Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-appredistati barra l-pajjiż: Il-Kummissjoni tagħti spinta lill-kollokamenti fuq terminu twil madwar l-UE

Brussell, I-4ta' settembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinanzja minn qabel seba' proġetti pilota li joffru apprendistati barra l-pajjiż.

L-għan ta' dawn il-proġetti huwa li jittestjaw kollokamenti ta' mill-inqas sitt xhur, bi sforz għall-promozzjoni ta' apprendistati itwal barra mill-pajjiż.

Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobbiltà tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, qalet: “L-evidenza wriet li esperjenzi ta' mobilità fit-tul itejbu l-ħiliet soċjali, lingwistiċi u dawk speċifiċi għall-impjieg — ħafna aktar minn żjarat qosra barra l-pajjiż. Madankollu, kuntrarjament għall-istudenti universitarji li jipparteċipaw fi programmi ta' sena bħall-Erasmus, il-parti l-kbira tal-istudenti tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għandhom it-tendenza li jmorru barra minn pajjiżhom għal perjodi relattivament qosra. Huwa għalhekk li qed noħolqu aktar opportunitajiet ta' mobilità fit-tul, li finalment se jżidulhom il-possibiltajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol. B'dawn il-proġetti pilota u bl-inizjattiva l-ġdida tagħna ErasmusPro, nistennew li sal-2020 inkunu mmobilizzajna sa 50,000 opportunità ta' mobilità fit-tul għall-istudenti tal-ETV.”

Illum, madwar 650,000 student u gradwat tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament tal-Erasmus+ bħala għajnuna fl-esperjenzi tagħhom ta' mobilità barra l-pajjiż għal perjodu ta' bejn ġimgħatejn u sena. Madankollu, minkejja l-benefiċċji ta' kollokamenti twal, anqas minn 1% tal-parteċipanti jibqgħu barra l-pajjiż għal aktar minn sitt xhur. Għaldaqstant, il-proġetti pilota mnedija din is-sena se joffru pożizzjoni f'pajjiż ieħor tal-UE għal bejn sitt xhur u sena lil 238 apprendist, biex jiġu identifikati l-prattiki tajbin u l-ostakli ta' apprendistati fuq terminu twil barra l-pajjiż. Dawn il-238 kollokament ma jinkludux il-100 apprendist li bħalissa huma involuti fi proġetti simili ffinanzjati mill-Kummissjoni fl-2016. Bħala parti mill-isforz ġenerali tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-mobilità fit-tul għall-istudenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), f'Diċembru 2016 il-Kummissjoni pproponiet ukoll l-inizjattiva ErasmusPro li se tibda topera fl-2018 u se tippermetti 50,000 żagħżugħ u żagħżugħa oħra jqattgħu bejn tliet xhur u sena fi Stat Membru ieħor.

Kemm il-proġetti pilota kif ukoll l-ErasmusPro huma l-ewwel passi lejn qafas Ewropew għall-mobilità fit-tul tal-apprendisti. Dan se jipprovdi gwida konkreta għall-Istati Membri biex jagħtu opportunità liż-żgħażagħ jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom, filwaqt li jsaħħu s-sens ta' ċittadinanza Ewropea tagħhom permezz ta' esperjenza f'pajjiż ieħor tal-UE.

Sfond

Il-Kummissjoni diġà tat appoġġ sostanzjali għall-mobilità lill-istudenti tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV). Pereżempju, madwar 650,000 student tal-ETV u gradwati reċenti tal-ETV se jibbenefikaw minn finanzjament li jappoġġja l-esperjenzi tagħhom ta' mobilità barra l-pajjiż permezz tal-programm Erasmus+. Dawn ivarjaw bejn perjodu ta' ġimgħatejn u sena.

Madankollu, il-Kummissjoni timmira li ssaħħaħ l-opportunitajiet għal aktar mobilità fuq terminu twil u għaldaqstant esperjenzi aktar fil-fond għall-istudenti u l-apprendisti tal-ETV, biex tgħinhom iwettqu parti aktar sostanzjali mit-taħriġ tagħhom f'pajjiż Ewropew ieħor.

Il-prefinanzjament tal-proġetti pilota huwa eżempju ta' dan fil-prattika. S'issa, il-Kummissjoni nediet żewġ sejħiet għall-proposti pilota (fl-2016 u fl-2017). Disa' proġetti ngħataw għotjiet. Il-proġetti ta' din is-sena qed jitmexxew minn sitt Stati Membri (il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja); għalkemm 21 Stat Membru huma involuti fis-sħubiji. Il-proġetti joffru apprentistati f'firxa wiesgħa ta' professjonijiet u setturi, bħat-turiżmu, il-catering, il-kura tas-saħħa, in-negozju u l-loġistika, l-IT, il-kummerċ, il-kostruzzjoni, il-manifattura (metall, elettronika,...) u l-agrikoltura. L-esperjenzi professjonali, personali u soċjali miksuba waqt li jkunu qegħdin jgħixu u jaħdmu barra minn pajjiżhom se jikkomplementaw l-istudju f'“pajjiżhom”.

Is-seba' proġetti pilota għall-2017 għandhom l-għan li:

  • Jevalwaw it-talba u l-kapaċità għal skemi ta' mobilità ta' apprendistati transnazzjonali fuq terminu twil;
  • Jidentifikaw l-ostakli għall-mobilità fit-tul;
  • Jidentifikaw u jxerrdu prattiki tajbin u fatturi ta' suċċess għal kollokamenti fuq terminu twil għall-apprendisti.

Il-proġetti tal-2017 se jibqgħu għaddejin sal-aħħar tal-2018 - kmieni fl-2019.

L-għan li titjieb il-mobilità fit-tul għall-istudenti tal-ETV hija raġuni oħra għala l-Kummissjoni pproponiet l-“ErasmusPro” f'Diċembru 2016, bħala parti mill-programm Erasmus+, imfassal b'mod speċjali biex jappoġġa kollokamenti fit-tul għall-istudenti tal-ETV barra l-pajjiż. L-ErasmusPro li se jibda jopera fl-2018, jiftaħ il-possibilità għal 50,000 żagħżugħ u żagħżugħa oħra biex iqattgħu bejn tliet xhur u sena fi Stat Membru ieħor.

Għal aktar informazzjoni

Segwi lil Marianne Thyssen fuq Twitter u fuq Facebook

Abbona għall-bulettin dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea mibgħut b'xejn bil-posta elettronika

IP/17/2763

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar