Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Lejn katina tal-provvista tal-ikel aktar ġusta: Il-Kummissjoni Ewropea titlob għal kontributi

Brussell, is-16ta' awissu 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet konsultazzjoni pubblika madwar l-UE kollha dwar kif il-katina tal-provvista tal-ikel tista' ssir aktar ġusta.

Il-bdiewa, iċ-ċittadini u l-partijiet interessati l-oħra huma mistiedna sabiex jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' konsultazzjoni online li se tibqa' għaddejja sas-17 ta' Novembru.

Jeżistu indikazzjonijiet li l-valur miżjud fil-katina tal-provvista tal-ikel mhuwiex imqassam b'mod xieraq fil-livelli kollha tal-katina minħabba, pereżempju, id-differenzi fis-setgħa ta' negozjar bejn l-operaturi iżgħar, u għaldaqstant aktar vulnerabbli, inklużi l-bdiewa u n-negozji ż-żgħar, kif ukoll is-sħab kummerċjali tagħhom li huma ekonomikament aktar b'saħħithom u kkonċentrati ħafna.

Il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali Phil Hogan qal: "Il-bdiewa huma l-ewwel ħolqa tal-katina u mingħajrhom ma jkun hemm l-ebda ikel biex jiġi proċessat, mibjugħ u kkunsmat. Madankollu, ta' spiss ninnutaw li dawn jibqgħu l-aktar ħolqa dgħajfa tal-katina. Sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-katina tal-provvista tal-ikel ninsabu fuq quddiem nett biex tittieħed azzjoni skont il-pożizzjoni kostanti tal-Kummissjoni li tappoġġa lill-bdiewa Ewropej. Inħeġġeġ liċ-ċittadini, lill-bdiewa u lill-partijiet ikkonċernati kollha tal-UE sabiex jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom magħna permezz ta' din il-konsultazzjoni online.”

Il-Kummissjoni Ewropea hija interessata li tiġbor il-kontributi sabiex tivvaluta n-neċessità u l-espedjenza ta' miżuri potenzjali li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati jew regolati l-prattiki kummerċjali mhux ġusti fir-rigward tal-prodotti agroalimentari.

Il-Kummissjoni tixtieq ukoll tivvaluta l-livell tat-trasparenza tas-suq fil-katina kollha u fejn dan jista' jitjieb. Filwaqt li tqis il-ħtieġa ta' ċertu grad ta' kompetizzjoni, il-konsultazzjoni se tgħin biex jiġi ġġudikat jekk hijiex meħtieġa l-introduzzjoni ta' arranġamenti supplimentari tal-UE għat-trasparenza tas-suq.

Fl-aħħar nett, il-kwestjonarju janalizza l-livell ta' interess fil-kooperazzjoni tal-produtturi u l-użu tal-hekk imsejħa ftehimiet tal-qsim tal-valur (jiġifieri l-qsim ta' bonuses u ta' telf tas-suq li jirriżultaw mill-evoluzzjonijiet tal-prezzijiet tas-suq rilevanti), li diġà qed jintużaw f'ċerti setturi bħal dak taz-zokkor.

Inkomplu nibnu fuq il-ħidma tat-Task Force dwar is-Swieq Agrikoli

Il-konsultazzjoni hija bbażata fuq il-ħidma tat-Task Force dwar is-Swieq Agrikoli (AMTF), stabbilita mill-Kummissarju Hogan f'Jannar 2016. L-AMTF issuġġeriet għadd ta' modi konkreti biex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel, u l-konsultazzjoni se tibni fuq din il-ħidma sabiex tinforma l-ħidma futura potenzjali tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, ġiet ippubblikata għall-konsultazzjoni u għall-feedback valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, li tiddeskrivi firxa ta' opinjonijiet ta' politika possibbli, u se ssir ukoll valutazzjoni sħiħa tal-impatt fuq kwalunkwe inizjattiva futura sabiex titjieb il-katina tal-provvista tal-ikel.

Kull proposta futura tal-Kummissjoni se tkun koerenti wkoll mal-approċċ usa' biex tiġi ssimplifikata u mmodernizzata l-Politika Agrikola Komuni.

Għal aktar tagħrif

Konsultazzjoni pubblika dwar l-inizjattiva sabiex titjieb il-katina tal-provvista tal-ikel – disponibbli dalwaqt fil-lingwi kollha tal-UE.

Valutazzjoni tal-impatt tal-bidu dwar il-katina tal-provvista tal-ikel

Ikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet u konsultazzjonijiet pubbliċi tal-UE

IP/17/2521

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar