Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: L-ewwel voluntiera fl-Italja sabiex jgħinu biex jinbnew mill-ġdid ir-reġjuni milquta mit-terremot

Brussell, is-17ta' awissu 2017

Illum, l-ewwel grupp tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jasal f'Norcia, l-Italja, sabiex jgħin fl-isforzi li għaddejjin biex tissewwa l-ħsara u biex jerġgħu jinbnew is-servizzi soċjali għall-komunità lokali milquta mit-terremoti severi li laqtu r-reġjun is-sena l-oħra.

16-il voluntier żagħżugħ tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà – li qed jipparteċipaw fil-proġett “Iż-żgħażagħ Ewropej għal Norcia” immexxi mill-organizzazzjoni Taljana “Kora” – se jgħinu biex jerġa' jinbena l-bini storiku li ġarrab ħsarat kbar minħabba t-terremoti, inklużi l-Bażilika ta' San Benedittu u l-Monasteru tal-Benedittini. Huma se jaħdmu wkoll flimkien maż-żgħażagħ u l-anzjani ta' Norcia, u se jorganizzaw sessjonijiet ta' ħidma, attivitajiet fil-beraħ u avvenimenti kulturali.

Tibor Navracsics, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, qal: “Inqas minn sena wara li l-President Juncker ħabbar l-idea tiegħu li jinħoloq il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, dan ġie stabbilit u qed jiffunzjona, u qiegħed jipprovdi solliev lill-persuni li għandhom bżonnu. Norcia u ċ-ċittadini tagħha sofrew ħafna, u jien kburi b'dawn iż-żgħażagħ Ewropej li qed juru solidarjetà billi jgħinu lil din il-komunità tikupra. Ninsab ħerqan biex nara l-proġetti jien stess u biex niltaqa' mal-voluntiera u l-awtoritajiet lokali waqt iż-żjara tiegħi fl-4 u l-5 ta' Settembru. Permezz tal-isforzi tagħhom, speċjalment biex terġa' tinbena l-Bażilika ta' Sen Benedittu, dawn iż-żgħażagħ qegħdin jibnu wkoll pont bejn l-imgħoddi tal-Ewropa u l-ġejjieni tagħha, li huwa kontribut importanti għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali li ġejja.”

Il-voluntiera li sejrin Norcia ġejjin mill-Awstrija, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, il-Portugall u Spanja. Il-proġett li qegħdin jipparteċipaw fih huwa wieħed minn tliet proġetti li jagħmlu mal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà attwalment magħżula għal attivitajiet fir-reġjuni Taljani milquta mit-terremoti. F'Settembru ta' din is-sena, iktar membri tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jingħaqdu maż-żewġ proġetti l-oħra, immexxija mill-organizzazzjoni Arci Culture Solidari u l-Muniċipalità ta' Pescara rispettivament. B'kollox, sal-2020, 230 membru tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkunu qed jappoġġaw il-komunitajiet Taljani milquta mit-terremoti, u ġew allokati EUR 790,000 għal dawn il-proġetti.

Sfond

Fl-24 ta' Awwissu 2016 seħħ terremot b'saħħtu viċin Norcia, li kkawża ħsara kbira lill-ibliet fir-reġjun u qatel madwar 300 ruħ. Il-belt ta' Norcia soffriet ħsara strutturali, fortunatament mingħajr korrimenti fatali, iżda ħafna nies kellhom iħallu darhom. Fit-30 ta' Ottubru 2016 laqat lil Norcia terremot qawwi ieħor li kompla kkawża iktar ħsarat estensivi lill-belt.

Issa li ngħatat l-għajnuna kollha immedjata wara d-diżastru, se jibda l-bini mill-ġdid. Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, imħabbar mill-President Juncker waqt id-diskors tiegħu tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni, ġie stabbilit preċiżament biex iwieġeb għal bżonnijiet bħal dawn, u biex jagħti l-opportunità liż-żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 18 u 30 sena sabiex jieħdu sehem f'dawn it-tip ta' attivitajiet ta' solidarjetà madwar l-UE.

Il-proġetti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jiffurmaw parti minn firxa wiesgħa ta' appoġġ mill-UE wara t-terremoti tal-2016 u l-2017 fir-reġjuni Taljani ta' Abruzzo, Lazio, Marche u Umbria. F'Ġunju, il-Kummissjoni pproponiet EUR 1.2 biljun mill-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, l-ogħla ammont li qatt ingħata minn dan il-fond, u l-Italja diġà hi l-ikbar benefiċjarja tiegħu.

Minn mindu tnieda fis-7 ta' Diċembru 2016, fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà issieħbu iktar minn 34,000 żagħżugħ u żagħżugħa. F'Marzu tal-2017 bdiet l-għażla tal-kollokamenti mal-organizzazzjonijiet; minn dak iż-żmien 'l hawn, ġew ikkuntattjati madwar 15,000 parteċipant u ġew aċċettati 700 kollokament. L-għan huwa li sal-aħħar tal-2020 ikun hemm 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa jipparteċipaw fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

Fit-30 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jitpoġġa fuq sisien sodi, b'baġit ta' €341.5 miljun għas-snin 2018 sa 2020 u b'bażi ġuridika apposta għalhekk. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li testendi l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Minbarra li joffri kollokamenti f'volontarjat, fi traineeships u f'impjiegi, fil-ġejjieni l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jagħti wkoll l-opportunità lill-parteċipanti li jistabbilixxu l-proġetti ta' solidarjetà tagħhom stess jew li jivvolontarjaw bħala grupp. Issa jeħtieġ li l-proposta għal abbozz ta' Regolament tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel ma tkun tista' tidħol fis-seħħ.

Għal aktar informazzjoni

Skeda informattiva: EU-support in Italy (Appoġġ fl-Italja mill-UE)

Skeda informattiva: Taking the European Solidarity Corps forward (Immexxu lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà 'l quddiem)

Skeda informattiva għall-organizzazzjonijiet

MEMO Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

MEMO Taking the European Solidarity Corps forward (Immexxu lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà 'l quddiem) Mistoqsijiet u Tweġibiet

Il-paġna tar-reġistrazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Il-paġna ta' facebook tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

Twitter: #EUSolidarityCorps

Segwi lill-Kummissarju Oettinger fuq Twitter

Segwi lill-Kummissarju Navracsics fuq Twitter

Segwi lill-Kummissarju Thyssen fuq Twitter u Facebook

IP/17/2543

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar