Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tal-Unjoni 2017: Nisfruttaw ir-riħ fil-qala' tagħna

Brussell, it-13ta' settembru 2017

L-Istat tal-Unjoni 2017: Nisfruttaw ir-riħ fil-qala' tagħna

1

 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, illum għamel id-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni 2017, quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, waqt li ppreżenta l-prijoritajiet tiegħu għas-sena li ġejja u ddeskriva l-viżjoni tiegħu dwar kif tista' tevolvi l-Unjoni Ewropea sal-2025 (ara d-diskors sħiħ). Huwa ppreżenta Pjan Direzzjonali għal Unjoni Aktar Magħquda, Aktar Qawwija u Aktar Demokratika (ara l-Iskeda Informattiva dwar il-Pjan Direzzjonali).

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, illum sostna: “Ir-riħ reġa' qed jonfoħ fil-qala' tal-Ewropa. Iżda dan mhu se jeħodna mkien sakemm ma nisfruttawhx. (…) Irridu nfasslu d-direzzjoni għall-ġejjieni. Bħalma kiteb Mark Twain, għada pitgħada se nkunu aktar diżappuntati minħabba l-affarijiet li ma għamilniex, milli minħabba dawk li għamilna. Issa wasal iż-żmien li nibnu Ewropa aktar magħquda, aktar qawwija u aktar demokratika għall-2025.

Id-diskors tal-President Juncker fil-Parlament Ewropew kien akkumpanjat mill-adozzjoni ta' inizjattivi konkreti mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kummerċ, it-tgħarbil tal-investiment, iċ-ċibersigurtà, l-industrija, id-data u d-demokrazija, biex mill-kliem ngħaddu minnufih għall-fatti.

Sensiela ta'skedi informattivi li ġew ippubblikati llum japprofondixxu wkoll fuq uħud mill-elementi ewlenin imsemmija fid-diskors tal-President.

Il-Messaġġi Ewlenin tad-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017

Ir-Riħ fil-Qala' Tagħna

“Wara għaxar snin minn mindu faqqgħet il-kriżi, l-ekonomija tal-Ewropa fl-aħħar qed terġa' tqum fuq saqajha. U id f'id magħha, qed titreġġa' lura l-fiduċja tagħna. Il-mexxejja tal-UE27 tagħna, il-Parlament u l-Kummissjoni qegħdin jerġgħu jsibu post l-Ewropa lura fl-Unjoni tagħna. Flimkien qegħdin insibu mill-ġdid post l-Unjoni fl-Unjoni tagħna.

Nibqgħu fir-Rotta

Aħna u nimirħu lejn il-ġejjieni, ma nistgħux inħallu lilna nfusna nintelqu għal riħna (…) Irridu ntemmu dak li bdejna fi Bratislava.

Il-Kummerċ: Is-sħab madwar id-dinja bdew jaslu bil-gzuz fuq l-għatba tal-bieb tagħna biex jikkonkludu ftehimiet kummerċjali magħna. (…) Illum, qed nipproponu li niftħu negozjati kummerċjali mal-Awstralja u ma' New Zealand.

Ippermettuli ngħid darba għal dejjem: aħna m'aħniex kummerċjanti ħielsa inġenwi. L-Ewropa trid dejjem tiddefendi l-interessi strateġiċi tagħha. Huwa għal din ir-raġuni li llum qed nipproponu qafas ġdid tal-UE għat-tgħarbil tal-investiment..

L-Industrija: Jiena kburi bl-industrija tal-karozzi tagħna. Iżda jien nitkexkex meta l-konsumaturi jiġu mqarrqa b'mod konsapevoli u deliberatament. Nappella lill-industrija tal-karozzi biex ikunu onesti magħhom infushom u jġibuha żewġ.”

“L-Istrateġija l-ġdida dwar il-Politika Industrijali li qed nippreżentaw illum se tgħin lill-industriji tagħna biex jibqgħu jew biex isiru l-mexxejja globali fl-innovazzjoni, fid-diġitizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni."

It-Taqtigħa kontra t-Tibdil fil-Klima: “ B'determinazzjoni kontra n-nuqqas, f'daqqa waħda, ta' ambizzjoni fl-Istati Uniti, l-Ewropa se tiżgura li lill-pjaneta tagħna nroddulha lura l-grandjożità tagħha. Hija wirt kondiviż tal-umanità kollha.

Iċ-Ċibersigurtà: “L-attakki ċibernetiċi jistgħu jkunu aktar perikolużi għall-istabbiltà tad-demokraziji u tal-ekonomiji mill-ixkubetti u t-tankijiet tal-gwerra. (…) Illum, il-Kummissjoni qed tipproponi għodod ġodda, fosthom Aġenzija Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, sabiex tgħin biex tiddefendina.

Il-Migrazzjoni: “L-Ewropa hija u trid tibqa' l-kontinent tas-solidarjetà fejn dawk li qed jaħarbu mill-persekuzzjoni jistgħu jsibu kenn.

Għandna fruntieri komuni iżda l-Istati Membri li, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, jintlaqtu l-ewwel, ma jistgħux jitħallew waħedhom biex jipproteġuhom. Il-fruntieri komuni u l-protezzjoni komuni jridu jimxu id f'id.

Ma nistax nitkellem dwar il-migrazzjoni mingħajr ma nagħti ġieħ lill-Italja għall-ħidma bla heda u nobbli tagħhom. (…) L-Italja qed issalva l-unur tal-Ewropa fil-Mediterran.

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (ara l-Iskeda Informattiva): Jien kburi b'mod partikolari biż-żgħażagħ Ewropej (…) li qed iservu fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà l-ġdid tagħna. Qegħdin jagħtu l-ħajja lill-prinċipju ta' solidarjetà Ewropea.

L-Afrika (ara l-Iskeda Informattiva): “Irridu wkoll nuru solidarjetà mal-Afrika. L-Afrika hija kontinent nobbli u żagħżugħ, in-nieqa tal-umanità. Il-Fond Fiduċjarju UE-Afrika ta' EUR 2.7 biljun li għandna qed joħloq opportunitajiet ta' xogħol fil-kontinent kollu.

Niftħu l-Qlugħ u Nsalpaw

Issa wasal iż-żmien li nisiltu l-konklużjonijiet inizjali minn dan id-dibattitu [dwar il-ġejjieni tal-Ewropa]. Iż-żmien li mir-riflessjoni ngħaddu għall-azzjoni. Mid-dibattitu għad-deċiżjoni. Illum nixtieq nippreżentalkom fehmti: “ix-xenarju sitta” kollu kemm hu tiegħi, jekk irridu nsejħulu hekk.

Għalija, l-Ewropa hija aktar minn sempliċiment suq uniku. Aktar milli sempliċiment flus, aktar mill-ewro. Minn dejjem kienet dwar il-valuri.

Lvant sal-Punent: “Il-wisa' tal-Ewropa testendi minn Vigo sa Varna. Minn Spanja sal-Bulgarija. Lvant sal-Punent: L-Ewropa trid tieħu n-nifs biż-żewġ pulmuni tagħha. Inkella l-kontinent tagħna se jbati biex jieħu n-nifs.”

L-Istazzjonar tal-Ħaddiema (ara l-Iskeda Informattiva): F'Unjoni ta' ugwali, ma jistax ikun hemm ħaddiema tat-tieni klassi. Il-ħaddiema għandhom jaqilgħu l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post.”

Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ara l-Iskeda Informattiva): “Ma jagħmilx sens li jkollna Awtorità Bankarja biex tissorvelja l-istandards bankarji, mentri mbagħad ma jkollniex Awtorità komuni tax-Xogħol li tiżgura l-ġustizzja fis-suq uniku tagħna. Se noħolqu waħda.

Differenzi fl-Ikel (ara l-Iskeda Informattiva): “F'Unjoni ta' ugwali, ma jistax ikun hemm konsumaturi tat-tieni klassi. Jien mhux se naċċetta li f'xi nħawi tal-Ewropa, il-konsumaturi jinbigħilhom ikel ta' kwalità inferjuri minn dik ta' pajjiżi oħra (…) Is-Slovakki ma jistħoqqilhomx li jkollhom inqas ħut fil-fish fingers tagħhom. L-Ungeriżi ma jistħoqqilhomx li jkollhom inqas laħam fl-ikliet tagħhom. Iċ-Ċeki ma jistħoqqilhomx inqas kawkaw fiċ-ċikkulata tagħhom.

L-Istat ta' Dritt: “Fl-Ewropa, is-saħħa tal-liġi ħadet post il-liġi ta' min hu b'saħħtu (…)L-istat tad-dritt mhuwiex fakultattiv fl-Unjoni Ewropea. Huwa imperattiv.

Is-sentenzi tal-Qorti jridu jiġu rrispettati minn kulħadd. Li nimminawhom, jew li nimminaw l-indipendenza tal-qrati nazzjonali jfisser li nkunu qed inċaħdu liċ-ċittadini mid-drittijiet fundamentali tagħhom.

Iż-Żona Schengen: “Jekk irridu nsaħħu l-protezzjoni tal-fruntieri esterni tagħna, jeħtieġ allura li niftħu ż-żona Schengen għall-Bulgarija u għar-Rumanija minnufih. Għandna wkoll nippermettu lill-Kroazja biex issir membru sħiħ ladarba tissodisfa l-kriterji kollha. ”

Iż-Żona tal-Euro (ara l-Iskeda Informattiva): “Jekk irridu li l-ewro jgħaqqad il-kontinent tagħna u mhux jifirdu, allura dan għandu jkun aktar mill-munita ta' grupp selettiv ta' pajjiżi. L-ewro huwa intenzjonat li jkun il-munita unika tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

It-tkabbir: “Irid ikollna perspettiva ta' tkabbir kredibbli għall-Balkani tal-Punent (…) Jidher biċ-ċar li mhux se jkun hemm tkabbir ulterjuri matul [dan] il-mandat (…) Iżda mbagħad l-Unjoni Ewropea se tkun numerikament akbar minn 27.”

It-Turkija: “It-Turkija ilha għal xi żmien tagħmel passi ta' granċ lil hinn mill-Unjoni Ewropea.”

“Post il-ġurnalisti huwa fil-kamra tal-aħbarijiet u mhux il-ħabs. Posthom huwa fejn issaltan il-libertà tal-espressjoni.

L-appell li qed nagħmel lil dawk bit-tmun f'idejhom fit-Turkija huwa dan: Illiberaw lill-ġurnalisti tagħna.”

Votazzjoni b'Maġġoranza Kwalifikata rigward it-Taxxa: “Jien ferm favur li ngħaddu għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għal deċiżjonijiet dwar il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva, dwar il-VAT, dwar taxxi ġusti għall-industrija diġitali u dwar it-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji.

Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi (ara l-Iskeda Informattiva): “Għandna bżonn Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi: Ministru Ewropew li jippromwovu u jappoġġja riformi strutturali fl-Istati Membri tagħna.”

“M'għandniex bżonn ta' strutturi paralleli (…) Il-Parlament taż-żona tal-euro huwa l-Parlament Ewropew.”

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu: “Nappella għal unità ta' Intelligence Ewropea li tiżgura li d-data li tikkonċerna lit-terroristi u lill-ġellieda barranin titqassam b'mod awtomatiku mas-servizzi ta' intelliġenza u mal-pulizija.

Attur globali aktar b'saħħtu: Irrid l-Istati Membri jaraw liema deċiżjonijiet ta' politika barranija jistgħu jinbidlu minn unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata. It-Trattat dan diġà jipprevedih.

Regolamentazzjoni Aħjar (ara l-Iskeda Informattiva): “Ma rridux nindaħlu fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej (…) Ma rridux nivvintaw xi sensiela ta' inizjattivi ġodda jew nippruvaw niksbu dejjem aktar kompetenzi. Irridu nagħtu lura l-kompetenzi lill-Istati Membri fejn jagħmel sens li nagħmlu dan.”

Se nistabbilixxi Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità dan ix-xahar stess, li tagħti ħarsa kritika ħafna lejn l-oqsma kollha ta' politika sabiex jiġi żgurat li aħna nkunu qegħdin naġixxu biss fejn l-UE tagħti valur miżjud.

Riforma Istituzzjonali: “Kieku kellna ngħaqqdu lill-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill Ewropew, l-Ewropa taħdem aħjar (…) L-Ewropa tkun aktar faċli li wieħed jifhimha kieku t-tmun ikun f'idejn kaptan wieħed (…) Li jkollna President wieħed jirrifletti aħjar in-natura vera tal-Unjoni Ewropea tagħna, kemm bħala Unjoni ta' Stati kif ukoll bħala Unjoni ta' ċittadini.

“Jekk irridu nsaħħu d-demokrazija Ewropea, mela allura ma nistgħux nreġġgħu lura l-progress demokratiku miksub bil-ħolqien tal-kandidati ewlenin – l-'iSpitzenkandidaten'.”

Pjan Direzzjonali

Il-ġejjieni tagħna ma jistax jibqa' xi xenarju. Hemm bżonn li nħejju l-Unjoni ta' għada sa mil-lum.”

Fit-30 ta' Marzu 2019, se nkunu Unjoni ta' 27. Jien nissuġġerixxi li nħejju ruħna sew għal dan il-mument, kemm fi ħdan is-27 Stat Membru, kif ukoll fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

It-tama tiegħi hi li fit-30 ta' Marzu 2019, l-Ewropej isibu ruħhom f'Unjoni fejn ilkoll kemm aħna nappoġġjaw il-valuri tagħna. Fejn l-Istati Membri kollha jirrispettaw bil-qawwi l-istat tad-dritt. (…)Fejn sostnejna l-pedamenti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna sabiex inkunu nistgħu niddefendu l-munita unika tagħna fiż-żminijiet tajbin kif ukoll f'dawk mhux daqstant tajbin mingħajr ma jkollna nitolbu għal għajnuna esterna. (…) Fejn President wieħed imexxi l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropew wara li jkun ġie elett wara kampanja demokratika ta' elezzjoni madwar l-Ewropa kollha.

Bdejna nsewwu s-saqaf. Iżda issa hemm bżonn li nlestu l-biċċa xogħol, issa li x-xemx qed tiżreġ u sakemm għadha qed tiżreħ (…) Mela ħalli nħollu l-għollieqa. Ħalli nbaħħru lil hinn mill-port. U nisfruttaw l-irjieħ tar-rotta fil-qala' tagħna.

Sfond

Ta' kull sena f'Settembru, il-President tal-Kummissjoni Ewropea jagħmel id-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni quddiem il-Parlament Ewropew, fejn janalizza r-riżultati milħuqin fis-sena mgħoddija u jippreżenta l-prijoritajiet għas-sena li tkun ġejja. Il-President jistabbilixxi wkoll kif il-Kummissjoni se tindirizza l-iktar sfidi urġenti li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja. Wara d-diskors ikun hemm diskussjoni plenarja. Din tagħti bidu għal djalogu mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill sabiex jitħejja l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena ta' wara.

Barra minn hekk, il-President Juncker u l-ewwel Viċi President Timmermans illum bagħtu Ittra ta' Intenzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-Presidenza tal-Kunsill li tistabbilixxi fid-dettall l-azzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu permezz ta' leġiżlazzjoni u inizjattivi oħra sa tmiem is-sena ta' wara (l-2018 f'dan il-każ). Dan huwa previst speċifikament fil-Ftehim Qafas tal-2010 għar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

Għal Iktar Informazzjoni

Il-fuljett tal-Istat tal-Unjoni 2017 inklużi:

  • Id-Diskors awtorizzat dwar l-Istat tal-Unjoni
  • L-Ittra ta' Intenzjoni
  • Il-Progress li sar rigward l-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni
  • Il-Pjan Direzzjonali għal Unjoni Ewropea Aktar Magħquda, Aktar Qawwija u Aktar Demokratika

Il-paġna web dwar l-Istat tal-Unjoni 2017

L-10 prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea

 

 

IP/17/3164

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar