Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Sigurtà: Il-Kummissjoni qed twettaq il-prijoritajiet ta' sigurtà tal-2017

Brussell, is-7ta' settembru 2017

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport dwar l-azzjonijiet li ttieħdu wara d-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 għat-titjib tas-sigurtà fil-fruntiera esterna tal-UE, it-titjib tal-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-egħluq tal-ispazju li fih joperaw it-terroristi u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.

Sena wara, il-Kummissjoni wettqet il-prijoritajiet kollha relatati mas-sigurtà stabbiliti mill-President Juncker. Dan l-Għaxar Rapport ta' Progress tal-Unjoni tas-Sigurtà jqis ukoll il-progress li sar dwar fajls l-oħra tas-sigurtà u jħares 'il quddiem għal ħidma kontinwa fit-12-il xahar li jmiss u lil hinn.

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni, u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Fl-aħħar sena, saru passi kbar għall-bini ta' Unjoni tas-Sigurtà ġenwina. Iżda l-attakki ta' dan l-aħħar xahar waħedhom juru li għad hemm il-bżonn li għad baqa' ħafna xi jsir biex niżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Il-miżuri kollha stabbiliti fid-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 u fil-Programm ta' Ħidma 2017 ġew implimentati. Dan għandu jitqies bħala bażi soda għal aktar azzjoni konġunta fis-snin li ġejjin. Jeħtieġ li naħdmu kollha flimkien b'fiduċja, l-istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE mal-Istati Membri, biex niżviluppaw Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva.”

Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King, qal: “L-UE qed tnaqqas l-ispazju fejn it-terroristi jistgħu joperaw: li jagħmilhielhom aktar diffiċli biex jivvjaġġaw, biex jitħarrġu, biex jiksbu l-flus, l-armi u l-isplussivi. Il-fruntieri esterni tagħna issa saru iktar siguri, tejjibna l-iskambju tal-informazzjoni dwar terroristi u l-kriminali oħra, u żidna l-ħidma mal-kumpaniji tal-internet u l-komunitajiet lokali biex nindirizzaw ir-radikalizzazzjoni. Iżda għad fadal aktar xi jsir, bħalma reġgħu wrew traġikamentl-attakki li seħħew dan l-aħħar. Iċ-ċittadini tagħna jistennew minna li nipproteġu u nsaħħu s-sigurtà tagħhom; għandna bżonn inwettqu l-impenji li għamilna billi naħdmu flimkien.”

Il-Kummissjoni appoġġjat lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom matul is-sena li għaddiet taħt żewġ pilastri ewlenin: l-indirizzar tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata u l-mezzi li jappoġġjawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini tar-reżiljenza kontra dan it-theddid.

Intejbu s-sigurtà fil-fruntiera esterna

  • Issa qed isiru verifiki sistematiċi kontra bażijiet tad-data tas-sigurtà tal-vjaġġaturi kollha, inklużi ċittadini tal-UE, li jaqsmu l-fruntieri esterni.
  • Intlaħaq ftehim politiku dwar is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ, li se tirreġistra d-data tad-dħul u l-ħruġ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE.
  • Għaddejja ħidma biex tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) biex twettaq verifiki ta' sigurtà fuq dawk li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-Ewropa qabel ma jaslu fil-fruntieri tagħna.

Intejbu l-iskambju tal-informazzjoni

  • Il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni biex issaħħaħ is-Sistema tal-Informazzjoni ta' Schengen (SIS) bħala l-għodda tal-infurzar tal-liġi tal-UE li rnexxiet l-aktar.
  • Sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-ġestjoni tad-data tal-UE, il-Kummissjoni ppreżentat proposti għall-iskambju ta' rekords kriminali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi permezz tas-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni tar-Rekords Kriminali (ECRIS).
  • Il-Kummissjoni ppreżentat approċċ ġdid biex tinkiseb l-interoperabbiltà ta' sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-fruntieri u s-sigurtà.
  • Ir-Regolament il-ġdid tal-Europol li daħal fis-seħħ f'Mejju jipprovdi lill-aġenzja bl-għodod biex issir aktar effettiva, effiċjenti u responsabbli. L-Aġenzija ġiet ukoll raffurzata b'aktar riżorsi.

Nagħlqu l-ispazji li fihom joperaw it-terroristi

  • Id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tikkriminalizza atti bħalma huma l-finanzjament tat-terroriżmu, it-teħid ta' taħriġ jew l-ivvjaġġar għal finijiet terroristiċi, u dan minbarra li ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu.
  • Id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar riveduta ġiet adottata biex ittejjeb il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-akkwist u l-pussess tal-armi u sabiex tipprevjeni lill-kriminali u lit-terroristi milli jaċċessaw armi ta' kwalità militari perikolużi. Il-Kummissjoni żiedet il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar illeċiti, b'mod partikolari fil-Balkani tal-Punent.
  • Il-Kummissjoni varat ir-reviżjoni tar-Regolament tal-UE dwar il-prekursuri tal-isplussivi, biex issaħħaħ ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli ta' sustanzi li jistgħu jintużaw biex isiru splussivi magħmulin id-dar.
  • Il-Grupp ta' Politika ta' Miri Faċli l-ġdid jipprovdi pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-linji gwida u l-iskambju tal-aħjar prattika dwar kif jiġu protetti ż-żoni pubbliċi.
  • Sabiex jiġi ttrattat il-finanzjament tat-terroriżmu, il-Kummissjoni ressqet tliet proposti biex jitlesta l-qafas legali dwar il-ħasil tal-flus, il-flussi ta' flus illeċiti u l-iffriżar u l-konfiska ta' assi.

Nipprevjenu r-radikalizzazzjoni

  • Il-Kummissjoni kompliet taħdem mal-pjattaformi tal-internet permezz tal-Forum tal-UE dwar l-Internet biex tnaqqas l-aċċess għal kontenut terroristiku u nediet il-Programm ta' Għoti tas-Setgħa lis-Soċjetà Ċivili biex tippromwovi narrattivi alternattivi onlajn. L-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Europol immarkat 35,000 element ta' kontenut terroristiku onlajn f'dawn l-aħħar sentejn, u tneħħew bejn 80-90%.
  • Il-Kummissjoni kompliet tappoġġa l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) u permezz tal-ħolqien ta' Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar ir-Radikalizzazzjoni.

Minbarra l-istabbiliment tad-dettalji ta' kif il-ħidma f'dawn l-oqsma ser tissokta fis-sena li ġejja, ir-Rapport tal-lum jagħti wkoll valutazzjoni preliminari tad-direzzjoni wara l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ftehim tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) bejn l-UE u l-Kanada. Ir-rapport jeżamina wkoll il-progress li sar fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u dwar is-sigurtà tat-trasport.

L-isfond

Is-sigurtà kienet prijorità politika sa mill-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni Juncker – mil-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker ta' Lulju 2014, sal-aħħar Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fl-14 ta' Settembru 2016.

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tiggwida x-xogħol li tagħmel il-Kummissjoni f'dan il-qasam, billi tistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin biex ikun żgurat rispons effettiv tal-UE għat-theddidiet mit-terroriżmu u għas-sigurtà, fosthom il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà, it-twaqqif tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll it-titjib fl-iskambju tal-informazzjoni. Sa mill-adozzjoni tal-Aġenda, sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha, li jwitti t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina. Dan il-progress huwa rifless fir-rapporti tal-Kummissjoni, ippubblikati fuq bażi regolari.

Ir-rapport ta' progress tal-Unjoni tas-Sigurtà li jmiss se jiġi ppreżentat f'Ottubru 2017.

Għal aktar tagħrif

Komunikazzjoni: L-Għaxar Rapport ta' Progress dwar l-Unjoni tas-Sigurtà

Komunikazzjoni: Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà

Skeda informattiva: Ewropa li tipproteġi

Skeda informattiva: Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà - is-sitwazzjoni attwali

IP/17/3082

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar