Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Awtoritajiet tal-Konsumatur u l-Kummissjoni Ewropea jħeġġu lil Volkswagen sabiex jiffinalizza t-tiswijiet tal-karozzi kollha milquta mill-iskandlu tal-emissjonijiet

Brussell, is-7ta' settembru 2017

Illum, l-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea bagħtu ittra konġunta lill-Kap Eżekuttiv ta' Volkswagen li fiha jħeġġu lill-grupp biex isewwi f'qasir żmien il-karozzi kollha milquta mill-iskandlu “dieselgate”.

Dan jifforma parti minn azzjoni konġunta tal-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE, biex ikun żgurat li l-grupp Volkswagen jirrispetta l-liġi tal-konsumatur fil-perjodu suċċessiv għall-iskandlu u jkun proattiv fil-konfront tal-konsumaturi kkonċernati. L-awtoritajiet tal-konsumatur fl-UE kollha għadhom qed jirċievu indikazzjonijiet li ħafna mill-karozzi milquta għadhom ma ssewwewx.

Wara taħditiet mal-Kummissarju Jourová fl-2016, Volkswagen ħa impenn li jsewwi l-karozzi kollha milquta sal-ħarifa 2017. Illum, l-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE, taħt it-tmexxija tal-Awtorità għall-Konsumaturi u għas-Swieq (ACM) tan-Netherlands, qegħdin iħeġġu lil Volkswagen biex jikkonferma, fi żmien xahar, li dan il-pjan se jkun irrispettat. Huma qed jesiġu trasparenza assoluta dwar dan il-proċess, inkluż rendikont dettaljat dwar dak li sar sa issa u dak li għad fadal isir. Volkswagen għandu jiggarantixxi li se jieħu ħsieb isolvi kull problema potenzjali li tfeġġ wara t-tiswija, billi l-Kummissjoni talbet li l-karozzi Volkswagen kollha milquta għandhom jinġiebu konformi mar-regoli tal-approvazzjoni skont it-tip.

Il-Kummissarju Jourová sostniet: “B'sodisfazzjoni qed nara li l-awtoritajiet tal-konsumatur, bħala eżekuturi tal-liġi tal-UE, huma magħquda fil-konfront ta' Volkswagen u jinsistu li t-talbiet tagħna jkunu rrispettati. Billi jiġbdu l-istess ħabel, l-awtoritajiet tal-konsumatur jistgħu jiggarantixxu li l-liġi tal-konsumatur tal-UE titħares kullimkien fl-Unjoni. Dan huwa ta' rilevanza partikolari meta jkunu qed jiġu trattati problemi pan-Ewropej, bħal dik tal-każ ta' VW li jolqot aktar minn 8 miljun konsumatur fi Stati Membri differenti. Bil-pożizzjoni konġunta tal-lum, il-konsumaturi tal-UE jistgħu jserrħu rashom li għandhom l-appoġġ kemm tal-awtoritajiet tal-konsumatur fl-Istati Membri kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea u li mhux se tkun aċċettata l-ebda miżura mqanżħa.”

L-awtoritajiet tas-CPC jistennew rispons mingħand Volkswagen dwar il-punti li ġejjin, fost l-oħrajn:

  • Trasparenza u komunikazzjoni Volkswagen għandu jgħarraf lill-konsumaturi b'mod individwali dwar it-tiswija mill-aktar fis possibbli. Volkswagen għandu jagħti biżżejjed informazzjoni lill-konsumaturi biex dawn ikunu jistgħu jaslu għal deċiżjoni infurmata kif suppost. F'konformità mad-Direttiva dwar prattiċi kummerċjali żleali, din għandha tinkludi informazzjoni bħal:

o Ir-raġunijiet preċiżi u ċari għaliex hemm bżonn li l-karozza ssirilha tiswija;

o Minn xiex tikkonsisti t-tiswija;

o Xi jridu jagħmlu biex jieħdu l-karozza tagħhom għat-tiswija;

o X'jista' jiġri jew x'se jiġri jekk il-karozzi tagħhom ma jissewwewx;

o F'liema Stati Membri, il-karozzi li ma jkunux issewwew mhux se jibqgħu tajbin għat-triq u meta.

  • Tingħata informazzjoni lis-sidien ta' karozzi użati u lill-konsumaturi li ma akkwistawx mingħand konċessjonarji Volkswagen: Fir-rigward tal-konsumaturi li xtraw il-vetturi tagħhom minn bnadi oħra li mhumiex konċessjonarji ta' Volkswagen jew li mhux qed jagħmlu l-manutenzjoni tagħhom għand tali konċessjonarji (pereż. karozzi użati, karozzi mixtrija direttament mingħand importaturi), Volkswagen għandu jimmassimizza l-isforzi biex jinforma lil dawn is-sidien tal-karozzi.
  • Il-Miżura ta' Ksib tal-Fiduċja: L-awtoritajiet tal-konsumatur laqgħu b'sodisfazzjon il-miżura ta' ksib tal-fiduċja mħabbra mill-grupp Volkswagen, li tagħti garanzija lill-konsumaturi rigward it-tiswija. Illum, l-awtoritajiet tas-CPC talbu lil Volkswagen biex jikkomunika dan b'mod attiv lil dawk kollha kkonċernati; ma jillimitahiex biss għal ċertu partijiet tal-karozza u lanqas għal perjodu ta' żmien speċifiku; u biex il-garanzija li l-prestazzjoni kumplessiva tal-karozzi se tinżamm anki wara t-tiswija, tkun waħda legalment vinkolanti.
  • Sostenn lill-bejjiegħa tal-karozzi fil-proċess tat-tiswija: Filwaqt li r-responsabbiltà għall-iżgurar tal-konformità tat-tip tal-karozzi hija tal-manifatturi, skont id-Direttiva dwar il-Bejgħ u l-Garanzija, ir-responsabbiltà għal kull difett meta l-oġġetti jkunu fornuti hija tal-bejjiegħ. L-awtoritajiet jistaqsu lil Volkswagen biex juża l-mezzi kollha possibbli biex jiffaċilita l-ħidma tal-bejjiegħa tal-karozzi.
  • Estensjoni tal-proċess tat-tiswija: L-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE jitolbu lil Volkswagen biex jikkonferma l-iskeda taż-żmien li fiha se jissewwew il-karozza kollha. Jekk jagħti l-każ li l-proċess tat-tiswija jdum aktar mill-ħarifa 2017, Volkswagen għandu jintrabat li jestendi l-perjodu għal tiswija bla ħlas tas-softwer sakemm ikun hemm bżonn sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jiżgura li l-karozzi kollha jikkonformaw mal-liġi tal-konsumatur tal-UE.

Il-passi li jmiss

L-awtoritajiet tal-konsumatur tal-UE jitolbu lil Volkswagen biex iwieġeb fi żmien xahar għat-talba tagħhom u biex jiddjaloga fil-livell Ewropew. Se jkun f'idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi x'azzjonijiet imiss jittieħdu jekk ma jkun hemm l-ebda reazzjoni mingħand Volkswagen għal din il-pożizzjoni komuni jew jekk ma jkunx jista' jintlaħaq ftehim. L-awtoritajiet jistgħu jieħdu azzjoni adattata għaċ-ċirkostanzi lokali tagħhom inkluża azzjoni ta' infurzar fejn ikun hemm bżonn.

Sfond

Ir-Regolament tal-UE dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi (CPC) jgħaqqad l-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur f'netwerk pan-Ewropew tal-infurzar. Bis-saħħa ta' dan il-qafas, awtorità nazzjonali f'pajjiż wieħed tal-UE tista' titlob lill-kontraparti tagħha f'pajjiż ieħor tal-UE biex tintervjeni f'każ ta' ksur transfruntiera tar-regoli tal-konsumatur tal-UE.

Il-kooperazzjoni hija applikabbli għar-regoli tal-konsumatur li jkopru diversi oqsma, bħad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur jew id-Direttiva dwar il-Bejgħ u l-Garanzija.

Fl-ambitu tal-qafas tas-CPC, l-awtoritajiet jwettqu rieżami regolari ta' kwistjonijiet ta' tħassib komuni għall-protezzjoni tal-konsumatur fis-Suq Uniku u jikkoordinaw is-sorveljanza tas-suq tagħhom u l-azzjonijiet eventwali ta' infurzar. Il-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet u l-koordinazzjoni tagħhom.

Għal aktar informazzjoni

Politika tal-konsumatur tal-UE

IP/17/3102

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar