Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-inklużjoni tar-Rom: Hemm bżonn iktar sforzi biex jitjieb l-aċċess għall-iskola u l-impjiegi

Brussell, it-30ta' awissu 2017

Illum il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati ta' valutazzjoni li tagħti ħarsa lejn kif l-Istati Membri qegħdin jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Rom.

Il-valutazzjoni tagħmel aċċenn fuq kif inbidlet il-qagħda tar-Rom mill-2011 'l hawn. Kulma jmur, l-istampa ġenerali qed titjieb bil-mod il-mod: pereżempju, bħalissa hemm iktar tfal Rom li qegħdin imorru l-iskola f'età bikrija, u rata li qed tonqos ta' persuni li jitilqu kmieni mill-iskola. Min-naħa l-oħra, il-valutazzjoni turi li sa 80 % tar-Rom xorta għadhom fir-riskju tal-faqar, avolja din iċ-ċifra hija iktar baxxa minn dik tal-2011.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: “L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq il-valuri tat-tolleranza u l-ugwaljanza. Dawn il-valuri ma jgawdux minnhom iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea, u dan mhux aċċettabbli. L-Istati Membri jridu jaċċelleraw l-isforzi tagħhom biex itejbu l-integrazzjoni tar-Rom jekk irridu ntemmu l-preġudizzji, is-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni li r-Rom għadhom iħossu.”

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri qalet: “Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-UE għamlu strateġiji biex jintegraw il-popolazzjonijiet tar-Roma f'post – dan huwa importanti, iżda għadu biss l-ewwel pass. Issa wasal il-waqt li l-Istati Membri jimplimentaw dawn l-istrateġiji ħalli jagħmlu differenza ta' vera fil-ħajjiet tan-nies. M'hemm ebda settur ieħor iktar importanti għal dan mill-edukazzjoni. It-tfal Rom għandu jkollhom eżattament l-istess aċċess għall-iskola bħall-oħrajn. L-edukazzjoni hija l-muftieħ għal integrazzjoni aħjar fis-soċjetà, li tiftaħ il-bibien għall-impjiegi u ħajja aħjar għal kulħadd.”

Il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom għolla l-importanza tal-integrazzjoni tar-Rom fl-aġendi politiċi nazzjonali, u għen biex jiġu stabbiliti l-objettivi, l-istrutturi, il-finanzjament u l-monitoraġġ neċessarji biex titjieb l-integrazzjoni fl-Ewropa kollha.

Madankollu, skont il-valutazzjoni li saret, fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-abitazzjoni, it-titjib ma kienx ugwali u kien modest.

  • Edukazzjoni: Hemm iktar tfal Rom li qegħdin jieħdu sehem mill-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (53 % fl-2016, żieda minn 47 % fl-2011), u l-iktar titjib sinifikanti sar fi Spanja, fis-Slovakkja, fil-Bulgarija, fl-Ungerija, u fir-Rumanija, u hemm inqas li qegħdin jitilqu kmieni mill-iskola (68 % fl-2016, inqas minn 87 % fl-2011). Dawn iċ-ċifri xorta huma għoljin wisq, u s-segregazzjoni fl-edukazzjoni għadha problema f'xi pajjiżi: fis-Slovakkja, l-Ungerija u l-Bulgarija, iktar minn 60 % tat-tfal Rom huma separati mit-tfal l-oħrajn.
  • Impjiegi: Il-proporzjon ta' żgħażagħ Rom li qegħdin barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (63 % fl-2016, żieda minn 56 % fl-2011) huwa sinjal allarmanti li t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għal impjieg jew oqsma oħra mhijiex effettiva. Ir-rata infatti żdiedet fi Spanja, is-Slovakkja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, u l-Ungerija.
  • Saħħa: In-nuqqas ta' kopertura tal-assigurazzjoni medika bażika għadu kbir f'bosta Stati Membri. Pereżempju, nofs il-popolazzjoni Rom fil-Bulgarija u r-Rumanija m'għandhiex aċċess għall-kopertura tal-assigurazzjoni medika bażika.
  • Akkomodazzjoni: L-aċċess tal-unitajiet domestiċi Rom għas-servizzi bażiċi (ilma tal-vit u l-elettriku) qiegħed jitjieb, partikolarment fil-Bulgarija, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fir-Repubblika Ċeka, iżda r-Rom fil-Portugall, fir-Repubblika Ċeka u fi Spanja qed jesperjenzaw iktar u iktar diskriminazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-akkomodazzjoni, partikolarment l-akkomodazzjoni soċjali.

Il-Kummissjoni qed titlob li jkun hemm iktar sforzi b'koordinazzjoni ikbar bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali, u lokali. Dan, pereżempju, jinkludi li jinħolqu pjattaformi Rom nazzjonali li jgħaqqdu lil dawn l-atturi flimkien biex tiġi kkoordinata aħjar il-ħidma mal-komunitajiet Rom. L-Istati Membri jridu jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu dirett lejn ir-Rom, u jiffukaw fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ, nisa u tfal Rom.

Il-passi li jmiss

Abbażi tal-valutazzjoni ppubblikata llum, il-Kummissjoni se tiddefinixxi l-istrateġija għall-integrazzjoni tar-Rom għal wara l-2020, kif talbu li jsir l-Istati Membri tal-UE.

Il-Kummissjoni nediet ukoll evalwazzjoni tal-effettività, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom. Iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet, u partijiet ikkonċernati oħrajn huma mistiedna jwasslu l-fehmiet taħghom permezz tal-konsultazzjoni pubblika li se tkun miftuħa sal-25 ta' Ottubru 2017.

Sfond

Fl-2011 il-Kummissjoni Ewropea adottat Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, li għandu l-għan li jnaqqas id-distakk bejn ir-Rom u l-bqija tas-soċjetà f'erba' oqsma ewlenin:

  1. L-edukazzjoni
  2. L-impjiegi
  3. Il-kura tas-saħħa
  4. L-akkomodazzjoni

Bosta strumenti legali, ta' politika u ta' finanzjament fil-livell tal-UE ġew mobilizzati biex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Rom. Il-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, u d-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda kontra r-Rom.

Is-Semestru Ewropew jippromwovi r-riforma ta' politiċi ewlenin li jappoġġjaw l-inklużjoni tar-Rom. Il-fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-2014-2020 (FSIE) jippermettu lill-Istati Membri jintroduċu prijorità ta' investiment speċifika għall-integrazzjoni ta' komunitajiet emarġinati, bħalma huma r-Rom.

L-Istati Membri żviluppaw Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u nnominaw Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għar-Rom biex jikkoordinaw l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom. Mill-2016 'l hawn, dawn għandhom l-obbligu li jirrappurtaw ta' kull sena dwar il-miżuri ta' integrazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni.

Għal iktar informazzjoni:

 

 

IP/17/2961

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar