum 'il quddiem, kemm id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat relatati ma' deċiżjonijiet bħal dawn se jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-pubbliku.
  • Interessi finanzjarji: Regoli aktar stretti se japplikaw ukoll għall-interessi finanzjarji tal-Kummissarji. Dawn se jkollhom jiddikjaraw investimenti ta' aktar minn EUR 10,000, irrispettivament minn jekk jistax ikun hemm kunflitt ta' interess jew le. F'każ ta' kunflitt ta' interess minħabba xi assi partikolari ta' Kummissarju, il-President se jkun jista' jitlob għaċ-ċessjoni tiegħu jew għat-tqegħid tiegħu fi trust fil-għama (blind trust). Il-Kummissarji għandhom jaġġornaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom fil-bidu ta' kull sena, kif diġà jsir bħalissa.
  • Trasparenza u l-obbligu ta' rendikont: Il-Kummissarji huma l-aqwa ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea fl-Istati Membri kollha u madwar id-dinja u l-President Juncker iħeġġiġhom ikomplu jivvjaġġaw proprju għal din ir-raġuni. Dan iridu jagħmluh bl-aktar mod effettiv f'termini ta' spejjeż. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż rigward l-ivvjaġġar ta' kull Kummissarju se tkun ippubblikata kull xahrejn.
  • L-infurzar tar-regoli: Il-Kulleġġ, fl-applikazzjoni tiegħu tal-Kodiċi, se jkun assistit minn Kumitat Indipendenti tal-Etika ġdid u rinfurzat li se jkun f'pożizzjoni li joffri konsulenza dwar il-kwistjonijiet kollha ta' etika u jagħmel rakkomandazzjonijiet relatati mal-Kodiċi. F'każ ta' ksur tal-Kodiċi li ma jkunx jiġġustifika li l-kwistjoni titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista' tesprimi twiddiba u trendiha pubblika. Din hija xi ħaġa ġdida li dan l-aħħar intużat mill-Kummissjoni Juncker u li issa se titnaqqax fir-regoli l-ġodda.

Il-proposta tal-President Juncker f'Novembru li l-Kummissarji jingħataw il-permess li jkunu kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew mingħajr ma jkollhom għalfejn jieħdu xi liv ta' assenza hija wkoll parti mir-regoli l-ġodda.

Il-Passi li Jmiss:

Bħalissa, il-President Juncker qiegħed jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, abbażi tal-Ftehim Qafas bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Il-Kodiċi ta' Kondotta propost se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2018. Dan se jkun imbagħad applikabbli għall-Membri attwali kollha tal-Kummissjoni Juncker.

Fi spirtu ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont, il-Kummissjoni se tippubblika rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi.

Għal Aktar Informazzjoni:

- Il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji tal-2017

- It-test tal-Artikolu 245

- Il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji tal-2011

- Ħolqa għall-istqarrija għall-istampa dwar l-ittra tal-President Juncker lill-President Schulz dwar kemm il-perjodu ta' preklużjoni kif ukoll il-kampanji elettorali tal-PE

IP/17/3167

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar