Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE se tvara Alleanza globali għal Kummerċ Liberu mit-Torturi

Brussell, is-7ta' settembru 2017

Il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Cecilia Malmström illum ħabbret li l-UE se tniedi Alleanza internazzjonali għal Kummerċ Liberu mit-Torturi.

L-inizjattiva – sforz konġunt mal-Arġentina u l-Mongolja – għandha l-għan li ttemm il-kummerċ ta' oġġetti użati għall-piena kapitali u t-tortura u se tiġi varata formalment fit-18 ta' Settembru waqt il-ġimgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.

L-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Torturi hija sforz globali minn pajjiżi minn madwar id-dinja kollha biex jieqaf il-kummerċ f'oġġetti użati għat-tortura u l-piena tal-mewt. Id-dritt internazzjonali jipprojbixxi t-tortura f'kull ċirkostanza. Minkejja dan, madwar id-dinja għadhom qed jiġu kkummerċjalizzati għodod ta' mewt u wġigħ. Dawn jinkludu lembubi bil-ponot tal-metall, ċintorini li jagħtu x-xokkijiet elettriċi, aġġeġġi li jaqbdu lil dak li jkun minn qaddu, driegħu jew riġlu filwaqt li jamministrawlu xokk elettriku, kimiki użati għall-eżekuzzjoni tan-nies u sistemi ta' injezzjoni sfurzata li jmorru magħhom.

"Dawn il-prodotti ma għandhom l-ebda fini għajr li jikkawżaw uġigħ terribbli jew joqtlu lin-nies. Qatt ma għandna nippermettu li dawn jiġu kkumerċjalizzati qishom prodott kwalunkwe. Wasal iż-żmien għal azzjoni konkreta biex nagħlqu l-bibien għal dan il-kummerċ odjuż," qalet il-Kummissarju Malmström.

"Ir-regoli tal-UE stess f'dan il-qasam kellhom riżultati pożittivi, imma l-produtturi ta' dawn l-oġġetti jippruvaw iduru ma' din il-leġiżlazzjoni. Iktar ma jiffirmaw pajjiżi biex jikkooperaw, iktar inkunu effikaċi. Tul żmieni bħala Kummissarju u Membru tal-Parlament Ewropew, iltqajt ma' vittmi tat-tortura f'ħafna okkażjonijiet – refuġjati, priġunieri tal-kuxjenza, priġunieri kkundannati għall-mewt. Jiena konvinta li l-politika tal-kummerċ tista' tkun mod biex insaħħu d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja" żiedet tgħid il-Kummissarju Malmström.

Il-varar fit-18 ta' Settembru fil-kwartieri ġenerali tan-NU huwa r-riżultat ta' sforz konġunt bejn l-UE, l-Arġentina u l-Mongolja, u se jara lill-pajjiżi jiffirmaw dikjarazzjoni politika konġunta (is-sit tal-Alleanza – www.torturefreetrade.org – issa huwa onlajn). B'kollox xi 50 pajjiż membru tan-NU huma mistennija jingħaqdu dakinhar tal-varar. Dawn ġejjin minn madwar id-dinja – l-Afrika, l-Amerka ta' Fuq, l-Amerka t'Isfel, l-Ażja u l-Ewropa. L-Alleanza tista' tkun bażi għal kooperazzjoni usa' fin-NU f'dan il-qasam.

Il-pajjiżi li jipparteċipaw fl-Alleanza, ikunu qed jaqblu mal-erba' punti ta' azzjoni:

  • Jieħdu miżuri biex jikkontrollaw u jirrestrinġu l-esportazzjonijiet ta' dawn l-oġġetti;
  • Jipprovdu l-għodod xierqa lill-awtoritajiet doganali. L-Alleanza se tistabbilixxi pjattaforma għall-monitoraġġ tal-flussi kummerċjali, l-iskambju tal-informazzjoni u l-identifikazzjoni ta' prodotti ġodda;
  • Jagħtu aċċess għal assistenza teknika biex jgħinu lill-pajjiżi jistabbilixxu u jimplimentaw liġijiet biex jipprojbixxu dan il-kummerċ;
  • Jiskambjaw prattiki għal sistemi ta' kontroll u infurzar effikaċi.

L-UE hija impenjata fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u fil-ġlieda kontra t-tortura u fl-abolizzjoni tal-piena tal-mewt. Il-leġiżlazzjoni stretta tal-UE fil-kummerċ ta' oġġetti li jintużaw għat-tortura jew għall-piena tal-mewt diġà ħalliet ir-riżultati. Sa ċertu punt, minħabba r-regoli iktar stretti tal-UE, id-drogi għall-injezzjonijiet letali sar iktar diffiċli biex tiksibhom u saru iktar għaljin biex tixtrihom.

Imma l-leġiżlazzjoni tal-UE tapplika fl-Ewropa biss. Il-produtturi u n-negozjanti ta' dawn l-oġġetti jippruvaw jaħarbu mil-liġijiet tal-UE. B'hekk iktar ma jkun hemm pajjiżi li jimpenjaw ruħhom li jipprojbixxu l-esportazzjoni tagħhom, iktar ikunu effikaċi l-isforzi biex dan il-kummerċ jintemm. L-Alleanza hija mod kif jittieħdu azzjoni konkreta u passi speċifiċi biex jitwaqqaf il-kummerċ ta' dawn l-oġġetti globalment, u b'hekk isiru sinifikantement iktar diffiċli biex jinkisbu.

Sfond

Wieħed mill-għanijiet tal-politika barranija tal-UE huwa li tippromwovi r-rispett għad-drittijiet fundamentali. L-impenn tagħha li ttemm it-tortura u tabolixxi l-piena kapitali jinkludi mill-2005 'l hawn miżuri għall-prevenzjoni tal-kummerċ ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali jew għat-tortura jew tip ieħor ta' trattament krudili, inuman jew degradanti.

L-UE telenka l-prodotti pprojbiti u tipprovdi mekkaniżmu rapidu biex tiżgura li l-prodotti l-ġodda jkunu jistgħu jkunu pprojbiti wkoll. Hija għandha regoli fis-seħħ għall-kontrolli tal-esportazzjoni biex jipprevjenu prodotti mediċinali elenkati milli jintużaw għall-piena kapitali, għall-projbizzjoni tal-forniment ta' servizzi ta' senserija relatati ma' kull oġġett elenkat, u għal appoġġ tekniku lil pajjiżi terzi. Is-sena l-oħra, l-UE saħħet il-leġiżlazzjoni tagħha ulterjorment biex tiżgura li tinkludi projbizzjoni fuq it-tranżitu minn ġo territorju tal-UE u minn portijiet, u fuq il-promozzjoni, bħal f'fieri kummerċjali.

Għal aktar informazzjoni

Is-sit tal-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Torturi, inkluża informazzjoni dwar il-miri tal-Alleanza u r-reġistrazzjoni għall-avveniment tal-varar.

Vidjows u ritratti li tista' tniżżilhom jinsabu fl-EbS, inklużi immaġini ta' għodod tat-torturi u intervista mal-Kummissarju Malmström.

IP/17/3088

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar