Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tniedi inizjattiva ġdida biex ittejjeb is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema

Brussell, I-10ta' jannar 2017

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu azzjoni biex tippromwovi s-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali (OSH) tal-UE.

L-investiment fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali jtejjeb il-ħajjiet tan-nies billi jiġu evitati l-inċidenti u l-mard relatat max-xogħol. Filwaqt li tibni fuq l-isforzi tal-passat, l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipproteġi aktar lill-ħaddiema kontra l-kanċer relatat max-xogħol, biex tgħin lin-negozji, b'mod partikolari l-SMEs u l-mikrointrapriżi, fl-isforzi tagħhom biex jikkonformaw mal-qafas leġiżlattiv eżistenti, u biex ikun hemm enfasi akbar fuq ir-riżultati u inqas fuq il-burokrazija.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, qalet: "Illum qed nippreżentaw pjan ta' azzjoni ċar għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fis-sod fuq il-post tax-xogħol tas-seklu 21, b'regoli li huma ċari, aġġornati u applikati b'mod effettiv fuq il-post. Inwasslu wkoll riżultati dwar l-impenn tagħna fil-ġlieda kontra l-kanċer relatat max-xogħol, billi nindirizzaw l-esponiment għal seba' sustanzi kimiċi oħra li jikkawżaw il-kanċer u b'hekk se titjieb il-protezzjoni ta' madwar 4 miljun ħaddiem fl-Ewropa. Se ngħaqqdu l-isforzi tagħna ma' dawk tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati biex noħolqu post tax-xogħol san u sikur għal kulħadd."

Matul dawn l-aħħar 25 sena, meta ntlaħaq qbil fuq l-ewwel Direttiva f'dan il-qasam fil-livell tal-UE, l-UE kienet minn ta' quddiem fl-istandards għoljin tal-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza fuq ix-xogħol. Mill-2008 'l hawn, l-għadd ta' ħaddiema li mietu b'inċident fuq ix-xogħol naqas bi kważi 25 %, u l-perċentwali ta' ħaddiema tal-UE li rrappurtaw tal-inqas problema waħda tas-saħħa kkawżata mix-xogħol jew li marret għall-agħar minħabba x-xogħol naqas bi kwazi 10 %. Madankollu, l-isfidi għadhom kbar: huwa stmat li kull sena madwar 160 000 Ewropew imutu b'mard relatat ma' xogħolhom. Waħda mill-ogħla prijoritajiet hi li l-ħaddiema jinżammu sikuri u sani fuq il-post tax-xogħol bil-ħarsien u bl-aġġornament tal-istandards Ewropej għoljin.

B'segwitu għall-impenn tagħha biex tkompli ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, il-Kummissjoni se twettaq l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin:

  • L-istabbiliment ta' limitu ta' esponiment jew miżuri oħra għal seba' sustanzi kimiċi oħra li jikkawżaw il-kanċer. Minn din il-proposta mhux biss se tibbenefika s-saħħa tal-ħaddiema, iżda se jiġi stabbilit ukoll objettiv ċar għall-impjegaturi u għall-awtoritajiet tal-infurzar biex jiġi evitat l-esponiment.
  • Tgħin lin-negozji, l-aktar fl-intrapriżi żgħar u fil-mikrointrapriżi, fl-isforzi tagħhom biex jikkonformaw mar-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza. B'mod partikolari, l-evidenza turi li mikrointrapriża waħda minn kull tlieta ma twettaqx valutazzjonijiet tar-riskju tal-post tax-xogħol. Għaldaqstant, illum qed nippubblikaw dokument ta' gwida għall-impjegaturi, b'suġġerimenti prattiċi li jiffaċilitaw il-valutazzjoni tar-riskju u li jagħmluha izjed effettiva. Dan jinkludi pariri dwar kif għandhom jiġu indirizzati r-riskji tal-OSH li jiżdiedu malajr ħafna bħar-riskji psikosoċjali, ergonomiċi u riskji relatati mat-tixjiħ. Għandna wkoll l-għan li nżidu d-disponibbiltà ta' għodod online b'xejn li jgħinu lill-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju.
  • Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali biex fis-sentejn li ġejjin tneħħi jew taġġorna r-regoli skaduti. L-għan huwa li tissemplifika u tnaqqas il-piż amministrattiv, filwaqt li żżomm il-protezzjoni tal-ħaddiema. B'din il-modernizzazzjoni għandu jkun appoġġat ukoll infurzar aħjar fuq il-post.

Ir-rieżami tal-leġiżlazzjoni OSH tal-UE u t-tibdil fid-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni jidħlu sew fil-ħidma tal-Kummissjoni li għaddejja bħalissa għall-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li għandu l-għan li jadatta l-leġiżlazzjoni tal-UE għat-tendenzi tax-xogħol u tas-soċjetà li qed jinbidlu. Il-konsultazzjonijiet u d-dibattiti dwar il-Pilastru kkonfermaw l-importanza tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol bħala s-sies tal-acquis tal-UE u poġġew enfasi fuq il-prevenzjoni u l-infurzar. Il-Komunikazzjoni adottata llum issegwi wkoll fuq l-evalwazzjoni wiesgħa tal-acquis eżistenti bħala parti mill-eżerċizzju tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), bl-għan li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun issemplifikata u ssir aktar rilevanti u effettiva. Il-proposta u t-tibdil ġew żviluppati b'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha, l-aktar is-sħab soċjali.

Kuntest

Fl-2012 il-Kummissjoni bdiet evalwazzjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni OSH tal-UE (id-Direttiva Qafas u 23 Direttiva relatati). Din l-evalwazzjoni kienet parti mill-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), u kellha l-għan li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun issemplifikata, aktar rilevanti u effettiva.

Prijorità speċifika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-OSH hija l-ġlieda kontra l-kanċer, bħala l-ewwel kawża ta' mwiet relatati max-xogħol fl-UE. Il-Kummissjoni dan qed tindirizzah bħala sfida prijoritarja: fit-13 ta' Mejju 2016 ipproponiet miżuri biex jitnaqqas l-esponiment tal-ħaddiema Ewropej għal 13-il sustanza kimika li jikkawżaw il-kanċer, billi pproponiet tibdil fid-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (2004/37/KE). Illum il-Kummissjoni qed issegwi fuq l-impenn politiku tagħha bi proposta oħra biex tindirizza l-esponiment għal seba' sustanzi kimiċi oħra ta' prijorità. Il-Kummissjoni se tibqa' teżamina karċinoġeni oħrajn biex tkompli tipproteġi l-ħaddiema u ttejjeb il-kundizzjonijiet tan-negożju fl-UE.

Għal aktar tagħrif

Mistoqsijiet frekwenti dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mis-sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer

Mistoqsijiet frekwenti dwar il-politika l-ġdida dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Evalwazzjoni ex post tad-Direttiva dwar l-OSH

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Gwida prattika għall-impjegaturi

L-aħbar fuq is-sit tad-DĠ Impjiegi

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Facebook u twitter

Abbona għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea mibgħut b'xejn bil-posta elettronika

IP/17/2

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar