Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Fl-1 ta' Settembru se jsiru mandatorji testijiet ġodda u imtejba tal-emissjonijiet tal-karozzi

Brussell, il-31ta' awissu 2017

.

Mill-1 ta' Settembru 2017, il-mudelli l-ġodda tal-karozzi se jkollhom jgħaddu minn testijiet ġodda u iktar affidabbli tal-emissjonijiet f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali (“Emissjonijiet f'Sewqan Reali” – RDE) kif ukoll minn test tal-laboratorju mtejjeb (“Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief” – WLTP) qabel ma jkunu jistgħu jiċċirkolaw fit-toroq Ewropej.

Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen qal: “It-testijiet il-ġodda tal-emissjonijiet huma stadju importanti fil-ħidma kontinwa tagħna għal karozzi iktar nodfa u sostenibbli fis-snin li ġejjin. Iżda fadal iktar xi jsir. L-iskandlu tal-emissjonijiet wera li neħtieġu iktar indipendenza fl-ittestjar tal-karozzi, sorveljanza tas-suq iktar b'saħħitha u l-possibbiltà li l-Kummissjoni tintervjeni f'każ ta' aġir ħażin. Il-Kummissjoni ppreżentat proposta f'Jannar 2016 biex jinkiseb eżattament dan. Din baqgħet pendenti u issa verament wasal iż-żmien li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottawha. U b'mod deċiżiv irridu nżidu l-isforzi tal-UE kollha biex inrawmu mobbiltà b'emissjonijiet baxxi.”

Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska, responsabbli mis-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, żiedet tgħid: “Huwa fl-interess tagħna lkoll li naqilbu malajr għall-vetturi mingħajr emissjonijiet meta wieħed iqis ir-riskji involuti għas-saħħa pubblika u għall-ambjent. Dan huwa kruċjali għall-industrija tal-karozzi jekk irridu nibqgħu kompetittivi fil-kamp internazzjonali. Iżda għalissa, il-karozzi diżil se jibqgħu parti minn ħajjitna u rridu nerġgħu nibnu l-fiduċja f'din it-teknoloġija. Din hija r-raġuni għaliex huwa essenzjali li jkun hemm testijiet ġodda u iktar affidabbli għall-karozzi l-ġodda. U għall-karozzi li diġà jinsabu fit-triq, l-Istati Membri jridu jagħmlu xogħolhom, jinfurzaw il-liġi u jieħdu passi addizzjonali, flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha, biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-flotta eżistenti.”

It-testijiet il-ġodda tal-emissjonijiet se jiżguraw riżultati iktar affidabbli u se jgħinu biex terġa' tinbena l-fiduċja fil-prestazzjoni tal-karozzi l-ġodda. It-testijiet jirrappreżentaw wieħed minn diversi stadji importanti fil-ħidma tal-Kummissjoni għal industrija tal-karozzi nadifa, sostenibbli u kompetittiva:

  • Testijiet tal-emissjonijiet iktar robusti u preċiżi: L-emissjonijiet tal-NOx u tal-partikolati, li huma kawża maġġuri tat-tniġġis tal-arja, se jitkejlu b'mod iktar affidabbli f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali (test tal-RDE). Dan it-test se jikkumplementa proċedura ġdida tat-test tal-laboratorju iktar realistika (test WLTP) għall-emissjonijiet kollha inkluż is-CO2 u l-konsum tal-fjuwil kif ukoll l-NOx u sustanzi niġġiesa tal-arja oħrajn. Iż-żewġ testijiet se jsiru mandatorji minn Settembru 2017 għall-mudelli l-ġodda kollha tal-karozzi u se jiddaħħlu gradwalment għall-karozzi l-ġodda kollha bejn l-2018 u l-2019 (għad-dettalji ara MEMO/17/2821).
  • Tiġdid komplut tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip: Ladarba tiġi adottata, il-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni ta' Jannar 2016 se tiżgura iktar kwalità u indipendenza tal-ittestjar tal-vetturi, iktar sorveljanza tal-karozzi li diġà jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni, u l-introduzzjoni ta' sorveljanza tal-UE fis-sistema.
  • Standards tal-kwalità tal-arja: L-Istati Membri jridu jkunu konformi mal-valuri limitu tal-UE għal numru ta' sustanzi niġġiesa, inkluż l-NO2, u jistabbilixxu pjanijiet tal-kwalità tal-arja għaż-żoni jew għall-agglomerazzjonijiet meta dawn il-valuri limitu jinqabżu.
  • Mobbiltà b'livell baxx ta' emissjonijiet: L-Istrateġija Ewropea għal mobbiltà b'livell baxx ta' emissjonijiet timmira li żżid l-effiċjenza tas-sistema tat-trasport; tħaffef il-varar ta' enerġija alternattiva b'livell baxx ta' emissjonijiet għat-trasport, u l-moviment lejn vetturi mingħajr emissjonijiet. Din tiffoka fuq firxa ta' għażliet tal-enerġija alternattiva b'livell baxx ta' emissjonijiet għall-karozzi tal-passiġġieri u għax-xarabanks, kif ukoll tixħet enfasi fuq l-elettrifikazzjoni fit-trasport ferrovjarju u l-bijofjuwils fl-avjazzjoni, fit-trakkijiet u fil-kowċis. Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tadotta Pjan ta' Azzjoni għal Infrastruttura tal-Fjuwils Alternattivi biex ikun hemm użu iktar mifrux tal-fjuwils alternattivi fl-Ewropa sa Novembru 2017.

B'mod parallel, il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib l-isforzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-karozzi li jniġġsu li diġà jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni.

B'segwitu għar-revelazzjonijiet f'Settembru 2015 li l-Grupp Volkswagen għamel użu minn software ta' apparat ta' manipulazzjoni biex idur mal-istandards tal-emissjonijiet għal ċerti sustanzi niġġiesa tal-arja, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha, bħala l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-suq u għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip, biex iwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji fil-livelli ta' emissjonijiet reali fit-territorju tagħhom, u biex jiżguraw konformità mal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni appoġġat xogħolhom billi żviluppat metodoloġija komuni tal-ittestjar biex tiskrinja għall-apparat ta' manipulazzjoni li jbiddel ir-riżultati tal-laboratorju u tiżgura l-konsistenza tar-riżultati tal-investigazzjonijiet nazzjonali. Ippubblikat gwida biex tgħin lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jevalwaw jekk il-manifatturi tal-karozzi jagħmlux użu minn apparat ta' manipulazzjoni jew strateġiji oħrajn li jwasslu għal emissjonijiet ogħla tal-vettura barra miċ-ċiklu tat-test u janalizzaw jekk dawn humiex teknikament ġustifikati.

Il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta' ksur kontra tmien Stati Membri għall-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE f'Diċembru 2016 u f'Mejju 2017, u qed tkompli timmonitorja jekk il-liġi tal-UE fil-qasam hijiex qed tiġi infurzata kif suppost.

Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li r-regoli tal-kompetizzjoni jiġu rispettati u se tkompli taħdem għal arranġament ġust għall-konsumaturi.

Finalment, il-Kummissjoni qed tiżvolġi l-isforzi tagħha biex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kwalità tal-arja tal-UE permezz ta' proċeduri ta' ksur kontra 16-il Stat Membru li kisru l-valuri limitu tal-NO2 ambjentali.

Aktar informazzjoni

MEMO/17/2821: Azzjoni tal-UE biex jonqos it-tniġġis tal-arja mill-karozzi

Stockshots

Atti tal-RDE:

Stqarrija għall-istampa dwar il-proposta tal-approvazzjoni tat-tip

Proposta għal Regolament dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq tal-vetturi bil-mutur

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Ewropa attiva”

IP/17/2822

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar