Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Pakkett tax-Xitwa tas-Semestru Ewropew: analiżi tal-progress tal-Istati Membri lejn il-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali

Brussell, it-22ta' frar 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat l-analiżi annwali tagħha dwar il-qagħda ekonomika u soċjali fl-Istati Membri, inkluża valutazzjoni tal-iżbilanċi li għad hemm.

Qed tippubblika wkoll rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Patt Fiskali, rapport li janalizza l-qagħda tad-dejn fl-Italja u rapport, flimkien ma' proposta lill-Kunsill għal multa, fil-każ ta' misrappreżentazzjoni tal-istatistika mill-Awstrija.

L-Istati Membri qed jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tal-gwida individwali dwar il-politika li rċevew is-sena li għaddiet rigward it-”trianglu virtuż” li tingħata spinta lill-investiment, jiġu insegwiti riformi strutturali u żgurati politiki fiskali responsabbli. Din il-valutazzjoni tal-progress tal-Istati Membri hija parti miċ-ċiklu annwali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE u hija magħrufa bħala l-Pakkett tax-Xitwa tas-Semestru Ewropew. Dan il-pakkett isegwi t-tbassir ekonomiku li ġie ppubblikat il-ġimgħa li għaddiet.

Is-27 Rapport tal-Pajjiż tal-lum (għall-Istati Membri kollha ħlief għall-Greċja, li hija taħt programm ta' sostenn speċifiku għaliha) jipprovdu l-analiżi annwali li jagħmel il-persunal tal-Kummissjoni dwar il-qagħda tal-ekonomiji tal-Istati Membri, inkluż fejn relevanti valutazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Wara li f'Novembru li għadda ġew ippubblikati l-L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017 u r-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro li stabbilixxew il-prijoritajiet għas-sena ta' wara fil-livell Ewropew, il-pakkett tal-lum jixħet l-attenzjoni fuq id-dimensjoni nazzjonali tas-Semestru Ewropew, bi tħejjija għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fir-rebbiegħa.

Il-pubblikazzjoni kmieni tar-Rapporti tal-Pajjiżi, qabel il-preżentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali u l-aġġornament tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi tal-Pajjiżi, hija parti mill-isforz li qed tagħmel il-Kummissjoni ta' Junker biex tissimplifika u ssaħħaħ is-Semestru Ewropew. Dan qed jippermetti li jkun hemm żmien għad-djalogu mal-Istati Membri dwar il-prijoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali u biex tkun riflessa attenzjoni akbar fuq l-impjiegi u kunsiderazzjonijiet soċjali.

Il-Viċi President Valdis Dombrovskis, responsabbli għall-Ewro u għad-Djalogu Soċjali, kif ukoll inkarigat mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u s-Swieq Kapitali tal-Ewropa, qal: “L-analiżi tal-lum turi li l-istrateġija ta' politika tagħna bbażata fuq li tingħata spinta lill-investiment, jiġu insegwiti riformi strutturali u politiki baġitarji sodi qed tagħti l-frott. Huwa għalhekk li, pjuttost milli ċ-ċittadini jingħataw wegħdiet foloz li ma jistgħux iseħħu, għandna nibqgħu ninsistu u nkomplu nindirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi u tad-dgħufijiet strutturali fl-ekonomiji tagħna. Il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimmiraw li jrendu l-ekonomiji tagħna aktar reżiljenti u jiżguraw li l-irkupru jinħass minn kulħadd."

Il-Kummissarju Marianne Thyssen, inkarigata mill-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, qalet: “L-Ewropa qed tagħmel progress veru. L-impjiegi qed ikomplu jiżdiedu u qed naraw li l-pagi qed jibdew jogħlew. Hekk kif qed nerġgħu naraw tkabbir moderat, irridu nużaw din l-opportunità biex nikkumbattu b'aktar saħħa r-riskju tal-faqar , l-inugwaljanza tal-introjtu u tal-opportunitajiet.”

Il-Kummissarju Pierre Moscovici, responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: “Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, ħafna pajjiżi tal-UE komplew jagħmlu – għalkemm għad mhux biżżejjed – progress biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi ewlenin tagħhom. Bil-ħafna inċertezza li hawn madwarna, ħaġa waħda hija ċara: dawn l-isfidi se jingħelbu biss jekk jiġu indirizzati b'mod deċiżiv, mill-gvernijiet li bħalissa jinsabu fil-poter kif ukoll dawk li jiġu warajhom.”

L-analiżi pprezentata fir-Rapporti tal-Pajjiżi tal-lum turi li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, l-irkupru ekonomiku kkontribwixxa biex ir-rati tal-qgħad jonqsu, minkejja li dawn għadhom ogħla mill-livelli ta' qabel il-kriżi. L-Analiżijiet fil-Fond li hemm f'xi rapporti minnhom juru li saru korrezzjonijiet fid-defiċits kbar tal-kontijiet kurrenti, filwaqt li ammont imdaqqas tal-istokks ta' dejn privat, pubbliku u estern bdew jonqsu bħala sehem mill-Prodott Domestiku Gross. Madankollu, għad baqa' għadd ta' riskji: il-bilanċi favorevoli tal-kontijiet kurrenti qed jiġu aġġustati biss sa ċertu punt, filwaqt li stokks kbar ta' self improduttiv qed ikunu ta' piż fuq is-settur finanzjarju f'xi Stati Membri.

F'Novembru li għadda, il-Kummissjoni varat Analiżijiet fil-Fond għal 13-il Stat Membru sabiex tanalizza jekk kienx qed ikollhom żbilanċi makroekonomiċi u biex tivvaluta l-gravità ta' dawn l-iżbilanċi. It-13-il Stat Membru li ġew eżaminati fil-fond din is-sena kollha kien qed ikollhom żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi s-sena l-oħra. Ir-riżultati ta' dawn l-Analiżijiet huma inklużi fir-Rapporti tal-Pajjiż korrispondenti.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Finlandja issa mhux qed ikollha żbilanċi skont it-tifsira tal-Proċedura ta' Żbilanċi Makroekonomiċi (Macroeconomic Imbalances Procedure - MIP) It-12-il Stat Membru l-oħrajn qed jiffaċċaw jew żbilanċi (6) jew żbilanċi eċċessivi (6). Dawn it-12 se jkomplu jkunu soġġetti għal monitoraġġ speċifiku adattat għall-grad u n-natura tal-iżbilanċi tagħhom. Dan se jiffoka fuq ir-rispons ta' politika tagħhom permezz ta' djalogu intensifikat mal-awtoritajiet nazzjonali, permezz ta' missjonijiet ta' esperti u permezz ta' rapporti dwar il-progress. Is-sommarju tal-Analiżijiet fil-Fond huwa kif ġej:

  • Il-Bulgarija, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Portugall u Ċipru qed ikollhom żbilanċi ekonomiċi eċċessivi.
  • Il-Ġermany, l-Irlanda, Spanja, in-Netherlands, is-Slovenja u l-Iżvezja qed ikollhom żbilanċi ekonomiċi.
  • Il-Finlandja mhux qed ikollha żbilanċi ekonomiċi.

Ir-Rapport dwar it-traspożizzjoni tal-Patt Fiskali

Illum il-Kulleġġ addotta wkoll Komunikazzjoni u rapport dwar it-traspożizzjoni tal-Patt Fiskali fil-liġi nazzjonali. Il-Patt Fiskali huwa aspett ċentrali tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) intergovernamentali. Huwa jorbot 22 Stat Membru (iż-żona tal-ewro kif ukoll il-Bulgarija, id-Danimarka u r-Rumanija) bil-prinċipji ta' dixxiplina fiskali msaħħa u ta' regola baġitarja bbilanċjata b'mekkaniżmu ta' korrezzjoni. Il-Patt Fiskali ġie mfassal bħala parti mir-rispons ta' politika tal-UE għall-kriżi ekonomika u finanzjarja. Uħud mill-elementi tiegħu ġew minn dak iż-żmien inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Ir-rapport tal-lum juri li dawk l-Istati Membri kollha li jiffurmaw parti mill-Patt Fiskali s'issa introduċew is-sostanza tal-Patt Fiskali fl-oqfsa fiskali nazzjonali tagħhom It-tifsiliet nazzjonali jvarjaw iżda din hija konsegwenza naturali tal-qafas stabbilit mit-Trattat, li jistipula l-prinċipji u rekwiżiti relattivament wisgħin.

Fi żmien il-ftehim dwar il-Patt Fiskali, ma kienx possibbli jiġi konkluż it-Trattat fl-ordinament ġuridiku tal-UE, għalhekk intagħżel il-perkors ta' trattat intergovernamentali. Madankollu, huma previsti passi lejn l-inkorporar tat-TSKG fid-dritt tal-UE sabiex jiżdiedu r-responsabbiltà u leġittimità demokratika madwar l-Unjoni.

Rapport dwar il-qagħda tad-dejn fl-Italja

Il-Kummissjoni adottat ukoll rapport dwar l-Italja skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fejn hija tanalizza l-konformità tal-pajjiż mal-kriterju tad-dejn tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u r-ritmu referenzjarju tat-tnaqqis lejh.

Ir-rapport jikkonkludi li sakemm ma jidħlux fis-seħħ b'mod kredibbli l-miżuri strutturali addizzjonali, li jiswew mill-inqas 0.2 % tal-PDG, li l-gvern ħa l-impenn l-jadotta sa mhux iktar tard minn April 2017, biex tonqos id-diskrepanza fil-konformità fuq livell ġenerali mal-parti preventiva sal-2017 (u għalhekk fl-2016), għandu jitqies li fil-preżent ma hemmx konformità mal-kriterju tad-dejn kif iddefinit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997.

Madanakollu, deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv tittieħed biss fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017, billi jitqiesu d-dejta tar-riżultati għall-2016 u l-implimentazzjoni tal-impenji fiskali li għamlu l-awtoritajiet Taljani fi Frar tal-2017.

Rapport dwar każ ta' misrappreżentazzjoni statistika u proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward multa għall-Awstrija.

Illum il-Kummissjoni adottat ukoll proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni għall-Kunsill biex l-Awstrija tħallas multa ta' EUR 29.8 miljun għall-misrappreżentazzjoni ta' xi dejta tal-gvern dwar id-dejn. B'segwitu għal investigazzjoni u xi skambji mal-awtoritajiet Awstrijaċi, il-Kummissjoni rriżultalha li negliġenza serja minn entitajiet pubbliċi tal-Istat ta' Salzburg (Land Salzburg) wasslet għall-misrappreżentazzjoni tan-notifiki ta' statistika fl-2012 u fl-2013 fir-rigward tad-defiċit u d-dejta dwar id-dejn tal-Awstrija lill-Eurostat bejn l-2008 u l-2012. Id-dejn u ċ-ċifri tad-defiċit tal-Awstrija, ladabra ġew ikkoreġuti f'April 2014, ġew ippubblikati mingħajr riżerva mill-Eurostat.

Il-passi li jmiss skont is-Semestru Ewropew

Il-Kunsill huwa mistenni li jiddiskuti r-Rapporti tal-Pajjiżi tal-Kummissjoni u r-riżultati tal-Analiżijiet fil-Fond. Imbagħad il-Kumissjoni se tmexxi laqgħat bilaterali mal-Istati Membri dwar ir-rapporti rispettiv tagħhom. Il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji se jżuru lill-Istati Membri biex jiltaqgħu mal-gvernijiet, mal-parlamenti nazzjonali, mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati. Dawn id-diskussjonijiet isegwu l-involviment ikbar tal-Istati Membri qabel il-publikazzjoni tar-Rapport tal-Pajjiżi u għandhom ikomplu fi żmien it-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u l-Programmi ta' Stabbiltà jew Konverġenza.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istat Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali u lill-partijiet soċjali u jiżguraw il-paternità tal-proċess ta' riforma minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati. B'mod partikolari, l-Istati Membri se jiġu mistiedna biex jispjegaw kif inhuma involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tħejjija tal-Programm, peress li s-suċċess tal-implimentazzjoni jiddependi wkoll fuq id-diversi livelli tal-gvern.

Il-Kummissjoni se tipproponi sett ġdid ta' Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż iktar tard fir-rebbiegħa.

Sfond

Il-pubblikazzjoni bikrija tar-Rapport tal-Pajjiżi hija parti mill-isforzi tal-Kummissjoni Juncker biex tissimplifika u ssaħħaħ is-Semestru Ewropew b'konformità mar-Rapport tal-Ħames Presidenti u mal-passi mħabbra mill-Kummissjoni biex tiġi kkompletata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa. It-tibdil ġie introdott sabiex iħalli spazju għal djalogu effikaċi dwar il-prijoritajiet Ewropej, inklużi l-isfidi taż-żona tal-ewro, fil-bidu taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, u biex jiġi ddedikat iktar żmien għad-djalogu mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha. Ir-rapporti tal-lum jirriflettu wkoll attenzjoni ikbar fuq l-impjiegi u l-kunsiderazzjonijiet soċjali li l-Kummissjoni qed tintroduċi fis-Semestru Ewropew.

Is-sena -oħra l-Kummissjoni ċċarat ukoll l-implimentazzjoni tal-proċedura dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi u għamlitha aktar trasparenti billi naqqset l-għadd ta' kategoriji għall-iżbilanċi minn sitta għal erbgħa: l-ebda żbilanċ, żbilanċi, żbilanċi eċċessivi u żbilanċi eċċessivi b'azzjoni korrettiva (proċedura ta' żbilanċ eċċessiv). Dan tħabbar fil-Komunikazzjoni dwar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja ta' Ottubru 2015.

Aktar informazzjoni

Memo

Komunikazzjoni dwar ir-Rapporti tal-Pajjiżi

Rapporti tal-Pajjiżi

Komunikazzjoni u rapport dwar il-Patt Fiskali

Rapport dwar il-qagħda tad-dejn fl-Italja

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward multa għall-Awstrija

Memo dwar l-Awstrija

Rapport dwar l-Awstrija

Tbassir Ekonomiku tax-Xitwa 2017

Il-bidu tas-Semestru Ewropew 2017: Il-Pakkett tal-Ħarifa

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2017

 

IP/17/308

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar