Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Komitoloġija: Il-Kummissjoni tipproponi aktar trasparenza u responsabbiltà fi proċeduri għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE

Strasburgu, I-14ta' frar 2017

Illum il-Kummissjoni pproponiet li temenda r-Regolament dwar il-Komitoloġija, bl-għan li tiżdied it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Il-Kummissjoni qed twettaq il-wegħda tal-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016 meta huwa stqarr li, ."Mhuwiex xieraq li meta l-pajjiżi tal-UE ma jkunux jistgħu jiddeċiedu bejniethom dwar il-projbizzjoni tal-użu tal-glifosat fl-erbiċidi, il-Kummissjoni tiġi kostretta mill-Parlament u mill-Kunsill biex tieħu deċiżjoni Għalhekk aħna se nibdlu dawn ir-regoli.”

Il-pakkett ta' erba' emendi fil-mira se jtejjeb it-trasparenza dwar il-pożizzjonijiet meħuda mill-Istati Membri, jagħti lok għal aktar gwida politika, u jiżgura aktar responsabbiltà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-erba' miżuri proposti huma:

  • bidla fir-regoli tal-votazzjoni fl-aħħar stadju tal-proċedura tal-komitoloġija (il-Kumitat ta' Appell), b'tali mod li jiġu kkunsidrati biss il-voti favur jew kontra att; dan se jnaqqas l-użu ta' astensjonijiet u l-għadd ta' sitwazzjonijiet fejn il-Kumitat ma jkunx jista' jieħu pożizzjoni u l-Kummissjoni tkun obbligata li taġixxi mingħajr mandat ċar mill-Istati Membri;
  • l-involviment tal-Ministri nazzjonali billi jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel it-tieni rinviju lill-Kumitat ta' Appell fil-livell Ministerjali jekk l-esperti nazzjonali ma jieħdux pożizzjoni; dan se jiżgura li deċiżjonijiet sensittivi jiġu diskussi fil-livell politiku xieraq;
  • żieda fit-trasparenza tal-votazzjoni fil-livell tal-Kumitat ta' Appell bil-pubblikazzjoni tal-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri;
  • l-iżgurar ta' kontribut politiku billi jippermetti lill-Kummissjoni tirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill tal-Ministri għal Opinjoni jekk il-Kumitat ta' Appell ma jkunx jista' jieħu pożizzjoni.

Is-sistema tal-komitoloġija taħdem sew għall-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet. Madankollu, f'għadd ta' każijiet ta' profil għoli u sensittivi f'dawn l-aħħar snin l-Istati Membri ma kinux kapaċi jsibu l-maġġoranza meħtieġa biex jivvotaw favur jew kontra ċerti abbozzi ta' atti, l-hekk imsejjaħ xenarju ta' “ebda opinjoni”. F'dawn il-każijiet, ir-responsabbiltà li tittieħed deċiżjoni finali taqa' f'idejn il-Kummissjoni, l-obbligu li tittieħed deċiżjoni mingħajr appoġġ politiku ċar mill-Istati Membri. Fl-2015 u l-2016, il-Kummissjoni kienet legalment obbligata tadotta 17-il att li kienu jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni ta' prodotti u sustanzi sensittivi bħall-glifosat jew l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM), minkejja li l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu pożizzjoni la favur u lanqas kontra d-deċiżjonijiet.

Din il-proposta tħabbret bħala waħda mill-inizjattivi l-ġodda ewlenin fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017. Hija se tiġi trażmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Għal iktar informazzjoni:

Mistoqsijiet u tweġibiet: Riformi tal-Proċedura ta' Komitoloġija

SOTEU 2016

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017

Abbozz ta' Regolament

Ir-Reġistru tal-Komitoloġija

IP/17/264

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar